Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU 105

Juża siġra tat-tin biex jgħallem lezzjoni dwar il-fidi

Juża siġra tat-tin biex jgħallem lezzjoni dwar il-fidi

MATTEW 21:19-​27 MARKU 11:19-​33 LUQA 20:1-​8

  • IS-​SIĠRA TAT-​TIN NIEXFA—LEZZJONI DWAR IL-​FIDI

  • L-​AWTORITÀ TAʼ ĠESÙ TIĠI SFIDATA

Ġesù jitlaq minn Ġerusalemm it-​Tnejn waranofsinhar u jmur lura Betanja fuq in-​naħa tal-​Lvant tal-​Muntanja taż-​Żebbuġ. X’aktarx li jqattaʼ l-​lejl fid-​dar tal-​ħbieb tiegħu Lazzru, Marija, u Marta.

Issa hi l-​għodwa tal-​11 taʼ Nisan. Ġesù u d-​dixxipli tiegħu reġgħu sejrin lura Ġerusalemm, u din se tkun l-​aħħar darba li Ġesù jmur it-​tempju. U dan hu l-​aħħar jum tal-​ministeru pubbliku tiegħu qabel ma jiċċelebra l-​Qbiż, jistabbilixxi t-​Tifkira tal-​mewt tiegħu, u mbagħad jgħaddi ġuri u jiffaċċja l-​mewt.

Fi triqithom minn Betanja, li qiegħda fuq il-​Muntanja taż-​Żebbuġ, lejn Ġerusalemm, Pietru jinnota s-​siġra li Ġesù kien seħet il-​ġurnata taʼ qabel. Hu jgħid: “Rabbi, ara! Is-​siġra tat-​tin li sħitt nixfet.”—Marku 11:21.

Imma Ġesù għala ġiegħel lis-​siġra tinxef? Hu jirrivela għala fit-​tweġiba tiegħu: “Tassew ngħidilkom, Li kieku jkollkom il-​fidi u ma tiddubitawx, mhux biss tagħmlu dak li għamilt jien lit-​tina, imma wkoll jekk tgħidu lil din il-​muntanja, ‘Intrefaʼ u nxteħet fil-​baħar,’ hekk jiġri. U, jekk ikollkom il-​fidi, kulma titolbu taqilgħuh.” (Mattew 21:21, 22) B’hekk, hu qed jirripeti l-​punt li semma qabel dwar kif bil-​fidi wieħed ikun jistaʼ jċaqlaq muntanja.—Mattew 17:20.

Allura billi jġiegħel lis-​siġra tinxef, Ġesù jipprovdi lezzjoni dwar il-​bżonn li wieħed ikollu fidi f’Alla. Hu jgħid: “Kulma tridu u titolbu għalih ħa jkollkom il-​fidi li diġà qlajtuh, u tiħduh.” (Marku 11:24) X’lezzjoni importanti għas-​segwaċi kollha taʼ Ġesù! Din hija speċjalment xierqa għall-​appostli peress li dalwaqt se jiffaċċjaw provi diffiċli ferm. Jerġaʼ hemm konnessjoni oħra bejn it-​tina niexfa u l-​kwalità tal-​fidi.

Bħal din it-​tina, il-​ġens t’Iżrael għandu dehra qarrieqa. In-​nies taʼ dan il-​ġens daħlu f’relazzjoni speċjali m’Alla, u minn barra forsi jidhru li jobdu l-​Liġi tiegħu. Madankollu, bħala ġens huma wrew li huma neqsin mill-​fidi u li mhux qed jagħmlu frott tajjeb. Saħansitra jiċħdu l-​Iben t’Alla nnifsu! Għalhekk, billi jġegħelha tinxef is-​siġra tat-​tin li ma tagħmilx frott, Ġesù juri x’se jkun it-​tmiem għal dan il-​ġens bla fidi u li ma jagħmilx frott.

Ġesù u d-​dixxipli tiegħu ma jdumux ma jidħlu Ġerusalemm. Bħalma hi d-​drawwa tiegħu, Ġesù jmur it-​tempju u jibda jgħallem. Il-​qassisin ewlenin u x-​xjuħ tal-​poplu, billi x’aktarx għandhom f’moħħhom dak li Ġesù għamel il-​ġurnata taʼ qabel lis-​sarrafa tal-​flus, jisfidawh billi jgħidu: “Int b’liema awtorità tagħmlu dan? Jew min tak din l-​awtorità biex tagħmel dan?”—Marku 11:28.

Ġesù jwieġeb: “Nagħmlilkom mistoqsija waħda. Wiġbuhieli, u jien ukoll ngħidilkom b’liema awtorità nagħmel dan. Il-​magħmudija taʼ Ġwanni kienet mis-​sema jew mill-​bnedmin? Wiġbuni.” Issa huma dawk li qed jopponuh li jiġu sfidati. Il-​qassisin u x-​xjuħ jirraġunaw bejniethom dwar kif se jwiġbuh: “Jekk ngħidulu, ‘Mis-​sema,’ jgħidilna, ‘Mela għala m’emmintuhx?’ Imma ħa nissograw ngħidulu, ‘Mill-​bnedmin’?” Huma jirraġunaw hekk għax qed jibżgħu mill-​folla, “għax kulħadd kien jemmen li Ġwanni veru kien profeta.”—Marku 11:29-​32.

Dawk li qed jopponu lil Ġesù ma jistgħux isibu risposta adattata. Allura jgħidulu: “Ma nafux.” Min-​naħa tiegħu, Ġesù jgħidilhom: “Lanqas jien ma ngħidilkom b’liema awtorità nagħmel dan.”—Marku 11:33.