Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU 28

Id-dixxipli taʼ Ġesù għax ma jsumux?

Id-dixxipli taʼ Ġesù għax ma jsumux?

MATTEW 9:14-​17 MARKU 2:18-​22 LUQA 5:33-​39

  • ID-​DIXXIPLI TAʼ ĠWANNI JISTAQSU LIL ĠESÙ DWAR IS-​SAWM

Ġwanni l-​Battista ilu l-​ħabs minn xi żmien wara li Ġesù attenda l-​Qbiż tas-​sena 30 WK. Ġwanni ried li d-​dixxipli tiegħu jsiru segwaċi taʼ Ġesù, imma mhux kollha għamlu dan fix-​xhur mindu Ġwanni ġie mitfugħ il-​ħabs.

Issa, hekk kif joqrob il-​Qbiż tas-​sena 31 WK, uħud mid-​dixxipli taʼ Ġwanni jiġu għand Ġesù u jistaqsu: “Għala aħna u l-​Fariżej insumu regolarment imma d-​dixxipli tiegħek ma jsumux?” (Mattew 9:14) Il-​Fariżej isumu regolarment bħala drawwa reliġjuża. Iktar tard, Ġesù saħansitra juża tixbiha li fiha Fariżew ġust f’għajnejh stess jitlob: “O Alla, nirringrazzjak li m’iniex bħall-​bqija tal-​bnedmin . . . Insum darbtejn fil-​ġimgħa.” (Luqa 18:11, 12) Id-​dixxipli taʼ Ġwanni għandhom mnejn li wkoll kienu qed isumu bħala drawwa. Jew forsi kienu qed isumu għax kienu mnikktin li Ġwanni kien il-​ħabs. Anki dawk li qed josservaw jaħsbu għala ma jsumux id-​dixxipli taʼ Ġesù, forsi bħala turija tan-​niket tagħhom għal dak li ġara lil Ġwanni.

Ġesù jwieġeb billi juża eżempju: “Il-​ħbieb taʼ l-​għarus m’għandhomx għalfejn jitnikktu dment li l-​għarus ikun magħhom, hux hekk? Imma jiġi żmien meta l-​għarus jittiħdilhom, u mbagħad isumu.”—Mattew 9:15.

Ġwanni nnifsu rrefera għal Ġesù bħala għarus. (Ġwanni 3:28, 29) Allura, waqt li Ġesù qiegħed magħhom, id-​dixxipli taʼ Ġesù ma jsumux. Iktar tard, meta jmut Ġesù, id-​dixxipli tiegħu se jitnikktu u ma jkollhomx aptit jieklu. Iżda x’bidla meta jiġi rxoxtat! Imbagħad mhux se jkollhom għalfejn isumu minħabba n-​niket.

Imbagħad, Ġesù jagħti dawn iż-​żewġ tixbihat: “Ħadd ma jħit roqgħa drapp ġdid fuq libsa qadima; għax is-​saħħa tar-​roqgħa tiġbed il-​libsa u t-​tiċrita tikber. Lanqas ma jqiegħdu nbid ġdid fi ġlud taʼ l-​inbid qodma; għax jekk jagħmlu hekk, il-​ġlud jinfaqgħu u l-​inbid jinxtered u l-​ġlud ma jibqgħux tajbin. Imma n-​nies iqiegħdu nbid ġdid fi ġlud ġodda.” (Mattew 9:16, 17) Ġesù x’punt irid joħroġ?

Ġesù qed jgħin lid-​dixxipli taʼ Ġwanni l-​Battista jifhmu li ħadd m’għandu jistenna li s-​segwaċi taʼ Ġesù jgħixu fi qbil mal-​prattiki antiki tal-​Ġudaiżmu, bħas-​sawm regolari. Hu ma ġiex biex jirranġa u jtawwal dawn il-​prattiki antiki, li wara kollox dalwaqt kienu se jitwarrbu. Il-​qima li qed jinkuraġġixxi Ġesù mhijiex waħda li ssegwi l-​Ġudaiżmu taʼ dak iż-​żmien, bil-​ħafna tradizzjonijiet tal-​bniedem. Le, mhux qed jipprova jħit roqgħa drapp ġdid fuq libsa qadima jew jitfaʼ nbid ġdid fi ġlud tal-​inbid ibsin u qodma.