Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU 103

It-tempju jerġaʼ jitnaddaf

It-tempju jerġaʼ jitnaddaf

MATTEW 21:12, 13, 18, 19 MARKU 11:12-​18 LUQA 19:45-​48 ĠWANNI 12:20-​27

  • ĠESÙ JISĦET SIĠRA TAT-​TIN U JNADDAF IT-​TEMPJU

  • BIEX JAGĦTI L-​ĦAJJA LIL ĦAFNA, ĠESÙ JKOLLU JMUT

Ġesù u d-​dixxipli tiegħu qattgħu tlett iljieli f’Betanja mindu waslu minn Ġeriko. Issa, kmieni filgħodu t-​Tnejn, 10 taʼ Nisan, huma sejrin lejn Ġerusalemm. Ġesù għandu l-​ġuħ. Allura meta jara siġra tat-​tin, hu jimxi lejha. Fiha tin?

Issa qegħdin lejn l-​aħħar taʼ Marzu, imma żmien it-​tin hu f’Ġunju. Minkejja dan, is-​siġra diġà fiha l-​weraq. B’hekk, Ġesù jħoss li forsi se jkun hemm xi tin bikri. Iżda ma jsibx frott fiha. Il-​weraq ta lis-​siġra dehra qarrieqa. Ġesù mbagħad jgħid: “Ħa ma jiekol ħadd iktar frott minnek għal dejjem.” (Marku 11:14) Is-​siġra minnufih tibda tinxef, u l-​għada filgħodu se jsiru jafu għala.

Ġesù u d-​dixxipli tiegħu ma jdumux ma jaslu Ġerusalemm. Hu jmur fit-​tempju, li l-​ġurnata taʼ qabel kien mar jispezzjona. Illum ma jmurx biex jispezzjonah, imma jagħmel xi ħaġa simili għal dak li għamel tliet snin qabel fil-​Qbiż tas-​sena 30 WK. (Ġwanni 2:14-​16) Din id-​darba Ġesù jkeċċi ’l barra ‘lil dawk li qed ibigħu u jixtru fit-​tempju.’ Ukoll, jaqleb ‘l-​imwejjed tas-​sarrafa tal-​flus u l-​bankijiet taʼ dawk li qed ibigħu l-​ħamiem.’ (Marku 11:15) Saħansitra ma jħalli lil ħadd li jkun mgħobbi b’xi ħaġa jqassar it-​triq billi jgħaddi mill-​bitħa tat-​tempju.

Ġesù għala qed jieħu azzjoni deċiżiva kontra dawk li qed isarrfu l-​flus u jbigħu l-​annimali fit-​tempju? Hu jgħid: “M’huwiex miktub, ‘Dari tissejjaħ dar tat-​talb għall-​ġnus kollha’? Imma intom għamiltuha għar tal-​ħallelin.” (Marku 11:17) Ir-​raġuni għala jsejjaħ lil dawn l-​irġiel ħallelin hi għax jitolbu prezzijiet esaġerati mingħand dawk li jkollhom jixtru annimali għas-​sagrifiċċji. Ġesù jqis dawn l-​għemejjel bħala serq.

M’għandniex xi ngħidu, il-​qassisin ewlenin, l-​iskribi, u l-​kbarat tal-​poplu jisimgħu x’għamel Ġesù, u huma jirreaġixxu billi jsaħħu l-​isforzi tagħhom biex joqtluh. Madankollu, huma jiffaċċjaw problema. Ma jafux kif se jeħilsu minn Ġesù, għax in-​nies qed jiffollaw biex jisimgħuh.

Għall-​Qbiż ma ġewx biss il-​Lhud naturali imma anki l-​proseliti, uħud li kkonvertew għar-​reliġjon tal-​Lhud. Fosthom hemm xi Griegi li ġew biex jagħtu qima fil-​festa. Dawn jersqu lejn Filippu, forsi minħabba li ismu hu Grieg, u jitolbuh biex jiltaqgħu maʼ Ġesù. Filippu għandu mnejn ma jafx jekk dan huwiex xieraq, allura jistaqsi lil Indrì. It-​tnejn li huma jmorru jgħidu lil Ġesù, li milli jidher għadu t-​tempju.

Ġesù jaf li fi ftit jiem se jmut, allura dan mhuwiex iż-​żmien li jaqtaʼ l-​kurżità tan-​nies jew li jfittex il-​popolarità. Hu jwieġeb liż-​żewġ appostli b’din it-​tixbiha: “Waslet is-​siegħa biex Bin il-​bniedem jiġi glorifikat. Tassew, tassew, ngħidilkom, Jekk qamħa ma taqax fl-​art u tmut, tibqaʼ waħedha; imma jekk tmut, tagħti ħafna frott.”—Ġwanni 12:23, 24.

Qamħa waħda forsi titqies bħala li ma tantx hi taʼ valur. Però, jekk titpoġġa fil-​ħamrija u “tmut,” din tistaʼ ssir żerriegħa li tinbet u li maż-​żmien tikber u ssir zokk b’ħafna qmuħ. B’mod simili, Ġesù hu bniedem perfett wieħed. Xorta waħda, billi jkun leali lejn Alla sal-​mewt, hu se jsir il-​mezz li bih ħafna jkunu jistgħu jiksbu l-​ħajja taʼ dejjem. Dawn il-​ħafna huma wħud li għandhom spirtu simili taʼ sagrifiċċju persunali. B’hekk, Ġesù jgħid: “Min jgħożż lil ruħu jeqridha, imma min jobgħod lil ruħu f’din id-​dinja jħarisha għall-​ħajja taʼ dejjem.”—Ġwanni 12:25.

Ġesù mhuwiex jaħseb biss fih innifsu, għax jgħid: “Jekk xi ħadd irid jaqdini, ħa jiġi warajja, u fejn inkun jien hemm ukoll ikun il-​qaddej tiegħi.  Jekk xi ħadd irid jaqdini, il-​Missier jonorah.” (Ġwanni 12:26) Xi premju dan! Dawk li jiġu onorati mill-​Missier se jsiru mseħbin maʼ Kristu fis-​Saltna.

Billi f’moħħu għandu t-​tbatija kbira u l-​mewta taʼ wġigħ li se jġarrab, Ġesù jgħid: “Issa ruħi mnikkta, u x’naqbad ngħid? Missier, salvani minn din is-​siegħa.” Imma Ġesù ma jridx jevita li jwettaq ir-​rieda t’Alla. Hu jżid jgħid: “Madankollu, għalhekk wasalt għal din is-​siegħa.” (Ġwanni 12:27) Ġesù jaqbel mal-​iskop kollu t’Alla, inkluż il-​mewta tiegħu bħala sagrifiċċju.