Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU 138

Kristu fuq il-leminija t’Alla

Kristu fuq il-leminija t’Alla

ATTI 7:56

  • ĠESÙ JOQGĦOD BILQIEGĦDA FUQ IL-​LEMINIJA T’ALLA

  • SAWL ISIR DIXXIPLU

  • GĦANDNA RAĠUNI BIEX NIFIRĦU

Għaxart ijiem wara li Ġesù telaʼ s-​sema, it-​tferrigħ tal-​ispirtu qaddis fil-​jum taʼ Pentekoste ta evidenza li hu kien tassew fis-​sema. U kien se jkun hemm iktar evidenza taʼ dan. Eżatt qabel ma d-​dixxiplu Stiefnu ġie mħaġġar minħabba l-​ippritkar leali tiegħu, hu qal: “Ara! Qed nara s-​smewwiet miftuħin u Bin il-​bniedem fuq il-​leminija t’Alla.”—Atti 7:56.

Waqt li kien maʼ Missieru fis-​sema, Ġesù kien qed jistenna kmand speċifiku mbassar fil-​Kelma t’Alla. Taħt ispirazzjoni, David kiteb: “Din hi l-​kelma taʼ Ġeħova lill-​Mulej tiegħi [Ġesù]: ‘Oqgħod bil-​qiegħda fuq il-​lemin tiegħi sakemm inqiegħed l-​għedewwa tiegħek bħala banketta għal saqajk.’” Meta jgħaddi dan iż-​żmien taʼ stennija, hu se ‘jmur irażżan f’nofs l-​għedewwa tiegħu,’ jiġifieri se jirbħilhom. (Salm 110:1, 2) Imma Ġesù x’kien se joqgħod jagħmel fis-​sema waqt li jistenna ż-​żmien biex jieħu azzjoni kontra l-​għedewwa tiegħu?

F’Pentekoste tas-​sena 33 WK, ġiet stabbilita l-​kongregazzjoni Kristjana. Mis-​sema Ġesù beda jsaltan, jew jirrenja, fuq id-​dixxipli tiegħu midlukin bl-​ispirtu. (Kolossin 1:13) Hu ggwidahom fl-​ippritkar tagħhom u ħejjiehom għall-​irwol li kien se jkollhom fil-​futur. X’inhu dan l-​irwol? Dawk li jibqgħu leali sal-​mewt, eventwalment kienu se jiġu rxoxtati u kienu se jaqdu bħala slaten flimkien maʼ Ġesù fis-​Saltna.

Eżempju li jispikka taʼ xi ħadd li kien se jkun wieħed minn dawn is-​slaten fil-​futur kien Sawl, magħruf aħjar bl-​isem Ruman tiegħu Pawlu. Hu kien Lhudi li kien ilu żeluż għal-​Liġi t’Alla, imma tant kien ġie żvijat mill-​mexxejja reliġjużi Lhud li saħansitra approva t-​tħaġġir taʼ Stiefnu. Imbagħad, Sawl qabad it-​triq għal Damasku u kien qed “jhedded lid-​dixxipli tal-​Mulej u kellu xewqa kbira li joqtolhom.” Il-​Qassis il-​Kbir Kajfa tah l-​awtorità biex jarresta lid-​dixxipli taʼ Ġesù u jiħodhom lura Ġerusalemm. (Atti 7:58; 9:1) Madankollu, waqt li Sawl kien fi triqtu, idda madwaru dawl qawwi u waqaʼ mal-​art.

Instemaʼ leħen jgħid: “Sawl, Sawl, għala qed tippersegwitani?” Sawl staqsa: “Min int, Mulej?” U t-​tweġiba kienet: “Jien Ġesù, li int qed tippersegwita.”—Atti 9:4, 5.

 Ġesù qal lil Sawl biex jidħol Damasku u jistenna iktar istruzzjonijiet, imma xi ħadd kellu jmexxih sal-​belt għax id-​dawl mirakoluż kien għamieh. F’viżjoni oħra, Ġesù deher lil Ananija, wieħed mid-​dixxipli tiegħu li kien qed jgħix Damasku. Ġesù qal lil Ananija biex imur f’ċertu indirizz biex isib lil Sawl. Ananija ħassu xi ftit beżgħan, imma Ġesù assigurah: “Dan ir-​raġel hu strument magħżul biex iwassal ismi quddiem il-​ġnus kif ukoll quddiem slaten u wlied Israel.” Sawl reġaʼ ġie jara, u hemmhekk f’Damasku “beda jippriedka . . . dwar Ġesù, li Dan hu l-​Iben t’Alla.”—Atti 9:15, 20.

Bl-​appoġġ taʼ Ġesù, Pawlu u evanġelizzaturi oħrajn komplew ix-​xogħol tal-​ippritkar li kien beda Ġesù. Alla berikhom b’suċċess liema bħalu. Madwar 25 sena wara li deherlu Ġesù fit-​triq li twassal għal Damasku, Pawlu kiteb li l-​aħbar tajba kienet ġiet “pridkata fil-​ħolqien kollu li hu taħt is-​sema.”—Kolossin 1:23.

Snin wara, Ġesù ta lill-​appostlu Ġwanni, li kien tant iħobb, sensiela taʼ viżjonijiet, u dawn jinsabu fil-​ktieb Bibliku tar-​Rivelazzjoni. Permezz taʼ dawn il-​viżjonijiet, Ġwanni bħallikieku għex sakemm Ġesù ġie lura bħala s-​Sultan tas-​Saltna t’Alla. (Ġwanni 21:22) ‘B’ispirazzjoni Ġwanni sab ruħu f’jum il-​Mulej.’ (Rivelazzjoni 1:10) Dan il-​jum meta kellu jibda?

Studju bir-​reqqa tal-​profezija Biblika jirrivela li “jum il-​Mulej” beda fi żmienna. Fl-​1914, faqqgħet dik li saret magħrufa bħala l-​Ewwel Gwerra Dinjija. Minn dakinhar ’il quddiem kien hawn iktar gwerer, mard, ġuħ, terremoti, u affarijiet oħra li wettqu fuq skala kbira “s-​sinjal” li Ġesù ta lill-​appostli tiegħu dwar “il-​preżenza” tiegħu u “t-​tmiem.” (Mattew 24:3, 7, 8, 14) L-​ippritkar tal-​aħbar tajba tas-​Saltna issa mhux biss qed jitwettaq fl-​inħawi tal-​Imperu Ruman imma madwar id-​dinja.

Ġwanni ġie mnebbaħ biex jiddeskrivi xi jfisser dan: “Issa bdew iseħħu s-​salvazzjoni u l-​qawwa u s-​saltna t’Alla tagħna u l-​awtorità tal-​Kristu tiegħu.” (Rivelazzjoni 12:10) Iva, is-​Saltna t’Alla fis-​sema, li Ġesù tant ħabbar dwarha, hi realtà!

Din hi aħbar mill-​isbaħ għad-​dixxipli leali kollha taʼ Ġesù. Huma jistgħu jgħożżu l-​kliem taʼ Ġwanni: “Għalhekk, ifirħu smewwiet u intom li tgħammru fihom! Gwaj għall-​art u għall-​baħar, għax ix-​Xitan niżel għandkom u għandu rabja kbira, għax jaf li żmien qasir baqagħlu.”—Rivelazzjoni 12:12.

Mela Ġesù m’għadux bilqiegħda fuq il-​leminija taʼ Missieru jistenna. Hu qed jirrenja bħala Sultan, u dalwaqt se jeqred lill-​għedewwa tiegħu kollha. (Ebrej 10:12, 13) Allura liema żviluppi eċċitanti nistgħu nħarsu ’l quddiem għalihom?