Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU 14

Ġesù jibda jagħmel dixxipli

Ġesù jibda jagħmel dixxipli

ĠWANNI 1:29-​51

  • L-​EWWEL DIXXIPLI TAʼ ĠESÙ JINGĦAQDU MIEGĦU

Wara 40 jum fid-​deżert u qabel ma jmur lura l-​Galilija, Ġesù jirritorna għand Ġwanni, li kien għammdu. Hekk kif Ġesù jersaq lejh, Ġwanni jipponta lejh u jgħid lil dawk preżenti: “Ara, il-​Ħaruf t’Alla li jneħħi d-​dnub tad-​dinja! Dan hu li dwaru għedt, Warajja jiġi raġel li avanza quddiemi, għax eżista qabli.” (Ġwanni 1:29, 30) Għalkemm Ġwanni hu ftit akbar minn Ġesù, hu jaf li Ġesù eżista qablu bħala persuna spirtu fis-​sema.

Ftit ġimgħat qabel, meta Ġesù mar biex jitgħammed, Ġwanni donnu ma kienx ċert li Ġesù kien se jkun il-​Messija. “Lanqas jien ma kont nafu,” jammetti Ġwanni, “imma għalhekk ġejt ngħammed fl-​ilma, sabiex hu jintwera lil Israel.”—Ġwanni 1:31.

Ġwanni jkompli billi jirrakkonta lis-​semmiegħa tiegħu x’ġara meta għammed lil Ġesù: “Jien rajt l-​ispirtu nieżel bħal ħamiema mis-​sema u jibqaʼ fuqu. Lanqas jien ma kont nafu, imma Dak li bagħatni ngħammed fl-​ilma qalli, ‘Fuq min tara l-​ispirtu nieżel u jibqaʼ, dan hu li jgħammed bl-​ispirtu qaddis.’ U jien rajtu dan, u xhedt li dan hu l-​Iben t’Alla.”—Ġwanni 1:32-​34.

L-​għada Ġwanni jkun maʼ tnejn mid-​dixxipli tiegħu meta Ġesù jerġaʼ jersaq lejhom. Ġwanni jgħid: “Ara, il-​Ħaruf t’Alla!” (Ġwanni 1:36) Xħin jisimgħu dan, dawn iż-​żewġ dixxipli taʼ Ġwanni l-​Battista jsegwu lil Ġesù. Wieħed minnhom jismu Indrì. L-​ieħor x’aktarx li hu l-​istess individwu li niżżel din il-​ġrajja bil-​miktub, u li wkoll jismu Ġwanni. Jidher li dan Ġwanni hu l-​kuġin taʼ Ġesù, peress li hu bin Salomè. Hi probabbilment oħt Marija, u żewġha hu Żebedew.

Meta jdur u jara lil Indrì u lil Ġwanni jsegwuh, Ġesù jistaqsihom: “X’qed tfittxu?”

“Rabbi,” huma jistaqsuh, “fejn qed toqgħod?”

“Ejjew, u taraw,” iwieġeb Ġesù.—Ġwanni 1:37-​39.

Il-​ħin hu madwar l-​erbgħa taʼ waranofsinhar, u Indrì u Ġwanni jibqgħu maʼ Ġesù għall-​bqija tal-​ġurnata. Indrì tant hu eċċitat li f’xi ħin imur isib lil ħuh Xmun, li jismu wkoll Pietru, u jgħidlu: “Sibna ’l-​Messija.” (Ġwanni 1:41) Indrì jieħu lil Pietru għand Ġesù. Dak li jiġri iktar tard jagħti x’jifhem li Ġwanni wkoll imur isib lil ħuh Ġakbu u jieħdu għand Ġesù; però, Ġwanni jħalli barra dan id-​dettall persunali mir-​rakkont tiegħu.

L-​għada, Ġesù jsib lil Filippu, li hu minn Betsajda. Din qiegħda ħdejn ix-​xatt tat-​Tramuntana tal-​Baħar tal-​Galilija u hi l-​belt fejn jgħixu Indrì u Pietru. Ġesù jistieden lil Filippu: “Kun segwaċi tiegħi.”—Ġwanni 1:43.

 Filippu mbagħad isib lil Natanjel, li jismu wkoll Bartilmew, u jgħidlu: “Sibna lil dak li Mosè, fil-​Liġi, u l-​Profeti kitbu dwaru—Ġesù, bin Ġużeppi, minn Nazaret.” Natanjel hu dubjuż u jgħid lil Filippu: “Tistaʼ xi ħaġa tajba toħroġ minn Nazaret?”

“Ejja u ara,” iħeġġu Filippu. Ġesù jilmaħ lil Natanjel riesaq lejh u jgħid: “Ara, Israeli fil-​veru sens tal-​kelma, li fih m’hemm ebda qerq.”

Natanjel jistaqsi: “Kif tafni?”

Ġesù jwieġbu: “Rajtek qabel ma sejjaħlek Filippu, waqt li int kont taħt is-​siġra tat-​tin.”

Natanjel iwieġeb bi stagħġib: “Rabbi, int l-​Iben t’Alla, int is-​Sultan taʼ Israel.”

“Għax għedtlek li rajtek taħt is-​siġra tat-​tin qed temmen?” jistaqsi Ġesù. “Għad tara affarijiet akbar minn dawn.” Imbagħad Ġesù jwiegħed: “Tassew, tassew, ngħidilkom, Għad taraw is-​sema miftuħ u l-​anġli t’Alla telgħin u neżlin lejn Bin il-​Bniedem.”—Ġwanni 1:45-​51.

Wara dan, Ġesù flimkien mad-​dixxipli ġodda tiegħu ma jdumux ma jitilqu mill-​Wied tal-​Ġordan u jivvjaġġaw lejn il-​Galilija.