Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU 107

Sultan jibgħat għal dawk mistidnin għal festa tat-tieġ

Sultan jibgħat għal dawk mistidnin għal festa tat-tieġ

MATTEW 22:1-​14

  • IT-​TIXBIHA TAL-​FESTA TAT-​TIEĠ

Hekk kif il-​ministeru taʼ Ġesù joqrob lejn tmiemu, hu jkompli juża tixbihat biex jikxef il-​ħażen tal-​iskribi u l-​qassisin ewlenin. Għalhekk, huma jridu joqtluh. (Luqa 20:19) Imma Ġesù għad baqagħlu x’jikxfilhom. Hu jirrakkonta tixbiha oħra:

“Is-​saltna tas-​smewwiet saret bħal wieħed sultan li għamel festa tat-​tieġ għal ibnu. U bagħat lill-​ilsiera tiegħu għal dawk li kienu mistidnin għall-​festa tat-​tieġ, imma dawn ma ridux jiġu.” (Mattew 22:2, 3) Ġesù jintroduċi t-​tixbiha tiegħu billi jsemmi “s-​saltna tas-​smewwiet.” Allura, b’mod loġiku, is-​“sultan” bilfors li hu Alla Ġeħova. Xi ngħidu għal iben is-​sultan u dawk mistidnin għall-​festa tat-​tieġ? Għal darb’oħra, mhux diffiċli biex nidentifikaw lil iben is-​sultan bħala Iben Ġeħova, li qiegħed hemmhekk jirrakkonta t-​tixbiha, u biex nifhmu li dawk mistidnin huma l-​uħud li se jkunu mal-​Iben fis-​Saltna tas-​smewwiet.

Min huma l-​ewwel uħud li jiġu mistidnin? Dawk li Ġesù u l-​appostli qed jippritkawlhom dwar is-​Saltna, jiġifieri l-​Lhud. (Mattew 10:6, 7; 15:24) Dan il-​ġens aċċetta l-​patt tal-​Liġi fis-​sena 1513 QK, u għalhekk huma kienu l-​ewwel uħud li kellhom jifformaw “saltna taʼ qassisin.” (Eżodu 19:5-​8) Imma meta kienu se jissejħu biex jattendu “l-​festa tat-​tieġ”? Din l-​istedina ħarġet fis-​sena 29 WK meta Ġesù beda jipprietka dwar is-​Saltna tas-​smewwiet.

U l-​biċċa l-​kbira tal-​Iżraelin kif laqgħu l-​istedina? Kif qal Ġesù, “ma ridux jiġu.” Il-​maġġuranza tal-​mexxejja reliġjużi u tan-​nies m’aċċettawhx bħala l-​Messija u bħala s-​Sultan magħżul t’Alla.

Iżda Ġesù jindika li l-​Lhud se jingħataw opportunità oħra: “Jerġaʼ [s-​sultan] bagħat ilsiera oħrajn u qalilhom, ‘Għidu lill-​mistidnin: “Ara! Jien ħejjejt il-​pranzu tiegħi, il-​barrin u l-​bhejjem imsemmnin diġà maqtulin, u kollox għandi lest. Ejjew għall-​festa tat-​tieġ.”’ Imma ma tawx kas,  u kien hemm min telaq lejn l-​għalqa tiegħu, u min lejn in-​negozju tiegħu; imma l-​oħrajn qabdu lill-​ilsiera, insultawhom u qatluhom.” (Mattew 22:4-​6) Dan jaqbel maʼ dak li ġara meta ġiet stabbilita l-​kongregazzjoni Kristjana. Dak iż-​żmien, il-​Lhud kien għad għandhom l-​opportunità li jkunu fis-​Saltna, imma l-​biċċa l-​kbira ma laqgħux din l-​istedina, saħansitra ttrattaw ħażin lill-​‘ilsiera tas-​sultan.’—Atti 4:13-​18; 7:54, 58.

Il-​ġens kif kien se jispiċċa? Ġesù jgħid: “Is-​sultan imtela bil-​korla, u bagħat l-​armati tiegħu u qered lil dawk il-​qattilin u ħarqilhom il-​belt tagħhom.” (Mattew 22:7) Il-​Lhud ġarrbu dan fis-​sena 70 WK meta r-​Rumani qerdu “l-​belt tagħhom,” Ġerusalemm.

Peress li dawn irrifjutaw l-​istedina tas-​sultan, ifisser li ħadd iktar ma kien se jingħata l-​istedina? Ġesù ma jgħidx hekk fit-​tixbiha tiegħu. Hu jkompli jgħid: “Imbagħad [is-​sultan] qal lill-​ilsiera tiegħu, ‘Tabilħaqq, kollox lest għall-​festa tat-​tieġ, imma l-​mistidnin ma kienx jistħoqqilhom. Għalhekk, morru fit-​toroq li jagħtu għall-​belt, u lil kulmin issibu stidnuh għall-​festa tat-​tieġ.’ Għaldaqstant, dawn l-​ilsiera ħarġu fit-​toroq u ġabru lil kulmin sabu, ħżiena u tajbin; u s-​sala tat-​tieġ imtliet bin-​nies imdawrin mal-​mejda.”—Mattew 22:8-​10.

Taʼ interess, l-​appostlu Pietru iktar tard kien se jibda jgħin lill-​Ġentili—uħud li ma kinux Lhud mit-​twelid jew li ma kinux ikkonvertew—isiru Kristjani veri. Fis-​sena 36 WK, Kornelju, uffiċjal fl-​armata Rumana, u familtu rċivew l-​ispirtu t’Alla, u b’hekk kellhom l-​opportunità li jidħlu fis-​Saltna tas-​smewwiet li semma Ġesù.—Atti 10:1, 34-​48.

Ġesù jindika li fl-​aħħar mill-​aħħar mhux dawk kollha li jattendu l-​festa se jkunu aċċettati mis-​“sultan.” Hu jgħid: “Meta daħal jara l-​mistidnin, is-​sultan lemaħ fosthom raġel li ma kienx liebes libsa tat-​tieġ. Għalhekk qallu, ‘Sieħbi, int kif dħalt hawnhekk mingħajr il-​libsa tat-​tieġ?’ U dak tbikkem. Imbagħad is-​sultan qal lill-​qaddejja tiegħu, ‘Orbtulu idejh u saqajh u itfgħuh barra fid-​dlam. Hemmhekk se jibki u jgħażżaż snienu.’ Għax ħafna huma mistidnin, imma ftit magħżulin.”—Mattew 22:11-​14.

Il-​mexxejja reliġjużi li qed jisimgħu lil Ġesù forsi ma jifhmux it-​tifsir taʼ dak kollu li qed jgħid jew x’se jfisser għalihom. Minkejja dan, huma rritati u determinati iktar minn qabel biex jeħilsu minn dak li qed iġegħelhom jistħu.