Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU 131

Sultan innoċenti jbati fuq iz-zokk

Sultan innoċenti jbati fuq iz-zokk

MATTEW 27:33-​44 MARKU 15:22-​32 LUQA 23:32-​43 ĠWANNI 19:17-​24

  • ĠESÙ JIĠI MSAMMAR MAʼ ZOKK TAT-​TORTURA

  • ĠESÙ JIĠI MŻEBLAĦ MINĦABBA L-​ISKRIZZJONI LI JPOĠĠULU FUQ IZ-​ZOKK

  • ĠESÙ JOFFRI T-​TAMA TAʼ ĦAJJA F’ĠENNA FUQ L-​ART

Ġesù jittieħed f’post mhux ’il bogħod mill-​belt fejn hu u żewġ ħallelin se jinqatlu. Dan il-​post hu msejjaħ Golgota, jew Post il-​Qorriegħa, u jidher “mill-​bogħod.”—Marku 15:40.

It-​tlett irġiel kundannati jitneħħewlhom ħwejjiġhom. Imbagħad jingħatalhom ftit inbid imħallat bil-​mirra u b’xi ħaġa morra. Milli jidher, xi nisa minn Ġerusalemm ippreparaw din it-​taħlita, u r-​Rumani jħallu lil dawk li se jinqatlu jieħdu minn din ix-​xarba li ttaffi l-​uġigħ. Imma malli jduqha, Ġesù jirrifjuta li jixrob minnha. Għala? Hu ma jridx li jintilef minn sensih matul din il-​prova kbira; hu jrid ikun konxju u jibqaʼ leali sal-​mewt.

Ġesù jiġi mimdud fuq iz-​zokk. (Marku 15:25) Imbagħad, is-​suldati jsammru l-​imsiemer f’idejh u f’saqajh, u b’hekk dawn jinfdu l-​laħam u l-​ligamenti tiegħu. Dan jikkaġuna wġigħ kbir. Hekk kif iwaqqfu z-​zokk, l-​uġigħ isir insapportabbli hekk kif il-​piż tal-​ġisem taʼ Ġesù jkompli jċarrat il-​feriti tiegħu. Però, Ġesù ma jċanfarx lis-​suldati. Hu jitlob: “Missier, aħfrilhom, għax ma jafux x’qed jagħmlu.”—Luqa 23:34.

Ir-​Rumani għandhom id-​drawwa li jwaħħlu skrizzjoni li fuqha jkun hemm miktub xi jkun għamel ħażin il-​kriminal kundannat. Din id-​darba, Pilatu waħħal skrizzjoni li tgħid: “Ġesù n-​Nazzarenu s-​Sultan tal-​Lhud.” Hi miktuba bl-​Ebrew, bil-​Latin, u bil-​Grieg, biex kważi kulħadd ikun jistaʼ jaqraha. L-​għemil taʼ Pilatu juri kemm jobgħod lil-​Lhud li insistew li Ġesù jinqatel. Il-​qassisin ewlenin huma diżappuntati u jipprotestaw: “Tiktibx ‘Is-​Sultan tal-​Lhud,’ imma li hu qal, ‘Jien is-​Sultan tal-​Lhud.’” Madankollu, billi ma jridx jerġaʼ jkun il-​pupazz tagħhom, Pilatu jwieġeb: “Dak li ktibt ktibt.”—Ġwanni 19:19-​22.

Il-​qassisin inkorlati jirripetu x-​xhieda falza li ngħatat iktar qabel fil-​ġuri tas-​Sinedriju. Ma niskantawx bil-​fatt li dawk li kienu għaddejjin minn hemm bdew ixenglu rashom bi tmaqdir u jgħajruh: “Bħu għalik! Int li kellek twaqqaʼ t-​tempju u tibnih fi żmien tlett ijiem, salva lilek innifsek u inżel minn fuq iz-​zokk tat-​tortura.” B’mod simili, il-​qassisin ewlenin u l-​iskribi jgħidu lil xulxin: “Ħa jinżel issa minn fuq iz-​zokk tat-​tortura l-​Kristu, is-​Sultan taʼ Israel, biex aħna naraw u nemmnu.” (Marku 15:29-​32) Anki l-​ħallelin fuq ix-​xellug u l-​lemin taʼ Ġesù jżebilħuh, għalkemm hu l-​uniku wieħed li tassew hu innoċenti.

Anki l-​erbaʼ suldati Rumani jiżżuffjettaw b’Ġesù. Huma forsi kienu qed jixorbu nbid qares, allura issa biex jgħadduh biż-​żmien milli jidher joffru ftit lil Ġesù, li ovvjament ma jistax jieħu. Ir-​Rumani bi tkażbir jirreferu għall-​iskrizzjoni li hemm fuq iz-​zokk taʼ Ġesù u jgħidu: “Jekk int is-​sultan tal-​Lhud, salva lilek innifsek.” (Luqa 23:36, 37) Immaġina ftit! Dan ir-​raġel li wera b’mod ċar li hu t-​triq, il-​verità, u l-​ħajja issa qed iġarrab abbuż u twaqqigħ għaċ-​ċajt li żgur ma ħaqqux. Iżda hu jibqaʼ sod waqt dan kollu, mingħajr ma  jċanfar lil-​Lhud li qed jaraw kollox, lis-​suldati Rumani li qed jiżżuffjettaw bih, jew liż-​żewġ kriminali kundannati li huma mdendlin maġenbu.

L-​erbaʼ suldati ħadu l-​ħwejjeġ taʼ Ġesù u qassmuhom f’erbaʼ partijiet. Huma jtellgħuhom bix-​xorti biex jaraw x’ħa jmisshom. Imma l-​libsa taʼ taħt taʼ Ġesù hi taʼ kwalità tajba, “bla ħjata, għax kienet minsuġa minn fuq s’isfel.” Għalhekk, is-​suldati jirraġunaw: “Ħalli ma nqattgħuhiex, imma ntellgħuha bix-​xorti u naraw min se jiħodha.” B’hekk, huma jwettqu l-​iskrittura li tgħid: “Qassmu ħwejġi bejniethom, u l-​ilbies tiegħi tellgħuh bix-​xorti.”—Ġwanni 19:23, 24; Salm 22:18.

Eventwalment, wieħed mill-​kriminali jirrealizza li Ġesù bilfors li hu verament sultan. Hu jċanfar lil sieħbu billi jgħidlu: “Lanqas minn Alla ma tibżaʼ, issa li qiegħed fl-​istess ġudizzju? Aħna, tabilħaqq, b’ġustizzja, għax qed nieħdu bis-​sħiħ dak li jistħoqqilna għal li għamilna; imma dan ir-​raġel m’għamel xejn barra minn loku.” Imbagħad lil Ġesù jitolbu bil-​ħniena: “Ftakar fija meta tidħol fis-​saltna tiegħek.”—Luqa 23:40-​42.

Ġesù jwieġbu: “Tassew ngħidlek illum, Int tkun” miegħi, mhux fis-​Saltna, imma “fil-​Ġenna.” (Luqa 23:43) Din il-​wegħda hi differenti minn dik li Ġesù għamel mal-​appostli tiegħu, jiġifieri, li se joqogħdu fuq tronijiet miegħu fis-​Saltna. (Mattew 19:28; Luqa 22:29, 30) Madankollu, dan il-​kriminal Lhudi forsi kien semaʼ dwar il-​Ġenna tal-​art li Ġeħova kien ta lil Adam, lil Eva, u lid-​dixxendenti tagħhom biex jgħixu fiha. Issa dan il-​ħalliel jistaʼ jmut b’din it-​tama quddiemu.