Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU 134

Qabar vojt—Ġesù hu ħaj!

Qabar vojt—Ġesù hu ħaj!

MATTEW 28:3-​15 MARKU 16:5-​8 LUQA 24:4-​12 ĠWANNI 20:2-​18

  • ĠESÙ JIĠI RXOXTAT

  • ĠRAJJIET ĦDEJN IL-​QABAR TAʼ ĠESÙ

  • JIDHER LIL DIVERSI NISA

X’qatgħa jieħdu n-​nisa meta jaslu ħdejn il-​qabar li jidher li hu vojt! Marija l-​Maddalena titlaq tiġri “għand Xmun Pietru u għand id-​dixxiplu l-​ieħor, li Ġesù kellu affezzjoni lejh”—l-​appostlu Ġwanni. (Ġwanni 20:2) Madankollu, in-​nisa l-​oħra ħdejn il-​qabar jaraw anġlu. U ġewwa l-​qabar hemm anġlu ieħor, li “liebes libsa bajda.”—Marku 16:5.

Wieħed mill-​anġli jgħidilhom: “Tibżgħux, għax naf li qed tfittxu lil Ġesù li sammruh maʼ zokk. Mhux qiegħed hawnhekk għax ġie mqajjem bħalma qal. Ejjew, araw il-​post fejn kien qiegħed. U morru malajr għidu lid-​dixxipli tiegħu li ġie mqajjem mill-​imwiet, u, ara, hu sejjer qabilkom fil-​Galilija.” (Mattew 28:5-​7) Allura “maħkumin minn rogħda u emozzjoni qawwija,” in-​nisa jitilqu jiġru biex jgħidu lid-​dixxipli.—Marku 16:8.

Issa Marija laħqet sabet lil Pietru u lil Ġwanni. B’nifisha maqtugħ, hi tgħidilhom: “Lill-​Mulej ħaduh mill-​qabar tat-​tifkira, u ma nafux fejn qegħduh.” (Ġwanni 20:2) Pietru u Ġwanni jitilqu jiġru. Ġwanni jgħaġġel iktar u jasal l-​ewwel ħdejn il-​qabar. Hu jittawwal minn barra u jara l-​faxex, imma ma jidħolx ġewwa.

Xħin jasal Pietru, hu jibqaʼ dieħel dritt ġol-​qabar. Hu jara l-​faxex u ċ-​ċarruta li kienet fuq ras Ġesù. Ġwanni issa jidħol u jemmen dak li qalet Marija. Minkejja dak li Ġesù qal qabel, ħadd minnhom ma jirrealizza li ġie mqajjem mill-​mewt. (Mattew 16:21) Imħawdin huma jerħulha lejn id-​dar. Imma Marija, li ġiet lura ħdejn il-​qabar, tibqaʼ hemmhekk.

Sadanittant, in-​nisa l-​oħra huma fi triqithom biex jgħidu lid-​dixxipli li Ġesù ġie mqajjem mill-​mewt. Hekk kif huma qed jiġru biex jagħmlu  dan, Ġesù jiltaqaʼ magħhom u jgħid: “L-​għodwa t-​tajba!” Huma jinxteħtu f’riġlejh u ‘jmilu quddiemu.’ Imbagħad Ġesù jgħid: “Tibżgħux! Morru, agħtu l-​aħbar lil ħuti, sabiex jitilqu lejn il-​Galilija; jarawni hemmhekk.”—Mattew 28:9, 10.

Iktar kmieni, meta seħħ it-​terremot u dehru l-​anġli, is-​suldati quddiem il-​qabar “triegħdu u saru qishom mejtin.” Xħin ġew f’tagħhom, huma daħlu l-​belt u “qalu b’dak kollu li kien ġara lill-​qassisin ewlenin.” Il-​qassisin imbagħad tkellmu max-​xjuħ tal-​Lhud u ttieħdet id-​deċiżjoni li jxaħħmu lis-​suldati biex jaħbu l-​kwistjoni u biex jgħidu: “Id-​dixxipli tiegħu ġew bil-​lejl u serquh waqt li konna reqdin.”—Mattew 28:4, 11, 13.

Is-​suldati Rumani jistgħu jiġu maqtulin jekk jorqdu meta suppost ikunu għassa, allura l-​qassisin iwegħduhom: ‘Jekk din [il-​gidba tagħhom li kienu reqdin] tasal f’widnejn il-​gvernatur, nipperswaduh aħna u neħilsukom mill-​inkwiet.’ (Mattew 28:14) Is-​suldati jaċċettaw it-​tixħim u jagħmlu kif jgħidulhom il-​qassisin. B’hekk, il-​gidba li l-​ġisem taʼ Ġesù ġie misruq tinfirex fost il-​Lhud.

Marija l-​Maddalena għadha qed tibki ħdejn il-​qabar. Hi tittawwal ġewwa l-​qabar u tara żewġ anġli lebsin l-​abjad! Wieħed qiegħed bilqiegħda fejn kien hemm ras Ġesù u l-​ieħor fejn kienu saqajh. Huma jistaqsu: “Mara, għalfejn qed tibki?” Marija twieġeb: “Ħadu lill-​Mulej tiegħi, u ma nafx fejn qegħduh.” Marija ddur u tara lil xi ħadd ieħor. Hu jirripeti l-​mistoqsija li għamlulha l-​anġli u jżid jgħid: “Lil min qed tfittex?” Billi taħseb li hu l-​ġardinar, hi tgħid: “Sinjur, jekk ħadtu minn hawn, għidli fejn qegħedtu, u niġi nieħdu.”—Ġwanni 20:13-​15.

Fil-​fatt, Marija qed titkellem maʼ Ġesù rxoxtat, imma bħalissa mhijiex qed tagħrfu. Madankollu, meta jgħid, “Marija!” hi tinduna li dan hu Ġesù, għax tagħrfu mill-​mod kif ikellimha. Marija b’ferħ tgħid: “Rabboni!” (li jfisser “Għalliem!”). Però, peress li tibżaʼ li se jitlaʼ s-​sema dak il-​ħin stess, hi tibqaʼ mqabbda miegħu. Għalhekk, Ġesù jħeġġiġha: “Tibqax imqabbda miegħi. Għax għadni ma tlajtx għand il-​Missier. Imma mur għand ħuti u għidilhom, ‘Jien tielaʼ għand Missieri u Missierkom, Alla tiegħi u Alla tagħkom.’”—Ġwanni 20:16, 17.

Marija titlaq tiġri lejn il-​post fejn hemm l-​appostli u dixxipli oħra miġburin. Hi tgħidilhom: “Rajt lill-​Mulej!” u tirrakkontalhom dak li ġara, kif għamlu diġà n-​nisa l-​oħra. (Ġwanni 20:18) Iżda dan il-​kliem ‘ma jagħmilx sens għalihom.’—Luqa 24:11.