Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU 106

Żewġ tixbihat dwar l-għelieqi tad-dwieli

Żewġ tixbihat dwar l-għelieqi tad-dwieli

MATTEW 21:28-​46 MARKU 12:1-​12 LUQA 20:9-​19

  • TIXBIHA DWAR ŻEWĠ ULIED

  • TIXBIHA DWAR BDIEWA F’GĦALQA TAD-​DWIELI

Fit-​tempju, Ġesù għadu kemm ħawwad lill-​qassisin ewlenin u lix-​xjuħ tal-​poplu, li sfidaw l-​awtorità tiegħu. It-​tweġiba taʼ Ġesù tħallihom bla kliem. Imbagħad jirrakkonta tixbiha li tikxef x’tip taʼ nies huma verament.

Ġesù jgħid: “Wieħed raġel kellu żewġt itfal. Mar fuq l-​ewwel wieħed u qallu, ‘Ibni, illum mur aħdem fl-​għalqa tad-​dwieli.’ Dan wieġeb u qallu, ‘Immur, sinjur,’ imma ma marx. Resaq lejn it-​tieni wieħed u qallu l-​istess. Dan wieġeb u qallu, ‘Ma rridx.’ Wara ddispjaċieh u mar. Liema minnhom it-​tnejn għamel ir-​rieda taʼ missieru?” (Mattew 21:28-​31) It-​tweġiba hija ovvja—l-​iben li fl-​aħħar mill-​aħħar għamel ir-​rieda taʼ missieru.

Allura Ġesù jgħid lil dawk li jopponuh: “Tassew ngħidilkom li l-​kolletturi tat-​taxxi u l-​prostituti sejrin qabilkom fis-​saltna t’Alla.” Il-​kolletturi tat-​taxxi u l-​prostituti għall-​ewwel ma kinux jaqdu lil Alla. Madankollu, bħall-​iben li mbagħad iddispjaċieh, huma iktar tard nidmu u issa qed jaqduh. B’kuntrast, il-​mexxejja reliġjużi huma bħall-​iben li qal li se jmur imma ma marx, billi jgħidu li jaqdu lil Alla imma fir-​realtà ma jaqduhx. Ġesù jgħid: “Ġwanni [l-​Battista] ġie għandkom fi triq is-​sewwa, imma intom m’emmintuhx. Madankollu, il-​kolletturi tat-​taxxi u l-​prostituti emmnuh, u intom, għalkemm rajtu dan, ma ddispjaċikomx wara u bqajtu m’emmintuhx.”—Mattew 21:31, 32.

Wara din it-​tixbiha Ġesù jirrakkonta oħra. Din id-​darba, Ġesù juri li l-​mexxejja reliġjużi mhux talli ma jaqdux lil Alla, imma talli huma nies mill-​agħar. Ġesù jgħid: “Wieħed raġel ħawwel għalqa bid-​dwieli u dawwarha b’ċint. Ħaffer ħofra għall-​magħsar taʼ l-​inbid, bnielha torri, u qabbilha [jiġifieri, krieha] lil xi bdiewa, u siefer. Issa, meta wasal iż-​żmien, bagħat ilsir għand il-​bdiewa biex jieħu ftit mill-​frott taʼ l-​għalqa tad-​dwieli mingħandhom. Imma huma qabduh, sawtuh, u bagħtuh b’idejh vojta. U reġaʼ bagħtilhom ilsir ieħor; u lil dan tawh fuq rasu u ddiżonorawh. U bagħat ieħor, u lil dan qatluh; u bagħat lil ħafna oħrajn, lil xi wħud sawtuhom u lil oħrajn qatluhom.”—Marku 12:1-​5.

Dawk li qed jisimgħu lil Ġesù se jifhmuha t-​tixbiha? Għandhom mnejn jiftakru fil-​kritika taʼ Isaija meta qal: “L-​għalqa tad-​dwieli taʼ Ġeħova taʼ l-​armati hi dar Israel, u n-​nies taʼ Ġuda huma l-​art imħawla li kien jgħożż. U baqaʼ jittama għal ġudizzju, imma, ara, kien hemm il-​ksur tal-​liġi.” (Isaija 5:7) It-​tixbiha taʼ Ġesù hi simili. Sid l-​għalqa hu Ġeħova u l-​għalqa tad-​dwieli hi l-​ġens t’Iżrael, li kellu l-​protezzjoni tal-​Liġi t’Alla li kienet bħal ċint. Ġeħova bagħat profeti biex jgħallmu lill-​poplu tiegħu u biex jgħinuhom jipproduċu frott tajjeb.

Madankollu, “il-​bdiewa” ttrattaw ħażin u qatlu lill-​‘ilsiera’ li ntbagħtulhom. Ġesù jispjega: “[Is-​sid tal-​għalqa tad-​dwieli] kien baqagħlu ieħor, iben maħbub. Bagħathulhom l-​aħħar wieħed u qal, ‘Lil ibni jirrispettawh.’ Imma dawk il-​bdiewa qalu bejniethom, ‘Dan il-​werriet. Ejjew noqtluh, u l-​wirt ikun tagħna.’ Għalhekk, qabduh [u] qatluh.”—Marku 12:6-​8.

Issa Ġesù jistaqsi: “X’se jagħmel sid l-​għalqa tad-​dwieli?” (Marku 12:9) Il-​mexxejja reliġjużi jwieġbu: “Peress li huma mill-​agħar, hu se jġib fuqhom qerda kbira, u l-​għalqa tad-​dwieli jqabbilha lil bdiewa oħrajn li jagħtuh il-​frott meta jasal żmienu.”—Mattew 21:41.

B’hekk, bla ma jindunaw jitfgħu l-​ġebla fuq saqajhom, għax huma fost “il-​bdiewa” fl-​“għalqa tad-​dwieli” taʼ Ġeħova, jiġifieri l-​ġens t’Iżrael. Il-​frott li Ġeħova bi dritt jistenna minn  dawn il-​bdiewa jinkludi li jkollhom fidi f’Ibnu, il-​Messija. Ġesù jħares fiss lejn il-​mexxejja reliġjużi u jgħid: “Qatt ma qrajtuha din l-​iskrittura, ‘Il-​ġebla li twarrbet mill-​bennejja, din saret il-​ġebla tax-​xewka ewlenija; mingħand Ġeħova seħħ dan, u f’għajnejna din hi ħaġa meraviljuża’?” (Marku 12:10, 11) Imbagħad Ġesù jolqot il-​musmar fuq rasu meta jgħid: “Għalhekk ngħidilkom, Is-​saltna t’Alla tittieħed mingħandkom u tingħata lil ġens li jagħti l-​frott minnha.”—Mattew 21:43.

L-​iskribi u l-​qassisin ewlenin jindunaw “li meta [Ġesù] qal din it-​tixbiha kellu lilhom f’moħħu.” (Luqa 20:19) Issa jridu joqtluh iktar minn qatt qabel lil Ġesù, il-​“werriet” bi dritt. Imma huma jibżgħu mill-​folol, li jqisu lil Ġesù bħala profeta, allura ma jipprovawx joqtluh dak il-​ħin stess.