MATTEW 27:12-​14, 18, 19 MARKU 15:2-​5 LUQA 23:4-​16 ĠWANNI 18:36-​38

  • ĠESÙ JIĠI INTERROGAT MINN PILATU U MINN ERODI

Ġesù ma jipprovax jaħbi minn Pilatu l-​fatt li hu verament sultan. Xorta waħda, is-​Saltna tiegħu mhijiex taʼ theddida għal Ruma. “Is-​saltna tiegħi mhix parti minn din id-​dinja,” jgħid Ġesù. “Kieku s-​saltna tiegħi kienet parti minn din id-​dinja, il-​qaddejja tiegħi kienu jiġġieldu biex ma ningħatax f’idejn il-​Lhud. Imma, tabilħaqq, is-​saltna tiegħi mhix ġejja minn hawn.” (Ġwanni 18:36) Iva, Ġesù għandu Saltna, imma mhijiex taʼ din id-​dinja.

Pilatu ma jiqafx hawn. Hu jistaqsi: “Allura int sultan?” Ġesù juri lil Pilatu li wasal għall-​konklużjoni t-​tajba billi jwieġbu: “Int stess qed tgħid li jien sultan. Għal dan jien twilidt, u għal dan ġejt fid-​dinja, biex nixhed għall-​verità. Kulmin qiegħed fuq in-​naħa tal-​verità jismaʼ leħni.”—Ġwanni 18:37.

Ġesù iktar qabel kien qal lil Tumas: “Jien it-​triq, il-​verità, u l-​ħajja.” Issa anki Pilatu jismaʼ li Ġesù ntbagħat fuq l-​art biex jixhed għall-​“verità,” speċifikament il-​verità dwar Saltnatu. Ġesù hu determinat li jkun leali lejn din il-​verità anki jekk tiswielu ħajtu. Pilatu jistaqsi: “X’inhi l-​verità?” imma ma jistenniex risposta. Hu jħoss li semaʼ biżżejjed biex jiġġudika lil dan ir-​raġel.—Ġwanni 14:6; 18:38.

Pilatu jerġaʼ joħroġ ħdejn il-​folla li qed tistenna quddiem il-​palazz. Ġesù milli jidher qiegħed maġenbu meta jgħid lill-​qassisin ewlenin u lil dawk li hemm magħhom: “Ma nsib ebda ħtija f’dan ir-​raġel.” Irrabjata b’din id-​deċiżjoni, il-​folla tinsisti: “Hu jxewwex lin-​nies bit-​tagħlim tiegħu fil-​Lhudija kollha, beda saħansitra mill-​Galilija s’hawnhekk.”—Luqa 23:4, 5.

L-​irraġunar estrem u bla bażi tal-​Lhud bilfors li jħalli lil Pilatu mbellah. Hekk kif il-​qassisin ewlenin u x-​xjuħ ikomplu jgħajtu, Pilatu jistaqsi lil Ġesù: “M’intix tismaʼ kemm qed jixhdu affarijiet kontrik?” (Mattew 27:13) Ġesù ma jipprovax jagħti risposta. Il-​fatt li jibqaʼ kalm minkejja l-​akkużi ħorox jissorprendi lil Pilatu.

Il-​Lhud indikaw li Ġesù kien ‘beda mill-​Galilija.’ Minn dan il-​ħjiel, Pilatu jsir jaf li Ġesù hu, fil-​fatt, Galilew. Dan, lil Pilatu jagħtih idea dwar kif forsi jistaʼ jeħles mir-​responsabbiltà li jiġġudika lil Ġesù. Erodi Antipa (bin Erodi l-​Kbir) hu l-​ħakkiem tal-​Galilija, u hu qiegħed Ġerusalemm waqt il-​Qbiż. Allura Pilatu jibgħat lil Ġesù għand Erodi. Erodi Antipa kien dak li ordna l-​qtugħ taʼ ras Ġwanni l-​Battista. Iktar tard, meta semaʼ li Ġesù kien qed iwettaq għemejjel mirakolużi, Erodi kien inkwetat li Ġesù forsi kien Ġwanni mqajjem mill-​mewt.—Luqa 9:7-​9.

Erodi issa jifraħ bil-​prospett li jara lil Ġesù. Dan mhux għax jixtieq jgħin lil Ġesù jew għax irid jipprova jsir jaf jekk l-​akkużi li qed iġibu kontrih humiex validi. Erodi sempliċement hu kurjuż, u hu qed “jittama li jarah iwettaq xi sinjal.” (Luqa 23:8) Madankollu, Ġesù ma jaqtax il-​kurżità taʼ Erodi. Infatti, hekk kif Erodi jinterrogah, Ġesù ma jgħid xejn. Diżappuntati, kemm Erodi kif ukoll is-​suldati tiegħu ‘jżebilħu’ lil Ġesù. (Luqa 23:11) Huma jlibbsulu libsa taʼ kulur jgħajjat u jiżżuffjettaw bih. Imbagħad Erodi jibgħat lil Ġesù lura għand Pilatu. Erodi u Pilatu ilhom għedewwa, imma issa jsiru ħbieb kbar.

Meta Ġesù jerġaʼ lura, Pilatu jsejjaħ flimkien lill-​qassisin ewlenin, lill-​ħakkiema Lhud, u lin-​nies u jgħid: “Jien interrogajtu quddiemkom imma fih ma sibt ebda bażi għall-​akkużi li qed iġġibu kontrih. Fil-​fatt, lanqas Erodi, għax bagħtu lura għandna; u, ara, hu m’għamel xejn li jistħoqqlu l-​mewt. Għalhekk, nikkastigah bis-​swat u nitilqu.”—Luqa 23:14-​16.

 Pilatu għandu ġenn biex jeħles lil Ġesù, għax hu jirrealizza li l-​qassisin qed jagħmlulu hekk għax jgħiru għalih. Hekk kif Pilatu jipprova jeħles lil Ġesù, hu jingħata raġuni akbar biex jagħmel dan. Waqt li qiegħed fuq it-​tron tal-​ġudizzju tiegħu, martu tibgħat tgħidlu: “Qis li ma jkollokx x’taqsam maʼ dak ir-​raġel sewwa, għax batejt ħafna llum f’ħolma [li milli jidher kienet ġejja mingħand Alla] minħabba fih.”—Mattew 27:19.

Pilatu kif jistaʼ jeħles lil dan ir-​raġel innoċenti, kif imissu jagħmel?