Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU 102

Is-Sultan jidħol Ġerusalemm fuq felu

Is-Sultan jidħol Ġerusalemm fuq felu

MATTEW 21:1-​11, 14-​17 MARKU 11:1-​11 LUQA 19:29-​44 ĠWANNI 12:12-​19

  • ĠESÙ JIDĦOL ĠERUSALEMM B’MOD TRIJONFANTI

  • TITBASSAR IL-​QERDA TAʼ ĠERUSALEMM

L-​għada, il-​Ħadd, 9 taʼ Nisan, Ġesù jitlaq minn Betanja mad-​dixxipli tiegħu u jerħilha lejn Ġerusalemm. Hekk kif jaslu ħdejn Betfaġe, fuq il-​Muntanja taż-​Żebbuġ, jgħid lil tnejn mid-​dixxipli tiegħu:

“Morru fir-​raħal li qed taraw quddiemkom, u mill-​ewwel issibu ħmara marbuta, u felu magħha; ħolluhom u ġibuhomli. U jekk xi ħadd ikellimkom, għidulu, ‘Il-​Mulej għandu bżonnhom.’ Malli tgħidulu hekk, jibgħathom minnufih.”—Mattew 21:2, 3.

Id-​dixxipli ma jindunawx li l-​istruzzjonijiet taʼ Ġesù huma parti minn profezija Biblika. Madankollu, iktar tard huma jifhmu t-​twettiq tal-​profezija taʼ Żakkarija. Hu bassar li s-​Sultan imwiegħed t’Alla kien se jidħol Ġerusalemm “umli, u riekeb fuq ħmar, saħansitra fuq wild taʼ ħmara.”—Żakkarija 9:9.

Meta d-​dixxipli jidħlu Betfaġe u jieħdu ’l-​felu u ’l ommu, xi nies li hemm fil-​viċin jistaqsu: “Għalfejn qed tħollu l-​felu?” (Marku 11:5) Imma meta jgħidulhom li l-​annimali huma għall-​Mulej, iħallu lid-​dixxipli jiħduhom għand Ġesù. Id-​dixxipli jpoġġu l-​imnatar tagħhom fuq il-​ħmara u fuq il-​felu tagħha, imma Ġesù jitlaʼ fuq il-​felu.

Il-​folla tikber hekk kif Ġesù jersaq lejn Ġerusalemm. Ħafna jifirxu l-​imnatar tagħhom fit-​triq. Oħrajn jaqtgħu friegħi mis-​siġar jew “friegħi bil-​weraq mill-​għelieqi” u jifirxuhom mal-​art. Huma jgħajtu: “Salva, nitolbuk! Imbierek dak li jiġi f’isem Ġeħova! Imbierka s-​saltna li ġejja taʼ David missierna!” (Marku 11:8-​10) Il-​Fariżej li hemm fil-​folla ma jiħdux pjaċir b’dan il-​kliem. Huma jgħidu lil Ġesù: “Għalliem, ċanfar lid-​dixxipli tiegħek.” Ġesù jwiġibhom: “Ngħidilkom, Kieku dawn baqgħu siekta, kien jgħajjat il-​ġebel.”—Luqa 19:39, 40.

Hekk kif Ġesù jħares lejn Ġerusalemm, hu jibda jibki u jgħid: “Kieku int, iva int, għaraft f’dan il-​jum dak li jwassal għall-​paċi—imma issa nħeba minn għajnejk.” Ġerusalemm se tħallas qares minħabba d-​diżubbidjenza apposta tagħha. Ġesù jbassar: “L-​għedewwa tiegħek jibnu madwarek ħajt bi zkuk ippontati u jdawruk u jnikktuk minn kull naħa, u jsabbtu maʼ l-​art lilek u lil uliedek li hemm fik, u ma jħallux fik ġebla fuq oħra.” (Luqa 19:42-​44) Kliem Ġesù jitwettaq meta Ġerusalemm tinqered fis-​sena 70 WK.

Meta Ġesù jidħol Ġerusalemm, ‘tqum għagħa kbira fil-​belt kollha u n-​nies jibdew jgħidu: “Dan min hu?”’ U l-​folol jibqgħu jgħidu: “Dan hu Ġesù, il-​profeta minn Nazaret tal-​Galilija!” (Mattew 21:10, 11) Dawk fil-​folla li kienu raw lil Ġesù jqajjem lil Lazzru mill-​mewt jgħidu lil oħrajn dwar dan il-​miraklu. Il-​Fariżej jilmentaw li mhuma se jaslu mkien. Jgħidu lil xulxin: “Id-​dinja kollha marret warajh!”—Ġwanni 12:18, 19.

Bħalma hi d-​drawwa tiegħu meta jkun Ġerusalemm, Ġesù jmur fit-​tempju biex jgħallem. Hemmhekk ifejjaq lill-​għomja u liz-​zopop. Meta l-​qassisin ewlenin u l-​iskribi jaraw x’qed jagħmel u jisimgħu lis-​subien fit-​tempju jgħajtu, “Salva, nitolbuk, lil Bin David!” tgħidx kemm jirrabjaw. Il-​mexxejja reliġjużi jistaqsu lil Ġesù: “Qed tismaʼ x’qed jgħidu dawn?” Hu jwiġibhom: “Qatt ma qrajtuh dan, ‘Minn fomm iċ-​ċkejknin u t-​trabi tal-​ħalib int ipprovdejt it-​tifħir’?”—Mattew 21:15, 16.

Ġesù jħares lejn l-​affarijiet kollha taʼ madwaru fit-​tempju. Issa sar il-​ħin, allura jitlaq mal-​appostli. Qabel ma tibda l-​ġurnata tal-​10 taʼ Nisan, hu jmur lura Betanja u jqattaʼ l-​lejl tal-​Ħadd hemmhekk.