Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU 9

Jitrabba f’Nazaret

Jitrabba f’Nazaret

MATTEW 13:55, 56 MARKU 6:3

  • TIKBER IL-​FAMILJA TAʼ ĠUŻEPPI U MARIJA

  • ĠESÙ JITGĦALLEM SENGĦA

Ġesù qed jitrabba Nazaret, belt li mhix daqshekk kbira jew importanti. Tinsab lejn it-​Tramuntana tal-​Lhudija, f’reġjun jismu l-​Galilija fejn hemm ħafna għoljiet, lejn il-​Punent tal-​għadira kbira magħrufa bħala l-​Baħar tal-​Galilija.

Ġesù forsi għandu xi sentejn meta Ġużeppi u Marija jġibuh Nazaret mill-​Eġittu. Jidher li f’dan iż-​żmien, m’għandhomx tfal ħliefu. Madankollu, iktar tard jitwieldu ħutu subien—Ġakbu, Ġużeppi, Xmun, u Ġuda. Ġużeppi u Marija jkollhom bniet ukoll. Iva, Ġesù għandu minn tal-​inqas sitt aħwa subien u bniet mill-​omm li huma iżgħar minnu.

M’għandniex xi ngħidu, Ġesù għandu qraba oħrajn. Diġà nafu dwar Eliżabetta u binha, Ġwanni, li jgħixu l-​Lhudija, li qiegħda ħafna kilometri lejn in-​Nofsinhar. Salomè, li milli jidher hi oħt Marija u għalhekk tiġi z-​zija taʼ Ġesù, tgħix il-​Galilija, viċin tagħhom. Ir-​raġel taʼ Salomè hu Żebedew. Huma għandhom żewġ subien, Ġakbu u Ġwanni, li x’aktarx huma kuġini taʼ Ġesù. Ma nafux jekk Ġesù jqattax ħafna ħin maʼ dawn is-​subien huma u jikbru, imma maż-​żmien dawn isiru ħbieb tal-​qalb u jaqdu bħala tnejn mill-​appostli taʼ Ġesù.

Ġużeppi jrid jaħdem iebes ħafna biex imantni lill-​familja tiegħu li qed tikber. Hu mastrudaxxa. Ġużeppi jrabbi lil Ġesù bħala ibnu stess, u għalhekk Ġesù jissejjaħ “bin il-​mastrudaxxa.” (Mattew  13:55) Ġużeppi jgħallem lil Ġesù biex ikun mastrudaxxa bħalu, u hu jinqalaʼ f’xogħlu. Infatti, iktar tard in-​nies jgħidu dwar Ġesù: “Dan . . . il-​mastrudaxxa.”—Marku 6:3.

Il-​ħajja tal-​familja taʼ Ġużeppi hi ffokata fuq il-​qima taʼ Ġeħova. Fi qbil mal-​Liġi t’Alla, Ġużeppi u Marija jħarrġu lil uliedhom spiritwalment ‘meta joqogħdu bil-​qiegħda f’darhom u meta jimxu fit-​triq u meta jimteddu u meta jqumu.’ (Dewteronomju 6:6-​9) Nazaret hemm sinagoga, u nistgħu nkunu ċerti li Ġużeppi jieħu lil familtu hemmhekk regolarment biex jagħtu qima. Iktar tard jingħad li Ġesù mar fis-​sinagoga “kif kien imdorri jagħmel f’jum is-​Sabat.” (Luqa 4:16) Il-​familja tieħu pjaċir ukoll meta jivvjaġġaw regolarment lejn it-​tempju taʼ Ġeħova, li qiegħed Ġerusalemm.