ĠWANNI 17:1-​26

  • XI JFISSER LI SSIR TAF LIL ALLA U LIL IBNU

  • ĠEĦOVA, ĠESÙ, U D-​DIXXIPLI HUMA ĦAĠA WAĦDA

Imqanqal minn imħabba profonda għall-​appostli tiegħu, Ġesù qed iħejjihom peress li dalwaqt se jitlaq. Issa jerfaʼ għajnejh lejn is-​sema u jitlob lil Missieru: “Igglorifika lil ibnek, biex ibnek jigglorifika lilek, skond l-​awtorità li tajtu fuq il-​bnedmin kollha, biex jagħti l-​ħajja taʼ dejjem lill-​għadd sħiħ taʼ dawk li tajtu.”—Ġwanni 17:1, 2.

Jidher ċar li Ġesù jifhem kemm hu importanti li dak li jkun jagħti glorja lil Alla. Imma kemm hu taʼ faraġ il-​prospett li jsemmi Ġesù—il-​ħajja taʼ dejjem! Peress li ngħata ‘l-​awtorità fuq il-​bnedmin kollha,’ Ġesù jistaʼ joffri l-​benefiċċji tal-​fidwa tiegħu lill-​umanità kollha. Iżda, ftit biss se jkollhom din il-​barka. Għala ftit biss? Għax Ġesù se jagħti l-​benefiċċji tal-​fidwa tiegħu lil dawk biss li jġibu ruħhom fi qbil maʼ dak li Ġesù jsemmi issa: “Il-​ħajja taʼ dejjem tfisser dan: li jieħdu għarfien dwarek, l-​uniku Alla veru, u dwar Ġesù Kristu li int bgħatt.”—Ġwanni 17:3.

Individwu jeħtieġ isir jaf kemm lill-​Missier kif ukoll lill-​Iben mill-​qrib, billi jkollu rabta soda magħhom. Għandu jkollu l-​istess ħarsa tagħhom lejn l-​affarijiet. Barra minn hekk, hu jrid jistinka biex jimita l-​kwalitajiet mill-​aqwa tagħhom meta jittratta m’oħrajn. U għandu bżonn jifhem li l-​glorifikazzjoni t’Alla hija iktar importanti mill-​fatt li l-​bnedmin se jirċievu l-​ħajja taʼ dejjem. Ġesù issa jerġaʼ jitkellem dwar din il-​ħaġa:

“Jien igglorifikajtek fuq l-​art, billi temmejt ix-​xogħol li tajtni nagħmel. Mela issa, Missier, igglorifikani maġenbek bil-​glorja li kelli ħdejk qabel ma kienet teżisti d-​dinja.” (Ġwanni 17:4, 5) Iva, Ġesù jitlob biex jerġaʼ jgawdi l-​glorja fis-​sema permezz taʼ rxoxt.

Madankollu, Ġesù ma nesiex dak li wettaq fil-​ministeru tiegħu. Hu jitlob: “Urejt ismek lill-​bnedmin li tajtni mid-​dinja. Kienu tiegħek u int tajthomli, u huma osservaw kelmtek.” (Ġwanni 17:6) Ġesù għamel iktar milli sempliċement ħabbar isem Alla, Ġeħova, fil-​ministeru tiegħu. Hu għen lill-​appostli tiegħu jsiru jafu x’jirrappreżenta l-​isem—il-​kwalitajiet t’Alla u l-​mod kif jittratta mal-​bnedmin.

L-​appostli saru jafu lil Ġeħova, l-​irwol taʼ Ibnu, u l-​affarijiet li għallem Ġesù. Bl-​umiltà Ġesù jgħid: “Il-​kliem li tajtni jien tajthulhom, u huma laqgħuh u żgur saru jafu li ħriġt bħala r-​rappreżentant tiegħek, u emmnu li int bgħattni.”—Ġwanni 17:8.

Ġesù mbagħad jirrikonoxxi d-​differenza bejn is-​segwaċi tiegħu u l-​umanità inġenerali: “Għalihom nitlob; ma nitlobx għad-​dinja, imma għal dawk li tajtni; għax huma tiegħek . . . Missier Qaddis, ħarishom minħabba ismek stess li tajtni, biex ikunu ħaġa waħda bħalna. . . . Żammejthom, u lanqas wieħed minnhom ma nqered ħlief bin il-​qerda,” jiġifieri, Ġuda l-​Iskarjota, li kien fi triqtu biex jittradixxi lil Ġesù.—Ġwanni 17:9-​12.

“Id-​dinja bagħdithom,” ikompli jitlob Ġesù. “Ma nitolbokx biex toħroġhom mid-​dinja, imma biex tħarishom minħabba l-​Ħażin. M’humiex parti mid-​dinja, bħalma jien m’iniex parti mid-​dinja.” (Ġwanni 17:14-​16) L-​appostli u d-​dixxipli l-​oħra huma fid-​dinja, jiġifieri s-​soċjetà umana taħt il-​ħakma taʼ Satana, imma jeħtieġ li jibqgħu separati minnha u mill-​ħażen tagħha. Kif?

Għandhom bżonn jibqgħu qaddisin, separati biex jaqdu lil Alla, billi japplikaw il-​veritajiet li hemm fl-​Iskrittura Ebrajka u l-​veritajiet li Ġesù nnifsu għallem. Ġesù jitlob: “Qaddishom  permezz tal-​verità; kelmtek hi l-​verità.” (Ġwanni 17:17) ’Il quddiem, ftit mill-​appostli se jiktbu kotba ispirati li wkoll se jkunu parti mill-​“verità” li tistaʼ tgħin biex individwu jkun imqaddes.

Imma maż-​żmien se jkun hemm oħrajn li se jaċċettaw “il-​verità.” Għalhekk, Ġesù ma jitlobx “għal dawn biss [dawk li qegħdin hemmhekk], imma wkoll għal dawk li jpoġġu l-​fidi [fih] permezz taʼ kelmithom.” Ġesù x’jitlob mingħand Missieru għalihom ilkoll? “Ħalli jkunu lkoll ħaġa waħda, sabiex bħalma int, Missier, f’unjoni miegħi u jien f’unjoni miegħek, huma wkoll ikunu f’unjoni magħna.” (Ġwanni 17:20, 21) Ġesù u Missieru mhumiex letteralment persuna waħda. Huma ħaġa waħda fis-​sens li jaqblu fuq kollox. Ġesù jitlob li s-​segwaċi tiegħu jgawdu din l-​istess unjoni.

Ftit qabel dan, Ġesù kien qal lil Pietru u lill-​oħrajn li kien sejjer iħejji post għalihom, jiġifieri post fis-​sema. (Ġwanni 14:2, 3) Ġesù issa jerġaʼ jsemmi dan fit-​talb: “Missier, nixtieq li dawk li tajtni jkunu wkoll miegħi fejn inkun jien, sabiex jaraw il-​glorja tiegħi li tajtni int, għax ħabbejtni qabel it-​tisjis tad-​dinja.” (Ġwanni 17:24) B’hekk, hu jikkonferma li ħafna żmien ilu—qabel m’Adam u Eva kellhom it-​tfal—Alla ħabb lill-​Iben uniġenitu tiegħu, li sar Ġesù Kristu.

Ġesù jikkonkludi t-​talba tiegħu billi jerġaʼ jenfasizza l-​isem taʼ Missieru u l-​imħabba t’Alla għall-​appostli u għal oħrajn li għad iridu jaċċettaw “il-​verità” billi jgħid: “Għarrafthom ismek u nibqaʼ ngħarrfu, sabiex l-​imħabba li biha ħabbejtni tkun fihom u jien inkun f’unjoni magħhom.”—Ġwanni 17:26.