Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU 139

Ġesù jġib ġenna tal-art u jwettaq l-inkarigu tiegħu

Ġesù jġib ġenna tal-art u jwettaq l-inkarigu tiegħu

1 KORINTIN 15:24-​28

  • DAK LI SE JIĠRI MIN-​NAGĦAĠ U L-​MOGĦOŻ

  • ĦAFNA SE JGAWDU ĠENNA FUQ L-​ART

  • ĠESÙ JAGĦTI PROVA LI HU T-​TRIQ, IL-​VERITÀ, U L-​ĦAJJA

Ftit wara l-​magħmudija tiegħu, Ġesù ffaċċja għadu li kien determinat li jfixklu saħansitra qabel ma beda l-​ministeru tiegħu. Iva, ix-​Xitan darba wara l-​oħra pprova jittanta lil Ġesù. Iktar tard, Ġesù qal hekk dwar dak il-​wieħed mill-​agħar: “Ġej il-​ħakkiem tad-​dinja. Hu m’għandu ebda setgħa fuqi.”—Ġwanni 14:30.

F’viżjoni, l-​appostlu Ġwanni ra bil-​quddiem x’kien se jiġri lid-​“dragun il-​kbir, is-​serp oriġinali, dak li hu msejjaħ Xitan u Satana.” Dan l-​għadu kattiv tal-​umanità kien se jitkeċċa mis-​sema u kien se jkollu “rabja kbira, għax jaf li żmien qasir baqagħlu.” (Rivelazzjoni 12:9, 12) Il-​Kristjani għandhom raġuni tajba biex jemmnu li qed jgħixu matul dan iż-​“żmien qasir,” u li d-​“dragun il-​kbir, is-​serp oriġinali,” dalwaqt se jiġi mitfugħ fl-​abbiss fejn ma jkun jistaʼ jagħmel xejn għal 1,000 sena waqt li Ġesù jsaltan fis-​Saltna t’Alla.—Rivelazzjoni 20:1, 2.

Matul dan il-​perijodu, x’se jiġri fuq l-​art? Min se jgħix hawnhekk u f’liema kundizzjonijiet? Ġesù nnifsu tana t-​tweġibiet. Fit-​tixbiha tiegħu tan-​nagħaġ u l-​mogħoż, hu wera liema futur hemm għall-​bnedmin sewwa li huma bħal nagħaġ. Dawn jikkooperaw maʼ ħut Ġesù u jgħinuhom. Ukoll, hu wera b’mod ċar x’hemm jistenna lil dawk li jagħmlu l-​oppost, dawk li huma bħal mogħoż. Ġesù qal: “Dawn [il-​mogħoż] imorru fil-​qtugħ taʼ dejjem, imma n-​nies sewwa [in-​nagħaġ] fil-​ħajja taʼ dejjem.”—Mattew 25:46.

Dan jgħinna nifhmu dak li Ġesù qal lill-​kriminal li kien fuq iz-​zokk maġenbu. Ġesù lil dan ir-​raġel m’offrilux l-​istess premju li wiegħed lill-​appostli leali tiegħu, jiġifieri li jkunu parti mis-​Saltna tas-​smewwiet. Minflok, Ġesù wiegħed lir-​raġel ħażin li nidem: “Tassew ngħidlek illum, Int tkun fil-​Ġenna miegħi.” (Luqa 23:43)  B’hekk dan ir-​raġel kellu l-​prospett li jgħix f’Ġenna tal-​art—ġnien mill-​isbaħ. B’mod loġiku, dawk li llum juru li huma bħal nagħaġ u li jidħlu “fil-​ħajja taʼ dejjem” ukoll se jkunu f’din il-​Ġenna tal-​art.

Dan jaqbel mad-​deskrizzjoni li ta l-​appostlu Ġwanni dwar x’kundizzjonijiet se jkun hawn fuq l-​art dak iż-​żmien. Hu qal: “It-​tinda t’Alla hi mal-​bnedmin, u hu jgħammar magħhom, u huma jkunu l-​popli tiegħu. U Alla stess ikun magħhom. U jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom, u ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas uġigħ. L-​affarijiet taʼ qabel ikunu spiċċaw.”—Rivelazzjoni 21:3, 4.

Sabiex dak il-​kriminal igawdi l-​ħajja f’Ġenna tal-​art, se jkollu jiġi mqajjem mill-​mewt. U mhux hu biss se jiġi rxoxtat. Ġesù wera dan b’mod ċar meta qal: “Ġejja s-​siegħa li fiha dawk kollha li qegħdin fl-​oqbra tat-​tifkira jisimgħu leħnu u joħorġu, dawk li għamlu t-​tajjeb għal irxoxt taʼ ħajja, dawk li pprattikaw affarijiet vili għal irxoxt taʼ ġudizzju.”—Ġwanni 5:28, 29.

Imma xi ngħidu għall-​appostli leali u n-​numru limitat t’oħrajn li se jkunu maʼ Ġesù fis-​sema? Il-​Bibbja tgħid: “Ikunu qassisin t’Alla u tal-​Kristu, u jsaltnu miegħu għall-​elf sena.” (Rivelazzjoni 20:6) Dawk li se jsaltnu maʼ Kristu se jkunu rġiel u nisa li kienu għexu fuq l-​art. Allura żgur se jkunu mexxejja fis-​sema li jagħdru u jifhmu lis-​sudditi tagħhom fuq l-​art.—Rivelazzjoni 5:10.

Ġesù se juża s-​sagrifiċċju tiegħu bħala fidwa għall-​benefiċċju tal-​bnedmin fuq l-​art u se jeħlishom mid-​dnub li wirtu. Hu u dawk li jsaltnu miegħu se jmexxu lill-​umanità leali lejn il-​perfezzjoni. Iva, il-​bnedmin imbagħad se jgawdu l-​ħajja li Alla oriġinarjament ried li jkollhom meta qal lil Adam u Eva biex inisslu u jimlew l-​art. Saħansitra anki l-​mewt, li hi riżultat tad-​dnub t’Adam, se tispiċċa!

B’hekk, Ġesù se jkun wettaq dak kollu li Ġeħova talbu jagħmel. Fl-​aħħar tat-​Tmexxija taʼ Elf Sena tiegħu, Ġesù se jagħti s-​Saltna u l-​familja umana perfetta lil Missieru. Rigward dan l-​att meraviljuż tal-​umiltà min-​naħa taʼ Ġesù, l-​appostlu Pawlu kiteb: “Meta kollox ikun ġie suġġettat għalih, imbagħad l-​Iben innifsu wkoll jissottometti ruħu lejn Dak li ssuġġettalu kollox, biex Alla jkun kollox għal kulħadd.”—1 Korintin 15:28.

Jidher ċar li Ġesù għandu rwol vitali fit-​twettiq tal-​iskopijiet mill-​isbaħ t’Alla. U hekk kif dawn l-​iskopijiet ikomplu jiżvolġu matul l-​eternità, hu se jgħix kompletament fi qbil mad-​deskrizzjoni li ta tiegħu nnifsu: “Jien it-​triq, il-​verità, u l-​ħajja.”—Ġwanni 14:6.