Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU 5

It-twelid taʼ Ġesù—Fejn u meta?

It-twelid taʼ Ġesù—Fejn u meta?

LUQA 2:1-​20

  • ĠESÙ JITWIELED BETLEM

  • RAGĦAJJA JŻURU LIT-​TARBIJA ĠESÙ

Ċesari Awgustu, l-​imperatur Ruman, ħareġ ordni li kulħadd irid jiġi reġistrat. Allura Ġużeppi u Marija ħa jkollhom jivvjaġġaw lejn il-​belt fejn twieled Ġużeppi, il-​belt taʼ Betlem, lejn in-​Nofsinhar taʼ Ġerusalemm.

F’Betlem hemm ħafna nies biex jiġu reġistrati. Ġużeppi u Marija ma jistgħu jsibu mkien fejn joqogħdu ħlief fi stalla, fejn jinżammu l-​ħmir u annimali oħrajn. Ġesù jitwieled hemmhekk. Marija tgeżwru f’biċċiet tad-​drapp u tmiddu f’maxtura, il-​post fejn jitqiegħed l-​ikel għall-​annimali.

Żgur li kien Alla li qanqal lil Ċesari Awgustu biex jagħmel din il-​liġi tar-​reġistrazzjoni. Għala? Għax dan għamilha possibbli li Ġesù jitwieled Betlem, il-​belt minn fejn kien is-​Sultan David, l-​antenat tiegħu. L-​Iskrittura kienet bassret minn ħafna qabel li din kienet se tkun il-​belt fejn il-​Mexxej imwiegħed kien se jitwieled.—Mikea 5:2.

X’lejla importanti hi din! Fl-​għelieqi hemm dawl jiddi madwar grupp taʼ ragħajja. Hija l-​glorja taʼ Ġeħova! Wieħed mill-​anġli t’Alla jgħid lir-​ragħajja: “Tibżgħux, għax, ara! Qed inxandrilkom aħbar tajba taʼ ferħ kbir li se jkollhom in-​nies kollha, għax illum, fil-​belt taʼ David, twildilkom Salvatur li hu Kristu l-​Mulej. U dan hu sinjal għalikom: issibu tarbija mfisqija u mimduda f’maxtura.” F’daqqa waħda, jidhru ħafna iktar anġli u jgħidu: “Glorja lil Alla fl-​ogħla postijiet tas-​smewwiet, u paċi fuq l-​art fost il-​bnedmin taʼ rieda tajba.”—Luqa 2:10-​14.

Meta jitilqu l-​anġli, ir-​ragħajja jgħidu lil xulxin: “Ejja mmorru dritt Betlehem u naraw dak li ġara u li għarrfilna Ġeħova.” (Luqa 2:15) Huma jmorru malajr u lil Ġesù li għadu kemm twieled isibuh eżatt fejn qalilhom l-​anġlu. Meta r-​ragħajja jirrakkontaw x’qalilhom l-​anġlu, dawk kollha li jisimgħuhom jibqgħu mistagħġbin. Marija tgħożż dan il-​kliem kollu u tasal għal konklużjonijiet f’qalbha.

Ħafna nies illum jemmnu li Ġesù twieled fil-​25 taʼ Diċembru. Imma fl-​inħawi taʼ Betlem, f’Diċembru tagħmel ix-​xita u jkun hemm il-​bard. Kultant, saħansitra tinżel il-​borra. F’dak iż-​żmien tas-​sena, ir-​ragħajja ma kinux se jqattgħu l-​lejl barra fl-​għelieqi mal-​imrieħel tagħhom. Ukoll, l-​imperatur Ruman x’aktarx li ma kienx se jgħid lil nies, li diġà kienu lesti biex jirvellaw kontrih, biex jivvjaġġaw ġranet sħaħ fl-​eqqel tax-​xitwa biex jiġu reġistrati. Milli jidher, Ġesù twieled f’Ottubru.