Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU 10

Il-familja taʼ Ġesù tivvjaġġa lejn Ġerusalemm

Il-familja taʼ Ġesù tivvjaġġa lejn Ġerusalemm

LUQA 2:40-​52

  • TAʼ 12-​IL SENA, ĠESÙ JAGĦMEL MISTOQSIJIET LILL-​GĦALLIEMA

  • ĠESÙ JIRREFERI GĦAL ĠEĦOVA BĦALA “MISSIERI”

Bdiet ir-​rebbiegħa. Għalhekk, huwa ż-​żmien biex il-​familja taʼ Ġużeppi, flimkien maʼ ħbieb u qraba, jagħmlu l-​vjaġġ tagħhom taʼ kull sena lejn Ġerusalemm. Imorru hemmhekk biex jiċċelebraw il-​Qbiż, kif titlob il-​Liġi. (Dewteronomju 16:16) Minn Nazaret sa Ġerusalemm hemm vjaġġ taʼ madwar 120 kilometru. Huwa żmien eċċitanti u mimli attività għal kulħadd. Ġesù, li issa għandu 12-​il sena, qed iħares ’il quddiem b’mod speċjali għall-​festa u għall-​opportunità li jerġaʼ jkun viċin it-​tempju.

Għal Ġesù u familtu, il-​Qbiż mhuwiex biss okkażjoni taʼ ġurnata. L-​għada tal-​Qbiż huwa “l-​ewwel jum tal-​festa tal-​ħobż bla ħmira,” li ddum sebat ijiem. (Marku 14:1) Din hi meqjusa bħala parti mill-​istaġun tal-​Qbiż. Il-​vjaġġ minn Nazaret fejn joqogħdu, il-​ħin li jqattgħu Ġerusalemm, u l-​vjaġġ lura d-​dar, b’kollox, jieħu xi ħmistax. Imma din is-​sena, minħabba ġrajja li tinvolvi lil Ġesù, il-​vjaġġ idum ftit iktar. Dan għandu x’jaqsam maʼ problema li jindunaw biha fil-​vjaġġ lura minn Ġerusalemm.

Waqt li qed jivvjaġġaw, Ġużeppi u Marija jassumu li Ġesù qiegħed fost il-​grupp taʼ qraba u ħbieb li qed jivvjaġġaw flimkien lejn it-​Tramuntana. Madankollu, meta jieqfu għal-​lejl, ma jsibuhx. Allura jmorru jfittxuh fost sħabhom, imma mhuwiex qiegħed hemm. Lil binhom ma jistgħu jsibuh imkien! Ġużeppi u Marija mbagħad jaqbdu mexjin lura lejn Ġerusalemm biex ifittxuh.

Huma jdumu ġurnata sħiħa jfittxuh imma ma jsibuhx u lanqas fit-​tieni ġurnata ma jsibuh. Fl-​aħħar, fit-​tielet ġurnata, huma jsibu lil binhom fit-​tempju, li fih ħafna swali. Huma jaraw lil Ġesù bilqiegħda f’nofs xi għalliema Lhud. Hu qed jismagħhom, jistaqsihom, u jgħaġġibhom b’kemm jifhem.

“Ibni, għaliex għamiltilna hekk?” tistaqsi Marija. “Ara, missierek u jien konna qed infittxuk qisna rjus maqtugħa.”—Luqa 2:48.

Ġesù ma jistax jifhem għala ma kinux jafu fejn kien. “Għalfejn fittixtuni?” jistaqsi hu. “Ma kontux tafu li għandi nkun f’dar Missieri?”—Luqa 2:49.

Issa li reġgħu ngħaqdu flimkien, Ġesù jmur lura d-​dar Nazaret maʼ Ġużeppi u Marija u jkompli jissottometti ruħu lejhom. Hu jkompli jikber kemm fl-​għerf u kemm fiżikament. Għalkemm għadu żgħir, hu għandu l-​approvazzjoni t’Alla u tal-​bnedmin. Iva, minn tfulitu ’l quddiem, Ġesù jħalli eżempju mill-​aħjar kemm f’li jfittex l-​interessi spiritwali kif ukoll f’li juri rispett lejn il-​ġenituri tiegħu.