ĠWANNI 14:1-​31

  • ĠESÙ SEJJER IĦEJJI POST

  • IWIEGĦED LIS-​SEGWAĊI TIEGĦU AJJUTANT

  • IL-​MISSIER HU AKBAR MINN ĠESÙ

Ġesù għadu fil-​kamra taʼ fuq mal-​appostli wara l-​ikla tat-​tifkira u issa jinkuraġġihom billi jgħidilhom: “Tħallux lil qlubkom jitħawdu. Eżerċitaw il-​fidi f’Alla, eżerċitaw il-​fidi fija wkoll.”—Ġwanni 13:36; 14:1.

Ġesù jagħti lill-​appostli leali raġuni tajba biex ma jinkwetawx dwar il-​fatt li se jitlaq, hu jgħid: “F’dar Missieri hemm ħafna postijiet fejn toqogħdu. . . . Meta mmur inħejji post għalikom, nerġaʼ niġi u nilqagħkom id-​dar għandi, biex fejn inkun jien tkunu intom ukoll.” Madankollu, l-​appostli ma jifhmux li qed jitkellem dwar li se jmur fis-​sema. Tumas jistaqsi: “Mulej, ma nafux fejn sejjer. Kif nafuha t-​triq?”—Ġwanni 14:2-​5.

“Jien it-​triq, il-​verità, u l-​ħajja,” iwieġeb Ġesù. L-​uniku mod kif wieħed jistaʼ jidħol fid-​dar taʼ Missieru fis-​sema hu billi jaċċetta lil Ġesù u t-​tagħlim tiegħu u jimitah. Ġesù jgħid: “Ħadd ma jiġi għand il-​Missier ħlief permezz tiegħi.”—Ġwanni 14:6.

Filippu, li qed jismaʼ b’attenzjoni, jitolbu: “Mulej, urina l-​Missier, u jkun biżżejjed għalina.” Filippu donnu jrid xi viżjoni t’Alla, bħalma raw Mosè, Elija, u Isaija. Madankollu, l-​appostli għandhom xi ħaġa aħjar minn dawn il-​viżjonijiet. Ġesù jenfasizza dan billi jgħid: “Ili daqshekk magħkom, Filippu, u għadek ma sirtx taf min jien? Min ra lili ra wkoll lill-​Missier.” Ġesù jirrifletti perfettament il-​personalità tal-​Missier; għalhekk, peress li jgħixu maʼ Ġesù u josservawh huma bħallikieku qed jaraw lill-​Missier. M’għandniex xi ngħidu, il-​Missier hu superjuri għall-​Iben, għax Ġesù jgħid: “Dak li ngħidilkom ma ngħidux minni nnifsi.” (Ġwanni 14:8-​10) L-​appostli jistgħu jaraw li Ġesù qed jagħti l-​krettu kollu għat-​tagħlim tiegħu lil Missieru.

 L-​appostli taʼ Ġesù rawh iwettaq għemejjel tal-​għaġeb u semgħuh ixandar l-​aħbar tajba dwar is-​Saltna t’Alla. Issa jgħidilhom: “Min jeżerċita l-​fidi fija, dan ukoll se jagħmel l-​għemejjel li nagħmel jien; u se jagħmel għemejjel akbar minn dawn.” (Ġwanni 14:12) Ġesù mhuwiex qed jgħid li se jwettqu mirakli akbar minn tiegħu. Imma huma se jwettqu l-​ministeru tagħhom għal perijodu itwal taʼ żmien, f’ħafna iktar postijiet, u se jilħqu bil-​wisq iktar nies.

Il-​fatt li Ġesù se jitlaq ma jfissirx li huma se jiġu abbandunati, għax hu jwegħedhom: “Jekk titolbu xi ħaġa f’ismi, nagħmilha.” Barra minn hekk, hu jgħid: “Jien nitlob lill-​Missier u jagħtikom ajjutant ieħor biex ikun magħkom għal dejjem, l-​ispirtu tal-​verità.” (Ġwanni 14:14, 16, 17) Hu jiggarantilhom li se jirċievu l-​ispirtu qaddis, li hu l-​ajjutant ieħor. Dan iseħħ fil-​jum taʼ Pentekoste.

Ġesù jgħid: “Ftit ieħor u d-​dinja ma taranix iktar, imma intom tarawni, għax jien ngħix u intom se tgħixu.” (Ġwanni 14:19) Ġesù mhux biss se jidhrilhom bħala bniedem wara l-​irxoxt tiegħu imma wkoll, maż-​żmien, se jirxoxtahom biex ikunu miegħu fis-​sema bħala ħlejjaq spirti.

Issa Ġesù jistqarr verità sempliċi: “Min għandu l-​kmandamenti tiegħi u josservahom, dan iħobbni. U min iħobbni jkun maħbub minn Missieri, u jien inħobbu u nurih lili nnifsi b’mod ċar.” Xħin jismaʼ dan il-​kliem, l-​appostlu Ġuda, li jismu wkoll Taddew, jistaqsi: “Mulej, x’ġara biex bi ħsiebek turi lilek innifsek b’mod ċar lilna u mhux lid-​dinja?” Ġesù jwieġbu: “Jekk xi ħadd iħobbni, josserva kelmti, u Missieri jħobbu . . . Min ma jħobbnix ma josservax kliemi.” (Ġwanni 14:21-​24) Kuntrarju għas-​segwaċi tiegħu, id-​dinja ma tirrikonoxxix lil Ġesù bħala t-​triq, il-​verità, u l-​ħajja.

Ġesù mhux se jibqaʼ magħhom, allura d-​dixxipli tiegħu kif se jkunu jistgħu jiftakru dak kollu li għallimhom? Ġesù jispjega: “L-​ajjutant, l-​ispirtu qaddis, li l-​Missier jibgħat f’ismi, jgħallimkom kollox u jfakkarkom kulma għedtilkom.” L-​appostli raw kemm l-​ispirtu qaddis hu qawwi, allura din l-​assiguranza sserrħilhom moħħhom. Ġesù jżid jgħid: “Inħallilkom il-​paċi, nagħtikom il-​paċi tiegħi. . . . Tħallux lil qlubkom jitħawdu u lanqas jitbeżżgħu.” (Ġwanni 14:26, 27) Allura, id-​dixxipli għandhom raġuni tajba biex ma jinkwetawx—huma se jingħataw direzzjoni u protezzjoni mingħand Missier Ġesù.

Il-​protezzjoni t’Alla dalwaqt se tidher b’mod ċar. Ġesù jgħid: “Ġej il-​ħakkiem tad-​dinja. Hu m’għandu ebda setgħa fuqi.” (Ġwanni 14:30) Ix-​Xitan irnexxielu jidħol f’​Ġuda u jinfluwenzah. Imma Ġesù li hu perfett m’għandux xi dgħufija li Satana jistaʼ juża biex idawru kontra Alla. U x-​Xitan lanqas mhu se jirnexxilu jeħles minn Ġesù bil-​mewt. Għala le? Ġesù jgħid: “Bħalma ordnali l-​Missier, hekk qed nagħmel.” Hu ċert li Missieru se jirxoxtah.—Ġwanni 14:31.