Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU 108

Ġesù ma jħallihomx idaħħluh f’nassa

Ġesù ma jħallihomx idaħħluh f’nassa

MATTEW 22:15-​40 MARKU 12:13-​34 LUQA 20:20-​40

  • LIL ĊESARI DAK LI HU TAʼ ĊESARI

  • JISTAQSU DWAR IŻ-​ŻWIEĠ FL-​IRXOXT

  • L-​AKBAR KMANDAMENTI

L-​għedewwa reliġjużi taʼ Ġesù xejn mhuma kuntenti. Hu għadu kemm irrakkonta xi tixbihat li kixfu l-​ħażen tagħhom. Il-​Fariżej issa jikkonfoffaw biex idaħħluh f’nassa. Huma jipprovaw iġegħluh jgħid xi ħaġa li minħabba fiha jkunu jistgħu jagħtuh f’idejn il-​gvernatur Ruman, u allura jħallsu lid-​dixxipli tagħhom biex isibu xi mod kif jakkużawh.—Luqa 6:7.

“Għalliem,” jgħidu huma, “aħna nafu li int titkellem u tgħallem b’mod korrett, ma turi ebda parzjalità, u tgħallem it-​triq t’Alla fi qbil mal-​verità: Huwa skond il-​liġi li nħallsu t-​taxxa lil Ċesari jew le?” (Luqa 20:21, 22) Ġesù ma jiġix imqarraq mit-​tifħir tagħhom, għax huma ipokriti u makakki. Jekk jgħid, ‘Le, mhux sewwa li tħallsu din it-​taxxa,’ jistaʼ jiġi akkużat li qed jirvella kontra Ruma. Imma jekk jgħid, ‘Iva, ħallsu din it-​taxxa,’ in-​nies, li huma mxebbgħin taħt il-​ħakma tar-​Rumani, forsi jifhmuh ħażin u jduru kontrih. Allura kif iwieġeb?

Ġesù jwieġeb: “Għala tipprovawni, ipokriti? Uruni l-​munita tat-​taxxa.” Huma jġibulu dinar, u hu jistaqsi: “Din ix-​xbieha u din l-​iskrizzjoni taʼ min huma?” Iwiġbuh: “Taʼ Ċesari.” Imbagħad Ġesù bis-​sengħa jagħti din id-​direzzjoni: “Għalhekk, agħtu lura lil Ċesari dak li hu taʼ Ċesari, imma lil Alla dak li hu t’Alla.”—Mattew 22:18-​21.

L-​irġiel jistagħġbu bil-​kliem taʼ Ġesù. It-​tweġiba  għaqlija tiegħu tħallihom bla kliem u għalhekk jitilqu. Imma dan ma jfissirx li se jieqfu jipprovaw idaħħluh f’nassa. Wara li l-​attentat tal-​Fariżej ma rnexxiex, mexxejja taʼ grupp reliġjuż ieħor jersqu lejn Ġesù.

Is-​Sadduċej, li jgħidu li m’hemmx irxoxt, iqajmu mistoqsija rigward l-​irxoxt u ż-​żwieġ bejn armla u ħu r-​raġel tagħha. Huma jistaqsu: “Għalliem, Mosè qal, ‘Jekk raġel imut mingħajr tfal, ħuh irid jiżżewweġ lill-​armla tiegħu u jqajjem nisel għal ħuh.’ Issa magħna kien hemm sebaʼ aħwa; u l-​ewwel wieħed iżżewweġ u miet, u, għax ma kellux ulied, ħalla lil martu għal ħuh. Ġara l-​istess ukoll lit-​tieni u t-​tielet, sas-​sebaʼ wieħed. Fl-​aħħar mietet il-​mara wkoll. Għaldaqstant, fl-​irxoxt, mart liema wieħed mis-​sebgħa se tkun? Għax kollha żżewġuha.”—Mattew 22:24-​28.

Billi jiġbed l-​attenzjoni lejn il-​kitbiet taʼ Mosè, li s-​Sadduċej jaċċettaw, Ġesù jwieġeb: “Mhux għalhekk intom żbaljati, għax la tafu l-​Iskrittura u lanqas il-​qawwa t’Alla? Għax meta jqumu mill-​imwiet, la l-​irġiel ma jiżżewġu u lanqas in-​nisa ma jingħataw fiż-​żwieġ, imma jkunu bħall-​anġli fis-​smewwiet. Imma dwar li l-​mejtin jiġu mqajmin, ma qrajtux fil-​ktieb taʼ Mosè, fir-​rakkont dwar l-​għollieqa, kif Alla qallu, ‘Jien l-​Alla t’Abraham u l-​Alla taʼ Iżakk u l-​Alla taʼ Ġakobb’? Hu mhux Alla tal-​mejtin, imma tal-​ħajjin. Intom żbaljati ferm.” (Marku 12:24-​27; Eżodu 3:1-​6) Il-​folol jibqgħu mgħaġġbin b’din it-​tweġiba.

Ġesù jsikket kemm lill-​Fariżej u kemm lis-​Sadduċej, allura issa dawn l-​opponenti reliġjużi jingħaqdu flimkien biex ikomplu jġarrbuh. Wieħed skriba jistaqsi: “Għalliem, liema hu l-​akbar kmandament fil-​Liġi?”—Mattew 22:36.

Ġesù jwieġeb: “L-​ewwel hu, ‘Ismaʼ, O Israel, Ġeħova Alla tagħna hu Ġeħova wieħed, u ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’ruħek kollha u b’moħħok kollu u b’saħħtek kollha.’ It-​tieni hu dan, ‘Ħobb lill-​proxxmu tiegħek bħalek innifsek.’ M’hemm ebda kmandament ieħor akbar minn dawn.”—Marku 12:29-​31.

Xħin jismaʼ t-​tweġiba, l-​iskriba jwieġeb: “Għalliem, tajjeb għedt fi qbil mal-​verità, ‘Hu Wieħed, u m’hemmx ieħor għajru’; u li tħobbu b’qalbek kollha u bl-​intellett kollu tiegħek u b’saħħtek kollha u li tħobb lill-​proxxmu tiegħek bħalek innifsek jiswew ferm iktar mill-​offerti tal-​ħruq kollha u s-​sagrifiċċji kollha.” Billi jara li l-​iskriba wieġeb b’mod intelliġenti, Ġesù jgħidlu: “M’intix ’il bogħod mis-​saltna t’Alla.”—Marku 12:32-​34.

Ġesù ilu tlett ijiem (9, 10, u 11 taʼ Nisan) jgħallem fit-​tempju. Xi nies, bħal dan l-​iskriba, ħadu pjaċir jisimgħuh. Imma l-​mexxejja reliġjużi xejn ma ħadu pjaċir, u issa ‘m’għandhomx il-​kuraġġ jistaqsuh iktar.’