Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU 124

Kristu jiġi tradut u arrestat

Kristu jiġi tradut u arrestat

MATTEW 26:47-​56 MARKU 14:43-​52 LUQA 22:47-​53 ĠWANNI 18:2-​12

  • ĠUDA JITTRADIXXI LIL ĠESÙ FIL-​ĠNIEN

  • PIETRU JAQTAʼ L-​WIDNA TAʼ WIEĦED RAĠEL

  • ĠESÙ JIĠI ARRESTAT

Issa qabeż sew nofsillejl. Il-​qassisin qablu li lil Ġuda jħallsuh 30 biċċa tal-​fidda biex jittradixxi lil Ġesù. Allura Ġuda jmexxi lil folla kbira taʼ qassisin ewlenin u Fariżej, li qed ifittxu lil Ġesù. Magħhom hemm grupp taʼ suldati Rumani bi kmandant militari.

Milli jidher, meta Ġesù qal lil Ġuda biex jitlaq waqt l-​ikla tal-​Qbiż, hu mar direttament għand il-​qassisin ewlenin. (Ġwanni 13:27) Huma ġabru l-​uffiċjali tagħhom stess kif ukoll ġemgħa taʼ suldati. Ġuda għandu mnejn l-​ewwel ħadhom il-​kamra fejn Ġesù u l-​appostli tiegħu kienu ċċelebraw il-​Qbiż. Imma issa l-​marmalja qasmet il-​Wied taʼ Kidron u miexja lejn il-​ġnien. Minbarra l-​armi, f’idejhom għandhom imsiebaħ u torċi, determinati li jsibu lil Ġesù.

Hekk kif Ġuda jmexxi l-​ġemgħa fuq il-​Muntanja taż-​Żebbuġ, hu jħoss li jaf fiċ-​ċert fejn se jsib lil Ġesù. Matul il-​ġimgħa li għaddiet, meta Ġesù u l-​appostli kienu jivvjaġġaw bejn Betanja u Ġerusalemm, spiss waqfu fil-​ġnien tal-​Ġetsemani. Imma issa hu billejl, u Ġesù forsi qiegħed fid-​dell tas-​siġar taż-​żebbuġ fil-​ġnien. Allura s-​suldati, li għandhom mnejn qatt ma raw lil Ġesù, kif se jkunu jistgħu jidentifikawh? Biex jgħinhom, Ġuda se jagħtihom sinjal. Hu jgħid: “Lil dak li nbus, ikun hu; arrestawh u ħuduh mgħasses sew.”—Marku 14:44.

Ġuda jmexxi lill-​folla fil-​ġnien u xħin jara lil Ġesù mal-​appostli tiegħu jmur dritt għal fuqu. “Is-​sliem għalik, Rabbi!” jgħid Ġuda, u jbusu b’tenerezza kbira. Ġesù jgħidlu: “Sieħeb, għalfejn qiegħed hawnhekk?” (Mattew 26:49, 50) Ġesù jwieġeb il-​mistoqsija tiegħu stess u jgħid: “Ġuda, b’bewsa tittradih lil Bin il-​bniedem?” (Luqa 22:48) Imma Ġesù m’għadux konċernat dwar dak li ttradieh.

Ġesù issa jersaq lejn id-​dawl tat-​torċi u l-​imsiebaħ u jistaqsi: “Lil min qed tfittxu?” Dawk fil-​marmalja jwiġbuh: “Lil Ġesù n-​Nazzarenu.” Ġesù b’kuraġġ jgħid: “Jien hu.” (Ġwanni 18:4, 5) Peress li ma jafux kif se jirreaġixxi Ġesù, l-​irġiel jersqu lura u jaqgħu mal-​art.

Minflok ma jaħtaf din l-​opportunità biex jaħrab fid-​dlam, Ġesù jerġaʼ jistaqsihom lil min qed ifittxu. Meta jerġgħu jgħidu, “lil Ġesù n-​Nazzarenu,” hu bil-​kalma jgħidilhom: “Għedtilkom jien hu. Għaldaqstant, jekk qed tfittxu lili, ħalluhom imorru lil dawn.” Anki f’dan il-​mument kruċjali, Ġesù jiftakar dak li qal iktar kmieni, li ma kien se jitlef lil ħadd minnhom. (Ġwanni 6:39; 17:12) Ġesù ħarishom lill-​appostli leali tiegħu u ħadd minnhom ma ntilef “ħlief bin il-​qerda”—Ġuda. (Ġwanni 18:7-​9) Għalhekk, issa jistaqsi biex lis-​segwaċi leali tiegħu jitħallew jitilqu.

Hekk kif is-​suldati jqumu bilwieqfa u jersqu lejn Ġesù, l-​appostli jindunaw x’qed jiġri. Huma jistaqsu: “Mulej, nagħtu bis-​sejf?” (Luqa 22:49) Qabel ma Ġesù jilħaq iwiġibhom, Pietru jislet wieħed miż-​żewġt isjuf li l-​appostli ġabu magħhom. Hu jattakka lil Malku, ilsir tal-​qassis il-​kbir, billi jaqtagħlu widintu l-​leminija.

Ġesù jmiss il-​widna taʼ Malku u jfejjaq il-​ferita. Imbagħad jgħallem lezzjoni importanti billi jikkmanda lil Pietru: “Erġaʼ daħħal sejfek f’postu, għax kulmin jaqbad is-​sejf, bis-​sejf jinqered.” Ġesù hu lest li jiġi arrestat, għax jispjega: “Kif isseħħ l-​Iskrittura li tgħid li hekk għandu jsir?” (Mattew 26:52, 54) Hu jżid jgħid: “M’għandix jien nixrob il-​kies li tani l-​Missier?” (Ġwanni 18:11) Ġesù jaqbel mar-​rieda t’Alla għalih, saħansitra sal-​punt li jitlef ħajtu.

Ġesù jistaqsi lill-​folla: “Ħriġtu bis-​sjuf u l-​bsaten qisu kontra xi ħalliel biex tarrestawni? Kuljum kont inkun bil-​qiegħda fit-​tempju ngħallem,  iżda m’arrestajtunix. Imma dan kollu seħħ biex jitwettaq dak li kitbu l-​profeti.”—Mattew 26:55, 56.

Is-​suldati, il-​kmandant militari, u l-​uffiċjali tal-​Lhud jaħtfu lil Ġesù u jorbtuh. Meta jaraw dan, l-​appostli jaħarbu. Madankollu, “wieħed żagħżugħ”—forsi d-​dixxiplu Marku—jibqaʼ qalb il-​folla biex ikun jistaʼ jsegwi lil Ġesù. (Marku 14:51) Xi wħud fil-​folla jagħrfuh lil dan iż-​żagħżugħ, u għalhekk jipprovaw jaqbduh taħt idejhom. Minħabba f’hekk, hu jaħrab u jħalli warajh il-​libsa tal-​għażel fin tiegħu.