Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU 109

Jikkundanna lill-opponenti reliġjużi

Jikkundanna lill-opponenti reliġjużi

MATTEW 22:41–23:24 MARKU 12:35-​40 LUQA 20:41-​47

  • BIN MIN HU L-​KRISTU?

  • ĠESÙ JIKXEF L-​IPOKRISIJA TAL-​OPPONENTI TIEGĦU

L-​opponenti reliġjużi ma jirnexxilhomx iħammġu r-​reputazzjoni taʼ Ġesù jew idaħħluh f’nassa u jagħtuh f’idejn ir-​Rumani. (Luqa 20:20) Issa, waqt li għadu fit-​tempju fil-​11 taʼ Nisan, Ġesù jitfaʼ l-​attenzjoni fuqhom u juri x’inhi l-​identità vera tiegħu. Hu jieħu l-​inizjattiva u jistaqsihom: “X’taħsbu intom dwar il-​Kristu? Bin min hu?” (Mattew 22:42) Kulħadd jaf li l-​Kristu, jew il-​Messija, se jiġi mil-​linja taʼ David u huma hekk iwiġbuh.—Mattew 9:27; 12:23; Ġwanni 7:42.

Ġesù jistaqsi: “Allura David, b’ispirazzjoni, kif isejjaħlu ‘Mulej’ u jgħid, ‘Ġeħova qal lill-​Mulej tiegħi: “Oqgħod bil-​qiegħda fuq il-​lemin tiegħi sakemm inqiegħed l-​għedewwa tiegħek taħt saqajk”’? Għalhekk, jekk David isejjaħlu ‘Mulej,’ kif inhu ibnu?”—Mattew 22:43-​45.

Il-​Fariżej jibqgħu siekta, għax huma qed jittamaw li d-​dixxendent taʼ David se jkun individwu uman li jistaʼ jeħlishom mill-​ħakma Rumana. Imma billi jiġbed l-​attenzjoni lejn il-​kliem taʼ David f’​Salm 110:1, 2, Ġesù juri ċar li l-​Messija se jkun iktar minn mexxej uman. Hu l-​Mulej taʼ David, u wara li joqgħod fuq il-​leminija t’Alla, hu se jeżerċita l-​qawwa. It-​tweġiba taʼ Ġesù tħalli lill-​opponenti tiegħu bla kliem.

Id-​dixxipli u ħafna oħrajn kienu qed jisimgħu dan kollu. Issa Ġesù jkellem lilhom billi jwissihom dwar l-​iskribi u l-​Fariżej. Dawn l-​irġiel “qagħdu fuq is-​siġġu taʼ Mosè” biex jgħallmu l-​Liġi t’Alla. Ġesù jagħti lis-​semmiegħa tiegħu din l-​istruzzjoni: “Kulma jgħidulkom agħmluh u osservawh, imma tagħmlux bħalhom, għax ma jagħmlux dak li jgħidu.”—Mattew 23:2, 3.

Ġesù mbagħad jagħti xi eżempji tal-​ipokrisija tagħhom billi jgħid: “Ikabbru l-​filatteri tagħhom.” Xi Lhud kienu jorbtu maʼ ġbinhom jew maʼ dirgħajhom kaxxi żgħar li kien ikun fihom siltiet qosra mil-​Liġi. Imma l-​Fariżej kienu jkabbru l-​kaxxi tagħhom biex jagħtu l-​impressjoni li huma żelużi għal-​Liġi. Ukoll, huma “jtawlu l-​freneż taʼ lbieshom.” L-​Iżraelin kellhom jagħmlu frenża maʼ tarf l-​ilbiesi tagħhom, imma l-​Fariżej jagħmlu ċert li l-​frenża tagħhom tkun twila mhux ħażin. (Numri 15:38-​40) Dan kollu jagħmluh “għal għajn in-​nies.”—Mattew 23:5.

Anki d-​dixxipli taʼ Ġesù jistgħu jiġu effettwati minn xewqa għall-​prominenza, allura jagħtihom dan il-​parir: “Tissejħux Rabbi, għax wieħed hu l-​għalliem tagħkom, filwaqt li intom ilkoll aħwa. Barra minn hekk, issejħu lil ħadd missierkom fuq l-​art, għax wieħed hu Missierkom, Dak tas-​sema. U tissejħux ‘mexxejja,’ għax wieħed hu l-​Mexxej tagħkom, il-​Kristu.” Allura, id-​dixxipli kif għandhom iqisu lilhom infushom u jġibu ruħhom? Ġesù jgħidilhom: “L-​akbar wieħed fostkom għandu jkun il-​qaddej tagħkom. Kulmin jitgħolla jiġi umiljat, u kulmin jumilja ruħu jitgħolla.”—Mattew 23:8-​12.

Imbagħad, Ġesù jiddikjara sensiela taʼ gwajijiet fuq l-​iskribi u l-​Fariżej ipokriti: “Gwaj għalikom, skribi u Fariżej, ipokriti! Għax tagħlqu s-​saltna tas-​smewwiet għall-​bnedmin; għax intom ma tidħlux, u lanqas tħallu jidħol lil min ikun dieħel.”—Mattew 23:13.

Ġesù jikkundanna l-​Fariżej għax m’għandhom l-​ebda rispett għal dak li hu l-​iktar importanti mill-​ħarsa taʼ Ġeħova, kif juru r-​regoli li jivvintaw huma stess. Pereżempju, huma jgħidu: “Jekk xi ħadd jaħlef bit-​tempju, m’hu xejn; imma jekk xi ħadd jaħlef bid-​deheb tat-​tempju, ikun obbligat li jwettaq il-​ħalfa.” B’hekk, huma juru kemm m’għandhomx morali, għax ipoġġu iktar importanza fuq id-​deheb tat-​tempju milli fuq il-​fatt li t-​tempju hu l-​post fejn iqimu lil Ġeħova u  jistgħu jersqu qrib lejh. Barra minn hekk, huma injoraw “l-​affarijiet li huma iktar importanti fil-​Liġi, jiġifieri, il-​ġustizzja u l-​ħniena u l-​fedeltà.”—Mattew 23:16, 23; Luqa 11:42.

Ġesù jsejjaħ lil dawn il-​Fariżej ‘gwidi għomja, li jsaffu nemusa u jibilgħu ġemel!’ (Mattew 23:24) Huma jsaffu nemusa mill-​inbid tagħhom għax dan l-​insett mhuwiex nadif skont il-​Liġi. Iżda, il-​mod kif jinjoraw affarijiet iktar importanti fil-​Liġi hu bħallikieku qed jibilgħu ġemel, li wkoll hu annimal meqjus mhux nadif, iżda hu ħafna akbar.—Levitiku 11:4, 21-​24.