Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU 136

Fuq xatt il-Baħar tal-Galilija

Fuq xatt il-Baħar tal-Galilija

ĠWANNI 21:1-​25

  • ĠESÙ JIDHER ĦDEJN IL-​BAĦAR TAL-​GALILIJA

  • PIETRU U OĦRAJN GĦANDHOM JITIMGĦU N-​NAGĦAĠ

Fl-​aħħar lejla tiegħu mal-​appostli, Ġesù kien qalilhom: “Wara li niġi mqajjem, immur qabilkom fil-​Galilija.” (Mattew 26:32; 28:7, 10) Issa ħafna mis-​segwaċi tiegħu jagħmlu dan il-​vjaġġ, imma xi jridu jagħmlu l-​Galilija?

Ħin minnhom Pietru jgħid lil sitta mill-​appostli: “Sejjer nistad.” Is-​sitta li huma jwiġbuh: “Aħna wkoll ġejjin miegħek.” (Ġwanni 21:3) Jagħmlu lejl sħiħ jistadu imma ma jaqbdu xejn. Hekk kif jibda jisbaħ, Ġesù jidher fuq ix-​xatt imma ma jirrealizzawx min hu. Ġesù jgħajjat: “Uliedi żgħar, għandkom x’tieklu?” Huma jwiġbuh: “Le!” Ġesù jgħidilhom: “Itfgħu x-​xibka fuq in-​naħa tal-​lemin tad-​dgħajsa u ssibu xi ftit.” (Ġwanni 21:5, 6) Tant kemm jaqbdu ħut ma jistgħux itellgħu x-​xibka tagħhom.

“Dak il-​Mulej!” Ġwanni jgħid lil Pietru. (Ġwanni 21:7) F’kemm ilna ngħidu, Pietru jitħażżem bil-​libsa tiegħu, li kien neħħa waqt li kien qed jistad. Jintefaʼ l-​baħar u jgħum xi disgħin metru sax-​xatt. L-​oħrajn fid-​dgħajsa jsegwuh bil-​mod u qed ikaxkru x-​xibka mimlija ħut.

Hekk kif jaslu fuq ix-​xatt, huma jaraw “nar tal-​faħam u l-​ħut fuqu u l-​ħobż.” Ġesù jgħid: “Ġibu ftit mill-​ħut li għadkom kif qbadtu.” Pietru jiġbed lejn l-​art ix-​xibka, li fiha 153 ħuta kbira! “Ejjew ħudu l-​kolazzjon,” jgħid Ġesù. Ħadd minnhom m’għandu l-​kuraġġ jistaqsi, “Min int?” għax jafu li hu Ġesù. (Ġwanni 21:9-​12) Din hi t-​tielet darba li Ġesù deher lid-​dixxipli bħala grupp.

Ġesù jagħti lil kull wieħed minnhom xi ħobż u ħut x’jieklu. Imbagħad, billi x’aktarx iħares lejn il-​qabda ħut, hu jistaqsi: “Xmun bin Ġwanni, tħobbni int iktar minn dawn?” Jistaʼ jkun li Pietru għandu għal qalbu n-​negozju tas-​sajd iktar mix-​xogħol li Ġesù jridu jagħmel? Pietru jwieġbu: “Iva, Mulej, taf li għandi affezzjoni lejk.” Għalhekk, Ġesù jħeġġu: “Itmaʼ l-​ħrief tiegħi.”—Ġwanni 21:15.

Ġesù jerġaʼ jistaqsi: “Xmun bin Ġwanni, tħobbni int?” Forsi xi ftit mifxul, Pietru b’ħerqa jwieġeb: “Iva, Mulej, taf li għandi affezzjoni lejk.” Ir-​risposta taʼ Ġesù hi simili għal dak li qal qabel: “Irgħa n-​nagħaġ ċkejknin tiegħi.”—Ġwanni 21:16.

Għat-​tielet darba, Ġesù jistaqsi: “Xmun bin Ġwanni, għandek int affezzjoni lejja?” Issa Pietru forsi qed jaħseb jekk Ġesù huwiex jiddubita mil-​lealtà tiegħu. Pietru mill-​fond taʼ qalbu jgħid: “Mulej, int taf kollox, u taf li għandi affezzjoni lejk.” Ġesù għal darb’oħra jenfasizza x’għandu jagħmel Pietru: “Itmaʼ n-​nagħaġ ċkejknin tiegħi.” (Ġwanni 21:17) Iva, dawk li qed jieħdu t-​tmexxija jeħtieġ li jieħdu ħsieb lil dawk li jiddaħħlu fil-​maqjel t’Alla.

Ġesù ġie marbut u nqatel għax għamel ix-​xogħol li Alla inkarigah biex jagħmel. Issa jgħid li Pietru se jkollu tmiem simili. “Meta int kont iżgħar,” jgħid Ġesù, “kont titħażżem waħdek u tmur fejn trid. Imma meta tixjieħ se toħroġ idejk u ħaddieħor iħażżmek u jieħdok fejn ma tixtieqx.” Iżda Ġesù jħeġġu: “Ibqaʼ miexi warajja.”—Ġwanni 21:18, 19.

Pietru jara lill-​appostlu Ġwanni u jistaqsi: “Mulej, dan ir-​raġel x’se jagħmel?” Iva, x’hemm jistennieh fil-​futur lill-​appostlu li Ġesù għandu affezzjoni speċjali lejh? Ġesù jwieġeb: “Jekk irridu jibqaʼ sakemm niġi jien, int x’jinteressak?” (Ġwanni 21:21-​23) Pietru għandu jsegwi lil Ġesù mingħajr ma joqgħod jinkwieta x’jagħmel ħaddieħor. Xorta waħda, Ġesù qed jindika li Ġwanni se jgħix iktar mill-​appostli l-​oħra u se jingħata viżjoni dwar il-​miġja taʼ Ġesù bħala s-​Sultan tas-​Saltna t’Alla.

M’għandniex xi ngħidu, Ġesù għamel ħafna iktar affarijiet, iktar milli jistgħu jesgħu bosta rombli.