Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU 111

L-appostli jistaqsu għal sinjal

L-appostli jistaqsu għal sinjal

MATTEW 24:3-​51 MARKU 13:3-​37 LUQA 21:7-​38

  • ERBAʼ DIXXIPLI JISTAQSU GĦAL SINJAL

  • TWETTIQ FL-​EWWEL SEKLU U IKTAR TARD

  • IRRIDU NIBQGĦU GĦASSA

Huwa nhar it-​Tlieta waranofsinhar, u l-​11 taʼ Nisan daqt se jkun għadda. Anki l-​jiem mimlijin attività taʼ Ġesù hawnhekk fuq l-​art dalwaqt se jintemmu. Binhar kien qed jgħallem fit-​tempju, u billejl kien qed joqgħod barra l-​belt. In-​nies, li kmieni filgħodu “kienu jiġu ħdejh fit-​tempju biex jisimgħuh,” urew interess kbir. (Luqa 21:37, 38) Imma issa Ġesù qiegħed bilqiegħda fuq il-​Muntanja taż-​Żebbuġ m’erbaʼ appostli—Pietru, Indrì, Ġakbu, u Ġwanni.

Dawn l-​erbgħa marru ħdejh waħedhom. Huma konċernati dwar it-​tempju għax Ġesù għadu kemm bassar li t-​tempju se jiġġarraf u mhux se titħalla ġebla fuq oħra. Iżda din mhijiex l-​unika ħaġa li għandhom fuq moħħhom. Ġesù iktar qabel kien ħeġġiġhom: “Kunu dejjem għal-​lest, għax f’siegħa li ma tobsruhiex ġej Bin il-​bniedem.” (Luqa 12:40) Kien tkellem ukoll dwar il-​jum “li Bin il-​bniedem jiġi rivelat.” (Luqa 17:30) Huma dawn il-​kummenti relatati b’xi mod maʼ dak li għadu jgħid dwar it-​tempju? L-​appostli għandhom kurżità kbira. Huma jistaqsuh: “Għidilna, Dan meta se jseħħ, u x’se jkun is-​sinjal tal-​preżenza tiegħek u tal-​konklużjoni tas-​sistema?”—Mattew 24:3.

Forsi f’moħħhom għandhom it-​tmiem tat-​tempju li qed jaraw quddiemhom. Ukoll, jistaqsu dwar il-​preżenza taʼ Bin il-​bniedem. Huma għandhom mnejn jiftakru li Ġesù rrakkonta tixbiha dwar “raġel nobbli minn twelidu” li ‘vvjaġġa biex jikseb poter bħala sultan u mbagħad reġaʼ lura.’ (Luqa 19:11, 12) U, fl-​aħħar, huma qed jaħsbu dwar x’se tinvolvi “l-​konklużjoni tas-​sistema.”

Fit-​tweġiba dettaljata tiegħu, Ġesù jipprovdi sinjal li jidentifika meta se tispiċċa s-​sistema Lhudija li kienu fiha, inkluż it-​tempju. Imma jipprovdi iktar informazzjoni. Dan is-​sinjal se jgħin lill-​Kristjani fil-​futur ikunu jafu meta qed jgħixu matul il-​“preżenza” tiegħu u viċin l-​aħħar tas-​sistema dinjija kollha kemm hi.

Hekk kif igerbu s-​snin, l-​appostli jaraw il-​profezija taʼ Ġesù titwettaq. Iva, ħafna mill-​affarijiet li bassar jibdew iseħħu matul ħajjithom. Għalhekk, dawk il-​Kristjani attenti li huma ħajjin 37 sena wara, fis-​sena 70 WK, ma jinqabdux fuq sieq waħda meta toqrob il-​qerda tas-​sistema Lhudija flimkien mat-​tempju. Madankollu, mhux dak kollu li jbassar Ġesù jseħħ fil-​perijodu qabel is-​sena 70 WK u dik is-​sena stess. Allura, x’għad irid iseħħ li hu parti mis-​sinjal tal-​preżenza tiegħu bħala l-​Mexxej tas-​Saltna? Ġesù jirrivela t-​tweġiba lill-​appostli.

Ġesù jbassar li se jkun hemm “gwerer u aħbarijiet taʼ gwerer” u li “ġens iqum kontra ġens u saltna kontra saltna.” (Mattew 24:6, 7) Jgħid ukoll li se “jkun hemm terremoti kbar, u f’post wara l-​ieħor ikun hemm mard li jittieħed u nuqqas taʼ ikel.” (Luqa 21:11) Ġesù jwissi lid-​dixxipli tiegħu: “[Se] jmiddu idejhom fuqkom u jippersegwitawkom.” (Luqa 21:12) Se jqumu profeti foloz u dawn se jiżvijaw lil ħafna. Se jiżdied  il-​ksur tal-​liġi, u se tibred l-​imħabba tal-​biċċa l-​kbira tan-​nies. Barra minn hekk, hu jgħid li “l-​aħbar tajba tas-​saltna tiġi pridkata fl-​art abitata kollha bħala xiehda lill-​ġnus kollha; u mbagħad jiġi t-​tmiem.”—Mattew 24:14.

Għalkemm il-​profezija taʼ Ġesù titwettaq f’ċerti aspetti qabel u matul il-​qerda taʼ Ġerusalemm mir-​Rumani, jistaʼ jkun li Ġesù qed jinkludi twettiq akbar li kellu jseħħ iktar tard? Qed tara evidenza li l-​profezija importanti taʼ Ġesù qed ikollha t-​twettiq prinċipali tagħha fi żmienna?

Ħaġa waħda li Ġesù jinkludi fis-​sinjal tal-​preżenza tiegħu hi li se tidher “il-​ħaġa moqżieża li ġġib ħerba.” (Mattew 24:15) Fis-​sena 66 WK, il-​ħaġa moqżieża hi l-​“kampijiet taʼ l-​armati” taʼ Ruma, bl-​istendardi idolatrużi tagħhom. Ir-​Rumani jdawru lil Ġerusalemm u jdgħajfu parti mis-​swar minn taħt. (Luqa 21:20) B’hekk, “il-​ħaġa moqżieża” hi wieqfa fejn mhux suppost tkun, f’post li l-​Lhud iqisuh bħala “post qaddis.”

Ġesù jkompli jbassar: “Ikun hemm tribulazzjoni kbira li qatt ma kien hawn bħalha mill-​bidu tad-​dinja s’issa, le, lanqas jerġaʼ jkun hawn.” Fis-​sena 70 WK, ir-​Rumani qerdu lil Ġerusalemm. Din ir-​rebħa li teqred il-​“belt qaddisa” tal-​Lhud inkluż it-​tempju tagħhom, tassew hi tribulazzjoni kbira għax jinqatlu ħafna eluf taʼ nies. (Mattew 4:5; 24:21) Il-​belt u l-​Lhud qatt ma esperjenzaw qerda bħal din, li ġġib tmiem għall-​mod organizzat taʼ qima li kienu ilhom sekli sħaħ isegwu. Allura, kwalunkwe twettiq akbar tal-​kliem profetiku taʼ Ġesù li se jseħħ fil-​futur żgur li se jkun tal-​biżaʼ.

HEMM BŻONN IL-​FIDI MATUL IL-​JIEM IMBASSRIN

Id-​diskussjoni taʼ Ġesù mal-​appostli tiegħu dwar is-​sinjal tal-​preżenza tiegħu bħala l-​Mexxej tas-​Saltna t’Alla u dwar it-​tmiem tas-​sistema dinjija ma tispiċċax hawn. Issa jwissihom biex ma jsegwux “Kristijiet foloz u profeti foloz.” Hu jgħid li xi wħud se jipprovaw “iqarrqu, jekk jistaʼ jkun, saħansitra bil-​magħżulin.” (Mattew 24:24) Imma dawn il-​magħżulin mhux se jitqarrqu. Kristijiet foloz jistgħu biss jidhru b’mod viżibbli. B’kuntrast, il-​preżenza taʼ Ġesù mhix se tkun viżibbli.

Ġesù jirreferi għal tribulazzjoni akbar li se tfaqqaʼ fl-​aħħar tas-​sistema preżenti meta jgħid: “Ix-​xemx tiddallam, u l-​qamar ma jagħtix dawl, u l-​kwiekeb jaqgħu mis-​sema, u l-​qawwiet tas-​smewwiet jitheżżu.” (Mattew 24:29) L-​appostli li qed jisimgħu dan il-​kliem li jkexkex ma jafux x’se jiġri eżattament, imma ċertament li se jkun żmien li jqanqal il-​biżaʼ.

Dawn il-​ġrajjiet xokkanti kif se jeffettwaw lill-​umanità? Ġesù jgħid: “In-​nies iħosshom ħażin bil-​biżaʼ u bl-​istennija taʼ dak li jkun ġej fuq l-​art abitata; għax il-​qawwiet tas-​smewwiet jitheżżu.” (Luqa 21:26) Tabilħaqq, Ġesù qed jiddeskrivi dak li se jkun l-​iktar żmien diffiċli fl-​eżistenza tal-​bniedem.

B’mod inkuraġġanti, Ġesù jagħmilha ċara lill-​appostli li mhux kulħadd se jkun qed jitniehed meta ‘Bin il-​bniedem jiġi b’qawwa u glorja kbira.’ (Mattew 24:30) Hu diġà kien indika li Alla se jintervieni “minħabba l-​magħżulin.” (Mattew 24:22) Allura dawn id-​dixxipli leali kif għandhom jirreaġixxu għall-​iżviluppi xokkanti li Ġesù qed isemmi? Ġesù jinkuraġġixxi lis-​segwaċi tiegħu: “Malli jibdew iseħħu dawn l-​affarijiet, qumu dritti u għollu raskom ’il fuq, għax ikun qorob il-​ħelsien tagħkom.”—Luqa 21:28.

Iżda, id-​dixxipli taʼ Ġesù li qed jgħixu matul dan iż-​żmien imbassar kif se jkunu jistgħu jagħrfu kemm hu viċin it-​tmiem? Ġesù jagħti tixbiha dwar siġra tat-​tin: “Hekk kif il-​fergħa ġdida tagħha tkun għadha ratba u toħroġ il-​weraq, tkunu tafu li qorob is-​sajf. Hekk ukoll intom, meta taraw dan kollu, kunu afu li hu qrib, fil-​bieb. Tassew ngħidilkom li din il-​ġenerazzjoni  żgur ma tgħaddix sakemm iseħħ dan kollu.”—Mattew 24:32-​34.

B’hekk, meta d-​dixxipli tiegħu jaraw il-​ħafna aspetti differenti tas-​sinjal qed jitwettqu, għandhom jirrealizzaw li qorob it-​tmiem. Lid-​dixxipli li se jkunu ħajjin matul dan iż-​żmien importanti Ġesù jagħtihom din it-​twissija:

“Dak il-​jum u s-​siegħa ma jafhom ħadd, la l-​anġli tas-​smewwiet u lanqas l-​Iben, ħlief il-​Missier. Għax bħalma kienu jiem Noè, hekk tkun il-​preżenza taʼ Bin il-​bniedem. Għax bħalma f’dawk il-​jiem qabel id-​dilluvju kienu jieklu u jixorbu, irġiel jiżżewġu u nisa jingħataw fiż-​żwieġ, sal-​jum li Noè daħal fl-​arka; u ma tawx kas sakemm ġie d-​dilluvju u kinishom ilkoll, hekk tkun il-​preżenza taʼ Bin il-​bniedem.” (Mattew 24:36-​39) Il-​ġrajja li juża Ġesù bħala xebh—id-​Dulluvju storiku taʼ żmien Noè—kellha impatt fuq id-​dinja kollha.

L-​appostli li qed jisimgħu lil Ġesù fuq il-​Muntanja taż-​Żebbuġ bla dubju jagħrfu l-​bżonn li jibqgħu għassa. Ġesù jgħid: “Oqogħdu attenti għalikom infuskom li qlubkom qatt ma jitqalu b’ikel u xorb żejjed u ansjetajiet tal-​ħajja, u f’daqqa waħda dak il-​jum jiġi fuqkom għal għarrieda bħal nassa. Għax jiġi fuq dawk kollha li jgħixu fuq wiċċ l-​art kollha. Għalhekk, ibqgħu mqajmin u itolbu bil-​ħerqa l-​ħin kollu biex jirnexxilkom taħarbu minn dak kollu li għandu jseħħ u tieqfu quddiem Bin il-​bniedem.”—Luqa 21:34-​36.

Għal darb’oħra, Ġesù qed juri li dak li qed ibassar mhuwiex limitat għal dak iż-​żmien biss. Hu mhuwiex qed jipprofetizza dwar ġrajjiet li kienu se jseħħu fi ftit għaxriet taʼ snin u li kienu se jeffettwaw biss il-​belt taʼ Ġerusalemm jew il-​ġens Lhudi. Le, hu qed jitkellem dwar żviluppi li se jiġu “fuq dawk kollha li jgħixu fuq wiċċ l-​art kollha.”

Hu jgħid li d-​dixxipli tiegħu se jkollhom bżonn joqogħdu attenti, jibqgħu għassa, u jkunu lesti. Ġesù jenfasizza din it-​twissija b’tixbiha oħra: “Kunu afu dan, li kieku sid id-​dar kien jaf f’liema għassa kien ġej il-​ħalliel, kien jibqaʼ mqajjem u ma jħallix daru tinsteraq. Għalhekk, uru li intom lesti wkoll, għax f’siegħa li ma tistennewhiex ġej Bin il-​bniedem.”—Mattew 24:43, 44.

Ġesù jkompli billi jagħti lid-​dixxipli tiegħu raġuni biex ikunu pożittivi. Hu jassigurahom li meta l-​profezija tiegħu tkun qed titwettaq, se jkun hemm “ilsir” għassa u attiv. Ġesù juża sitwazzjoni li l-​appostli jistgħu jimmaġinawha faċilment: “Min hu tassew l-​ilsir leali u għaqli li sidu ħatru fuq il-​qaddejja taʼ daru, biex jagħtihom l-​ikel fiż-​żmien xieraq? Hieni hu dak l-​ilsir li sidu, meta jasal, isibu jagħmel hekk! Tassew ngħidilkom, Hu jaħtru fuq kulma għandu.” Iżda jekk l-​“ilsir” jiżviluppa attitudni mill-​agħar u ma jittrattax lil oħrajn sew, is-​sid se “jikkastigah bl-​akbar ħruxija.”—Mattew 24:45-​51; qabbel Luqa 12:45, 46.

Madankollu, Ġesù mhuwiex qed jgħid li xi wħud mis-​segwaċi tiegħu se jsiru mill-​agħar. Allura x’inhi l-​lezzjoni li Ġesù jrid jenfasizza lid-​dixxipli tiegħu? Hu jridhom jibqgħu għassa u attivi, kif juri b’mod ċar f’tixbiha oħra.