Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU 11

Ġwanni l-Battista jħejji t-triq

Ġwanni l-Battista jħejji t-triq

MATTEW 3:1-​12 MARKU 1:1-​8 LUQA 3:1-​18 ĠWANNI 1:6-​8, 15-​28

  • ĠWANNI JIPPRIETKA U JGĦAMMED

  • ĦAFNA JITGĦAMMDU, IMMA MHUX KULĦADD

Niftakru li Ġesù kellu 12-​il sena meta kien fit-​tempju jagħmel mistoqsijiet lill-​għalliema. Issa għaddew 17-​il sena, u hi r-​rebbiegħa tas-​sena 29 wara Kristu (WK). Ħafna qed jitkellmu dwar il-​qarib taʼ Ġesù, Ġwanni, li qed jipprietka madwar il-​pajjiż kollu fin-​naħa tal-​Punent tax-​Xmara Ġordan.

Ġwanni hu raġel impressjonanti mhux ħażin, kemm fid-​dehra kif ukoll fi kliemu. L-​ilbies tiegħu hu magħmul mix-​xagħar tal-​ġemel, u jilbes ċinturin tal-​ġilda madwar qaddu. Hu jiekol ġurati u għasel salvaġġ. X’inhu l-​messaġġ tiegħu? “Indmu, għax qorbot is-​saltna tas-​smewwiet.”—Mattew 3:2.

Il-​messaġġ taʼ Ġwanni jqanqal lil dawk li ġew biex jisimgħuh. Ħafna jirrealizzaw li għandhom bżonn jindmu, jiġifieri, li jbiddlu l-​attitudni u l-​mod taʼ ħajja tagħhom. Dan jagħmluh billi jwarrbu l-​mod kif kienu jgħixu qabel għax jagħrfu li ma kienx xieraq. Dawk li jiġu għandu huma minn “Ġerusalemm u l-​Lhudija kollha u l-​pajjiż kollu madwar il-​Ġordan.” (Mattew 3:5) Ħafna minn dawk li jmorru għand Ġwanni jindmu. Hu jgħammidhom, billi jgħaddashom fl-​ilmijiet tal-​Ġordan. Għala?

Hu jgħammed lin-​nies bħala simbolu, jew turija, tal-​indiema tagħhom mill-​qalb għad-​dnubiet li kkommettew kontra l-​patt tal-​Liġi t’Alla. (Atti 19:4) Iżda mhux kulħadd jikkwalifika. Meta xi mexxejja reliġjużi, Fariżej u Sadduċej, imorru għandu, Ġwanni jsejħilhom “nisel il-​lifgħat.” Hu jgħid: “Agħmlu mela frott li jixraq lill-​indiema; u tażżardawx tgħidu fikom infuskom, ‘Bħala missierna għandna lil Abraham.’ Għax jien ngħidilkom li Alla kapaċi jqajjem ulied lil Abraham minn dan il-​ġebel. Il-​mannara diġà qiegħda maʼ l-​għeruq tas-​siġar; għalhekk, kull siġra li ma tagħmilx frott tajjeb titqaċċat u tintefaʼ fin-​nar.”—Mattew 3:7-​10.

Peress li Ġwanni qed jingħata ħafna attenzjoni, għandu messaġġ qawwi, u qed jgħammed lil ħafna, il-​qassisin u l-​Leviti jintbagħtu biex jistaqsuh: “Min int?”

“M’iniex il-​Kristu,” jammetti Ġwanni.

Huma jistaqsu: “Min int, mela? Elija?”

Hu jwieġeb: “M’iniex.”

“Int il-​Profeta?” jistaqsu, jiġifieri l-​Profeta l-​kbir li Mosè qal li kellu jiġi.—Dewteronomju 18:15, 18.

“Le!” iwieġeb Ġwanni.

Huma jibdew jinsistu: “Min int, biex inwieġbu lil dawk li bagħtuna? X’tgħid dwarek innifsek?” Ġwanni jgħid: “Jien leħen taʼ xi ħadd li qed jgħajjat fix-​xagħri, ‘Iddrittaw it-​triq taʼ Ġeħova,’ bħalma qal il-​profeta Isaija.”—Ġwanni 1:19-​23.

Huma jridu jkunu jafu: “Allura int għala tgħammed jekk m’intix il-​Kristu jew Elija jew il-​Profeta?” Hu jagħti tweġiba sinifikanti: “Jien ngħammed fl-​ilma. F’nofskom hemm wieħed li ma tafuhx, dak li ġej warajja.”—Ġwanni 1:25-​27.

Iva, Ġwanni jirrikonoxxi li hu qed iħejji t-​triq billi jgħin lin-​nies ikollhom qalb li hi lesta taċċetta l-​Messija mbassar, il-​wieħed li se jkun Sultan. Dwaru, Ġwanni jgħid: “Dak li ġej warajja hu b’saħħtu iktar minni, u jien ma jistħoqqlix inneżżagħlu s-​sandli minn saqajh.” (Mattew 3:11) Infatti, Ġwanni saħansitra jgħid: “Dak li ġej warajja avanza quddiemi, għax eżista qabli.”—Ġwanni 1:15.

Għalhekk, il-​messaġġ taʼ Ġwanni “Indmu, għax qorbot is-​saltna tas-​smewwiet” tassew hu xieraq. (Mattew 3:2) Dan iservi bħala avviż pubbliku li dalwaqt kien se jibda l-​ministeru taʼ Ġesù Kristu, dak li fil-​futur kellu jkun is-​Sultan taʼ Ġeħova.