Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU 15

Iwettaq l-ewwel miraklu tiegħu

Iwettaq l-ewwel miraklu tiegħu

ĠWANNI 2:1-​12

  • IT-​TIEĠ F’KANA

  • ĠESÙ JBIDDEL L-​ILMA FI NBID

Issa għaddew tlett ijiem minn mindu Natanjel sar wieħed mill-​ewwel dixxipli taʼ Ġesù. Ġesù u minn tal-​inqas ftit minn dawn l-​ewwel dixxipli jimxu lejn it-​Tramuntana sad-​distrett tal-​Galilija, l-​inħawi fejn joqogħdu. Id-​destinazzjoni tagħhom hi l-​belt taʼ Kana, il-​belt fejn jgħix Natanjel. Kana qiegħda fl-​għoljiet lejn it-​Tramuntana taʼ Nazaret, fejn trabba Ġesù nnifsu. Huma ġew mistidnin għal festa tat-​tieġ f’Kana.

Omm Ġesù wkoll qiegħda t-​tieġ. Bħala ħabiba tal-​familja taʼ dawk li se jiżżewġu, Marija donnha kienet involuta f’li tgħin biex tieħu ħsieb il-​ħafna mistidnin. Allura hi ma ddumx ma tinduna li hemm xi ħaġa nieqsa, u għalhekk tmur tgħid lil Ġesù: “M’għandhomx inbid.”—Ġwanni 2:3.

Marija fil-​fatt qed tissuġġerixxi lil Ġesù biex jagħmel xi ħaġa dwar in-​nuqqas taʼ nbid. Billi juża kliem figurattiv biex juri li qed joġġezzjona, Ġesù jwieġeb: “X’għandi x’naqsam miegħek, mara?” (Ġwanni 2:4) Bħala s-​Sultan maħtur t’Alla, huwa Missieru tas-​sema li jistaʼ jgħidlu x’għandu jagħmel u mhux familtu jew sħabu. Marija b’mod għaqli tħalli l-​biċċa f’idejn binha, u lil dawk li qed iservu sempliċement tgħidilhom: “Agħmlu kulma jgħidilkom.”—Ġwanni 2:5.

Hemm sitt ġarar tal-​ġebel għall-​ilma, u kull waħda tistaʼ tesaʼ iktar minn 40 litru. Ġesù jgħid lil dawk li qed iservu: “Imlew il-​ġarar bl-​ilma.” Imbagħad Ġesù jgħid: “Issa ħudu ftit minnu u agħtuh lill-​kap tal-​festa.”—Ġwanni 2:7, 8.

Il-​kap jibqaʼ impressjonat bil-​kwalità mill-​aqwa tal-​inbid imma ma jafx li dan ġie b’miraklu. Hu jsejjaħ lill-​għarus u jgħidlu: “Kulħadd joħroġ l-​ewwel l-​aħjar inbid, u meta n-​nies ikunu xurbana, imbagħad joħroġ l-​inferjuri. Int żammejt l-​aħjar inbid s’issa.”—Ġwanni 2:10.

Dan hu l-​ewwel miraklu li jwettaq Ġesù. Meta d-​dixxipli l-​ġodda tiegħu jaraw dan il-​miraklu, il-​fidi tagħhom fih tissaħħaħ. Wara, Ġesù, ommu, u ħutu min-​naħa t’ommu jivvjaġġaw lejn il-​belt taʼ Kafarnahum max-​xatt tal-​Majjistral tal-​Baħar tal-​Galilija.