Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU 135

Ġesù rxoxtat jidher lil ħafna

Ġesù rxoxtat jidher lil ħafna

LUQA 24:13-​49 ĠWANNI 20:19-​29

  • ĠESÙ JIDHER FIT-​TRIQ LI TWASSAL GĦAL GĦEMMAWS

  • DARBA WARA L-​OĦRA JISPJEGA L-​ISKRITTURA LID-​DIXXIPLI

  • TUMAS MA JIBQAX JIDDUBITA

Huwa l-​Ħadd, 16 taʼ Nisan, u d-​dixxipli qed iħossuhom imdejqin. Huma ma jistgħux jifhmu għala l-​qabar hu vojt. (Mattew 28:9, 10; Luqa 24:11) Iktar tard fil-​ġurnata, Kleofa u dixxiplu ieħor jitilqu minn Ġerusalemm u jaqbdu mexjin lejn Għemmaws, li hu xi 11-​il kilometru ’l bogħod.

Huma u mexjin jitkellmu dwar dak li ġara. Imbagħad jingħaqad magħhom raġel li ma jafuhx u dan jistaqsi: “Fuqiex qed tiddiskutu bejnietkom intom u mexjin?” Kleofa jwieġeb: “Int xi barrani li qed tgħix għalik waħdek f’Ġerusalemm, u b’hekk ma tafx x’ġara fiha f’dawn il-​jiem?” Ir-​raġel jistaqsi: “X’ġara?”—Luqa 24:17-​19.

“Dak li ġara lil Ġesù n-​Nazzarenu,” jgħidu huma. “Aħna konna qed nittamaw li dan ir-​raġel kien dak li kellu jeħles lil Israel.”—Luqa 24:19-​21.

Kleofa u sieħbu jkomplu billi jirrakkontaw affarijiet li seħħew dakinhar stess. Huma jgħidu li xi nisa li marru ħdejn il-​qabar fejn Ġesù kien midfun sabuh vojt. Barra minn hekk, dawn in-​nisa raw xi ħaġa sopranaturali—dehrulhom anġli li qalu li Ġesù hu ħaj. Huma jgħidu li anki oħrajn marru ħdejn il-​qabar u “sabu kollox eżatt kif kienu qalu n-​nisa.”—Luqa 24:24.

Jidher ċar li ż-​żewġ dixxipli jħossuhom imħawdin minħabba dak li ġara. Ir-​raġel iwieġeb bl-​awtorità biex jikkoreġi l-​ħsieb żbaljat tagħhom, li qed jeffettwa lil qalbhom: “Kemm intom boloh u ddumu biex temmnu dak kollu li qalu l-​profeti! Ma kellux il-​Kristu jsofri dan u jidħol fil-​glorja tiegħu?” (Luqa 24:25, 26) Hu jkompli billi jfissrilhom ħafna siltiet mill-​Iskrittura rigward il-​Kristu.

Sa fl-​aħħar it-​tlett irġiel jaslu viċin Għemmaws. Iż-​żewġ dixxipli jridu jkomplu jisimgħuh, allura lir-​raġel iħeġġuh: “Ibqaʼ magħna, għax sar ħafna ħin u l-​jum kważi spiċċa.” Hu jaqbel li jibqaʼ magħhom u jieklu xi ħaġa flimkien. Hekk kif ir-​raġel jitlob, jaqsam il-​ħobża, u jnewwilhielhom, huma jagħrfuh, imma mbagħad jgħib minn quddiemhom. (Luqa 24:29-​31) Issa m’għandhom l-​ebda dubju li Ġesù hu ħaj.

B’eċċitament, iż-​żewġ dixxipli jitkellmu dwar dak li għaddew minnu: “Ma kinux qlubna mkebbsin fina meta beda jkellimna fit-​triq, hu u jispjegalna ċar l-​Iskrittura?” (Luqa 24:32) Huma jiġru lura lejn Ġerusalemm fejn isibu l-​appostli u oħrajn. Qabel ma Kleofa u sieħbu jilħqu jgħidulhom x’ġara, huma jisimgħu lil oħrajn jgħidu: “Il-​Mulej il-​veru ġie mqajjem u deher lil Xmun!” (Luqa 24:34) Imbagħad iż-​żewġt irġiel jirrakkontaw kif Ġesù dehrilhom. Iva, anki dawn raw lil Ġesù b’għajnejhom stess.

Issa lkoll jinħasdu—Ġesù jidher fil-​kamra! Ma jistgħux jemmnu ’l għajnejhom għax huma sakkru l-​bibien minħabba li qed jibżgħu mil-​Lhud. Minkejja dan, Ġesù qiegħed wieqaf f’nofshom. Bil-​kalma kollha jgħid: “Is-​sliem għalikom.” Imma huma qed jibżgħu. Kif diġà għamlu fil-​passat, ‘qed jimmaġinaw li qed jaraw xi spirtu.’—Luqa 24:36, 37; Mattew 14:25-​27.

Biex juri li mhuwiex xi dehra jew xi ħaġa li sempliċement qed jimmaġinaw imma, minflok, li veru għandu ġisem uman, Ġesù jurihom idejh u saqajh u jgħid: “Għala qed titħawdu, u għala qed tiddubitaw fi qlubkom? Araw idejja u saqajja, kif dan hu jien; missuni u araw, għax spirtu m’għandux laħam u għadam kif qed taraw li għandi jien.” (Luqa 24:36-​39) Huma jħossuhom ferħanin se jtiru u mgħaġġbin imma xorta qed isibuha xi ftit bi tqila biex jemmnuh.

Biex jipprova jkompli jgħinhom jaraw li hu  reali, hu jistaqsi: “Għandkom xi ħaġa x’niekol hemmhekk?” Huma jagħtuh biċċa ħuta mixwija u hu jikolha. Imbagħad jgħid: “Dan hu l-​kliem li għedtilkom waqt li kont għadni magħkom [qabel il-​mewt tiegħi], li kulma hemm miktub dwari fil-​liġi taʼ Mosè u fil-​Profeti u fis-​Salmi jrid jitwettaq.”—Luqa 24:41-​44.

Ġesù kien għen lil Kleofa u lil sieħbu jifhmu l-​Iskrittura, u issa jagħmel l-​istess għal dawk kollha miġburin hawnhekk: “Hekk hu miktub li l-​Kristu kellu jbati u jqum mill-​imwiet fit-​tielet jum, u f’ismu l-​indiema għall-​maħfra tad-​dnubiet kellha tiġi pridkata fil-​ġnus kollha; billi tibdew minn Ġerusalemm intom tridu tkunu xhieda taʼ dan.”—Luqa 24:46-​48.

Għal xi raġuni jew oħra, l-​appostlu Tumas mhuwiex preżenti. Fil-​jiem taʼ wara, oħrajn b’ferħ jgħidulu: “Rajna lill-​Mulej!” Tumas iwieġeb: “Jekk ma narax il-​marka taʼ l-​imsiemer f’idejh u ma nqegħedx sebgħi ġol-​marka taʼ l-​imsiemer u idi ġo ġenbu, żgur ma nemminx.”—Ġwanni 20:25.

Tmint ijiem wara, id-​dixxipli reġgħu qed jiltaqgħu f’kamra msakkra imma din id-​darba hemm Tumas magħhom. Ġesù jidher f’nofshom b’ġisem uman u jilqagħhom billi jgħid: “Is-​sliem għalikom.” Ġesù jdur lejn Tumas u jgħidlu: “Poġġi sebgħek hawn, u ara idejja, u ġib idek u daħħalha f’ġenbi, u tibqax ma temminx iżda emmen.” Tumas jgħid: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!” (Ġwanni 20:26-​28) Iva, issa m’għandu l-​ebda dubju li Ġesù hu ħaj bħala ħliqa spirtu setgħan li hu r-​rappreżentant t’Alla Ġeħova.

“Emmint għax rajtni?” jistaqsi Ġesù. “Henjin dawk li ma jarawx u xorta jemmnu.”—Ġwanni 20:29.