Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU 4

Marija—Tqila imma mhix miżżewġa

Marija—Tqila imma mhix miżżewġa

MATTEW 1:18-​25 LUQA 1:56

  • ĠUŻEPPI JSIR JAF LI MARIJA HI TQILA

  • MARIJA SSIR MART ĠUŻEPPI

Marija tinsab fir-​rabaʼ xahar tat-​tqala tagħha. Ftakar li hi qattgħet l-​ewwel ftit xhur tat-​tqala tagħha għand il-​qariba tagħha Eliżabetta fl-​għoljiet tal-​Lhudija, lejn in-​Nofsinhar. Imma issa Marija marret lura d-​dar Nazaret. Hawnhekk, it-​tqala tagħha dalwaqt se jsir jaf biha kulħadd. Immaġina kemm qed tħossha stressata b’din is-​sitwazzjoni!

Marija hi għarusa lil mastrudaxxa lokali jismu Ġużeppi. U hi taf li skont il-​Liġi t’Alla lil Iżrael, mara li hi għarusa imma li minn jeddha jkollha relazzjonijiet sesswali maʼ raġel ieħor għandha tiġi mħaġġra sakemm tmut. (Dewteronomju 22:23, 24) Għalhekk, avolja Marija m’għamlet xejn ħażin, x’aktarx hi mħassba dwar kif tistaʼ tispjega t-​tqala tagħha lil Ġużeppi u dwar x’se jiġri.

Ġużeppi ilu ma jara lil Marija tliet xhur, allura nistgħu nkunu ċerti li għandu sebaʼ mitt sena biex jaraha. Meta jiltaqgħu, Marija x’aktarx tgħidlu bis-​sitwazzjoni u tagħmel l-​almu tagħha biex tispjega li hi tqila permezz tal-​ispirtu qaddis t’Alla. Però, kif tistaʼ timmaġina, din hi xi ħaġa diffiċli ħafna biex Ġużeppi jifhimha u jemminha.

Ġużeppi jaf li Marija hi mara mill-​aħjar u li għandha reputazzjoni tajba. Barra minn hekk, hu jħobbha ħafna. Xorta waħda, minkejja dak li hi tgħid, mill-​ħarsa taʼ Ġużeppi hi setgħet tkun tqila biss minn raġel ieħor. Ġużeppi ma jridx li hi tiġi mħaġġra sakemm tmut jew li tiġi umiljata fil-​pubbliku; għaldaqstant, hu jiddeċiedi li jiddivorzjaha bil-​moħbi. Dak iż-​żmien, l-​għarajjes kienu meqjusin bħala miżżewġin, u kellhom  jiddivorzjaw biex itemmu l-​għerusija tagħhom.

Iktar tard, waqt li Ġużeppi għadu qed jaħseb dwar dawn l-​affarijiet, tmur għajnu bih. F’ħolma jidhirlu anġlu taʼ Ġeħova u dan jgħidlu: “Tibżax tieħu għandek lil martek Marija, għax dak li tnissel fiha hu mill-​ispirtu qaddis. Hi tiled iben, u int issemmih Ġesù, għax hu jsalva lill-​poplu tiegħu minn dnubiethom.”—Mattew 1:20, 21.

Meta Ġużeppi jistenbaħ, kemm iħossu grat li issa jistaʼ jifhem aħjar is-​sitwazzjoni! Hu mill-​ewwel jagħmel dak li qallu l-​anġlu. Jieħu lil Marija fid-​dar tiegħu. Dan hu att pubbliku li, bażikament, iservi bħala ċerimonja taż-​żwieġ. Juri wkoll li Ġużeppi u Marija issa huma koppja miżżewġa. Minkejja dan, Ġużeppi ma jkollux x’jaqsam sesswalment maʼ Marija waqt li hi tqila b’Ġesù.

Xhur wara, Ġużeppi u Marija, li kważi waslet fl-​aħħar tat-​tqala tagħha, iridu jlestu biex jagħmlu vjaġġ ’il bogħod mid-​dar tagħhom li qiegħda Nazaret. Fejn se jkollhom imorru meta Marija kważi għalqilha ż-​żmien biex teħles?