Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU 132

“Żgur li dan ir-raġel kien Bin Alla”

“Żgur li dan ir-raġel kien Bin Alla”

MATTEW 27:45-​56 MARKU 15:33-​41 LUQA 23:44-​49 ĠWANNI 19:25-​30

  • ĠESÙ JMUT FUQ IZ-​ZOKK

  • ISEĦĦU AFFARIJIET MHUX TAS-​SOLTU META JMUT ĠESÙ

Issa saret “is-​sitt siegħa,” jew nofsinhar. Dalma mhux tas-​soltu taqaʼ “fuq l-​art kollha sad-​disaʼ siegħa,” jiġifieri t-​tlieta taʼ wara nofsinhar. (Marku 15:33) Din id-​dalma tal-​biżaʼ mhix ġejja minn xi eklissi tax-​xemx. Eklissi jseħħ meta jkun hemm qamar ġdid, imma dan hu żmien il-​Qbiż, meta l-​qamar ikun kwinta. U din id-​dalma ddum ħafna iktar mill-​ftit minuti li jdum eklissi. Allura huwa Alla li kkaġuna din id-​dalma!

Immaġina l-​effett li dan żgur ikollu fuq dawk li qed iwaqqgħu lil Ġesù għaċ-​ċajt. Matul dan il-​ħin taʼ dlam, erbaʼ nisa jersqu lejn iz-​zokk tat-​tortura. Dawn huma omm Ġesù, Salomè, Marija l-​Maddalena, u Marija omm l-​appostlu Ġakbu ż-​Żgħir.

L-​appostlu Ġwanni qiegħed m’omm Ġesù li hi mnikkta “ħdejn iz-​zokk tat-​tortura.” Marija tara lil binha li wildet u rabbiet imdendel quddiemha f’agunija. Hi tħossha bħallikieku niffduha b’“xabla twila.” (Ġwanni 19:25; Luqa 2:35) Madankollu, minkejja l-​uġigħ kbir li Ġesù qed iħoss, irid jagħmel ċert li jkun hemm min jieħu ħsiebha. Hu bi sforz jagħmel sinjal lejn Ġwanni b’rasu u jgħid lil ommu: “Mara, ara! Ibnek!” Imbagħad jagħmel sinjal lejn Marija u lil Ġwanni jgħidlu: “Ara! Ommok!”—Ġwanni 19:26, 27.

Ġesù qed jafda lill-​appostlu li jħobb b’mod speċjali biex jieħu ħsieb lil ommu, li milli jidher issa romlot. Ġesù jaf tajjeb li ħutu mill-​omm għadhom ma poġġewx fidi fih. Allura qed jagħmel ċert li ma jkun jonqosha xejn, la fiżikament u lanqas spiritwalment. X’eżempju mill-​aqwa!

Madwar il-​ħin li jispiċċa d-​dlam, Ġesù jgħid: “Għandi l-​għatx.” B’dan il-​kliem qed iwettaq l-​iskritturi. (Ġwanni 19:28; Salm 22:15) Ġesù jħoss li Missieru neħħa l-​protezzjoni tiegħu, biex ngħidu hekk, ħalli l-​integrità taʼ Ibnu tiġi mġarrba bis-​sħiħ. Kristu jgħajjat forsi bl-​Aramajk taʼ djalett Galilew: “Eli, Eli, lama sabaqtani?” li tfisser, “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għala abbandunajtni?” Xi wħud li qegħdin bilwieqfa fil-​viċin ma jifhmuhx sew u jgħidu: “Ara! Qed isejjaħ lil Elija.” Wieħed minnhom imur jiġri, ixarrab sponża bl-​inbid qares, ipoġġiha fuq qasba, u jagħtiha lil Ġesù biex jixrob. Imma oħrajn jgħidu: “Ħalluh! Ħa naraw jekk Elija jiġix iniżżlu.”—Marku 15:34-​36.

Ġesù mbagħad jgħajjat: “Twettaq!” (Ġwanni 19:30) Iva, hu wettaq dak kollu li Missieru bagħtu fuq l-​art biex jagħmel. Fl-​aħħar, Ġesù jgħid: “Missier, f’idejk nafda l-​ispirtu tiegħi.” (Luqa 23:46) B’hekk, Ġesù jafda l-​ispirtu tiegħu f’idejn Ġeħova, konvint li Alla se jerġaʼ jagħtih il-​ħajja. B’fiduċja sħiħa f’Alla, Kristu jbaxxi rasu u jmut.

F’dak il-​mument, iseħħ terremot kbir, li jaqsam il-​blat. Tant hu qawwi li xi oqbra barra Ġerusalemm jinfetħu u jintefgħu ’l barra xi iġsma mejtin. Uħud li huma għaddejjin minn hemm u li jaraw l-​iġsma mejtin, jidħlu “fil-​belt qaddisa” u jgħidu x’għadhom kif raw.—Mattew 12:11; 27:51-​53.

Xħin imut Ġesù, il-​purtiera twila u tqila li tifred  il-​Qaddis mill-​Iktar Qaddis fit-​tempju t’Alla tiċċarrat fi tnejn, minn fuq s’isfel. Din il-​ġrajja tal-​għaġeb hi turija tar-​rabja t’Alla għal dawk li qatlu lil Ibnu u turi li t-​triq għall-​Iktar Qaddis, is-​sema stess, issa hi miftuħa.—Ebrej 9:2, 3; 10:19, 20.

Mhux taʼ b’xejn li n-​nies jibdew jibżgħu ħafna. Il-​fizzjal tal-​armata li kien inkarigat mill-​esekuzzjoni jgħid: “Żgur li dan ir-​raġel kien Bin Alla.” (Marku 15:39) Hu forsi kien hemm waqt il-​ġuri taʼ Ġesù quddiem Pilatu meta ġie diskus jekk kienx l-​Iben t’Alla jew le. Issa hu konvint li Ġesù hu raġel sewwa u li hu fil-​fatt l-​Iben t’Alla.

Oħrajn, imqanqlin minn dawn il-​ġrajjiet mhux tas-​soltu, jerħulha lejn djarhom u qed “iħabbtu fuq sidirhom” bħala turija tan-​niket u d-​dispjaċir kbir tagħhom. (Luqa 23:48) Fost dawk li qed jaraw kollox mill-​bogħod hemm ħafna dixxipli nisa li kultant kienu jivvjaġġaw maʼ Ġesù. Anki huma jħossuhom imqanqlin ferm minn dawn il-​ġrajjiet sinifikanti.