Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU 17

Hu jgħallem lil Nikodemu billejl

Hu jgħallem lil Nikodemu billejl

ĠWANNI 2:23–3:21

  • ĠESÙ JITKELLEM MAʼ NIKODEMU

  • XI JFISSER LI ‘TITWIELED MILL-​ĠDID’

Waqt li qiegħed Ġerusalemm għall-​Qbiż tas-​sena 30 WK, Ġesù jwettaq sinjali tal-​għaġeb, jew mirakli. Minħabba f’hekk, ħafna nies ipoġġu fidi fih. Nikodemu, Fariżew u membru tal-​qorti superjuri Lhudija msejħa s-​Sinedriju, jibqaʼ impressjonat b’Ġesù. Peress li jrid jitgħallem iktar, hu jżur lil Ġesù wara li jidlam, x’aktarx għax jibżaʼ li r-​reputazzjoni tiegħu mal-​mexxejja Lhud l-​oħrajn tistaʼ tiġi mħassra jekk jarah xi ħadd.

Nikodemu jgħid: “Rabbi aħna nafu li int bħala għalliem ġejt mingħand Alla; għax ħadd ma jistaʼ jwettaq dawn is-​sinjali li qed twettaq int jekk Alla ma jkunx miegħu.” Bħala tweġiba, Ġesù jgħid lil Nikodemu li biex bniedem jidħol fis-​Saltna t’Alla għandu bżonn ‘jitwieled mill-​ġdid.’—Ġwanni 3:2, 3.

Iżda bniedem kif jistaʼ jitwieled mill-​ġdid? “Ma jistax jidħol f’ġuf ommu t-​tieni darba u jitwieled, hux hekk?” jistaqsi Nikodemu.—Ġwanni 3:4.

Le, li wieħed jitwieled mill-​ġdid ma jfissirx hekk. Ġesù jispjega: “Jekk wieħed ma jitwilidx mill-​ilma u mill-​ispirtu, ma jistax jidħol fis-​saltna t’Alla.” (Ġwanni 3:5) Meta Ġesù tgħammed u l-​ispirtu qaddis niżel fuqu, hu b’hekk twieled “mill-​ilma u mill-​ispirtu.” F’dan il-​waqt, kien hemm ukoll dikjarazzjoni mis-​sema: “Dan hu Ibni, il-​maħbub, li lilu jien approvajt.” (Mattew 3:16, 17) B’dan il-​mod, Alla ħabbar li issa Ġesù kien sar iben spiritwali bil-​prospett li jidħol fis-​Saltna tas-​smewwiet. Iktar tard, f’Pentekoste tas-​sena 33 WK, l-​ispirtu qaddis se jitferraʼ fuq oħrajn li huma mgħammdin, u huma b’hekk se jkunu mweldin mill-​ġdid bħala wlied Alla mnisslin mill-ispirtu.—Atti 2:1-​4.

Huwa diffiċli għal Nikodemu biex jifhem dak li Ġesù qed jgħallmu dwar is-​Saltna. Allura Ġesù jagħtih iktar informazzjoni dwar l-​irwol speċjali tiegħu bħala l-​Iben uman t’Alla. Ġesù jgħid: “Bħalma Mosè għolla s-​serp fix-​xagħri, hekk jeħtieġ jitgħolla Bin il-​bniedem, biex kulmin jemmen fih ikollu l-​ħajja taʼ dejjem.”—Ġwanni 3:14, 15.

Żmien twil ilu, dawk l-​Iżraelin li ngidmu minn sriep velenużi kellhom iħarsu lejn is-​serp tar-​ram aħmar biex isalvaw. (Numri 21:9) B’mod simili, il-​bnedmin kollha għandhom jeżerċitaw il-​fidi fl-​Iben t’Alla ħalli ma jmutux imma jiksbu l-​ħajja taʼ dejjem. Biex jenfasizza l-​irwol kollu mħabba taʼ Ġeħova f’dan, Ġesù mbagħad jgħid lil Nikodemu: “Alla tant ħabb lid-​dinja li ta l-​Iben uniġenitu tiegħu, biex kulmin jeżerċita l-​fidi fih ma jinqeridx imma jkollu l-​ħajja taʼ dejjem.” (Ġwanni 3:16) Għalhekk, hawnhekk f’Ġerusalemm, xi sitt xhur wara li beda l-​ministeru tiegħu, Ġesù jagħmilha ċara li hu l-​mezz taʼ salvazzjoni għall-​umanità.

Ġesù jgħid lil Nikodemu: “Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-​dinja biex jiġġudika d-​dinja.” Dan ifisser li hu ma ntbagħatx biex jiġġudika b’mod ħażin, billi jikkundanna lill-​bnedmin kollha għall-​qerda. Minflok, bħalma jgħid Ġesù, hu ntbagħat “biex id-​dinja tiġi salvata permezz tiegħu.”—Ġwanni 3:17.

Nikodemu ġie għand Ġesù mbeżżaʼ fis-​satra tal-​lejl. Allura huwa interessanti li Ġesù jtemm il-​konversazzjoni miegħu billi jgħid: “Issa fuq dan hu bbażat il-​ġudizzju, li d-​dawl [li hu Ġesù inkluż il-​ħajja u t-​tagħlim tiegħu] ġie fid-​dinja imma l-​bnedmin ħabbew id-​dlam minflok  id-​dawl, għax l-​għemejjel tagħhom kienu mill-​agħar. Għax min jipprattika affarijiet vili jobgħod id-​dawl u ma jiġix għad-​dawl, sabiex l-​għemejjel tiegħu ma jinkixfux. Imma min jagħmel dak li hu veru jiġi għad-​dawl, sabiex l-​għemejjel tiegħu jidhru li saru fi qbil mar-​rieda t’Alla.”—Ġwanni 3:19-​21.

Issa f’idejn dan il-​Fariżew u għalliem taʼ Iżrael, Nikodemu, biex jirrifletti fuq dak li għadu kif semaʼ dwar l-​irwol taʼ Ġesù fl-​iskop t’Alla.