LUQA 2:21-​39

  • ĠESÙ JIĠI ĊIRKONĊIŻ U MBAGĦAD JITTIEĦED FIT-​TEMPJU

Ġużeppi u Marija jibqgħu Betlem minflok ma jmorru lura Nazaret. Meta Ġesù jkollu tmint ijiem jiġi ċirkonċiż, fi qbil mal-​Liġi t’Alla lil Iżrael. (Levitiku 12:2, 3) Ukoll, hi d-​drawwa li tifel jingħatalu ismu dakinhar. Huma jsemmu lil binhom Ġesù, kif kien qalilhom l-​anġlu Gabrijel.

Jgħaddi iktar minn xahar, u Ġesù għandu 40 ġurnata. Il-​ġenituri tiegħu issa fejn jiħduh? Fit-​tempju taʼ Ġerusalemm, li hu biss ftit kilometri ’l bogħod minn fejn qed joqogħdu. Il-​Liġi tgħid li 40 jum wara li jitwieled tifel, l-​omm għandha tieħu offerta tal-​purifikazzjoni fit-​tempju.—Levitiku 12:4-​8.

Marija hekk tagħmel. Bħala offerta, hi tieħu żewġ għasafar żgħar. Dan jgħallimna xi ħaġa dwar il-​qagħda finanzjarja taʼ Ġużeppi u Marija. Skont il-​Liġi, kellhom jiġu offruti muntun żgħir u għasfur. Imma jekk l-​omm ma kellhiex biex tixtri muntun, żewġ gamimiet jew żewġt ibċieċen kienu jkunu biżżejjed. Dan hu l-​każ taʼ Marija u allura hekk toffri.

Fit-​tempju, raġel imdaħħal fiż-​żmien jersaq lejn Ġużeppi u Marija. Hu jismu Simegħon. Alla rrivelalu li qabel ma jmut, hu se jara l-​Kristu, jew il-​Messija, imwiegħed taʼ Ġeħova. F’dan il-​jum Simegħon jiġi mmexxi mill-​ispirtu qaddis lejn it-​tempju, fejn isib lil Ġużeppi u Marija maʼ binhom iż-​żgħir. Simegħon jerfaʼ lit-​tarbija.

B’Ġesù f’dirgħajh, Simegħon irodd ħajr lil Alla billi jgħid: “Issa, Mulej Sovran, qed tħalli lill-​ilsir tiegħek imur ħieles fil-​paċi skond dak li għedt; għax għajnejja raw il-​mezz tiegħek taʼ salvazzjoni li int ipprovdejt quddiem il-​popli kollha, dawl biex ineħħi l-​velu lill-​ġnus u glorja tal-​poplu tiegħek Israel.”—Luqa 2:29-​32.

Ġużeppi u Marija jibqgħu skantati b’dan il-​kliem. Simegħon iberikhom u jgħid lil Marija li binha “jitqiegħed għall-​waqgħa u l-​qawma mill-​ġdid taʼ ħafna f’Israel” u li n-​niket, bħal sejf jaqtaʼ, se jinfed lil ruħha.—Luqa 2:34.

F’dan il-​jum hemm xi ħadd ieħor fit-​tempju. Anna, profetessa li għandha 84 sena. Infatti, hi qatt ma tkun nieqsa mit-​tempju. F’dan il-​ħin stess, hi tmur ħdejn Ġużeppi, Marija, u ċ-​ċkejken Ġesù. Anna tibda tirringrazzja lil Alla u titkellem dwar Ġesù maʼ kull min lest li jismaʼ.

Tistaʼ timmaġina kemm dawn il-​ġrajjiet fit-​tempju għamluhom ferħanin lil Ġużeppi u Marija! Ċertament li dan kollu jikkonfermalhom li binhom hu l-​Wieħed Imwiegħed t’Alla.