Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 Kapitlu Erbgħa

“Fejn Tmur Int, Immur Jien”

“Fejn Tmur Int, Immur Jien”

1, 2. (a) Iddeskrivi l-​vjaġġ taʼ Rut u Nagħomi u l-​qsim taʼ qalb li ġarrbu. (b) Il-​vjaġġ taʼ Rut kif kien differenti minn dak taʼ Nagħomi?

RUT kienet miexja flimkien maʼ Nagħomi fi triq tul il-​pjanuri għoljin taʼ Mowab li kienu maħkumin mir-​riħ. Issa kienu waħedhom, bilkemm jidhru f’dik l-​art tant vasta. Immaġina lil Rut hekk kif tinnota li d-​dellijiet kienu twalu, imbagħad tħares lejn il-​kunjata tagħha u tgħid bejnha u bejn ruħha jekk kienx sar il-​ħin biex ifittxu post taʼ mistrieħ fejn jgħaddu l-​lejl. Hi kienet tħobb lil Nagħomi daqs il-​mimmi t’għajnejha u kienet lesta li tagħmel minn kollox biex tieħu ħsiebha.

2 Iż-​żewġ nisa kellhom qalbhom maqsuma. Nagħomi kien ilha armla snin sħaħ, iżda issa kienet qed tibki t-​telfa taż-​żewġ uliedha subien, Kiljon u Maħlon, li kienu għadhom kif mietu. Rut ukoll kienet imnikkta. Maħlon kien żewġha. Hi u Nagħomi kienu fi triqithom lejn l-​istess destinazzjoni—il-​belt taʼ Betlehem f’Iżrael. Imma sa ċertu punt, il-​vjaġġi tagħhom kienu differenti. Nagħomi kienet sejra lejn art twelidha, filwaqt li Rut kienet fi triqitha lejn post li fih ma kinitx taf x’se ssib u ħalliet warajha lil qrabatha u lil art twelidha—bid-​drawwiet u bl-​allat kollha tagħha.—Aqra Rut 1:3-​6.

3. It-​tweġibiet għal liema mistoqsijiet se jgħinuna nimitaw il-​fidi taʼ Rut?

3 X’qanqal lil mara żagħżugħa tagħmel bidla daqshekk drastika? Rut kif kienet se tagħmel il-​qalb biex tibda paġna ġdida f’ħajjitha u biex tieħu ħsieb Nagħomi? Aħna u niskopru t-​tweġibiet, se naraw li nistgħu nimitaw bosta aspetti mill-​fidi taʼ Rut il-​Mowabija. (Ara wkoll il-​kaxxa “Kapolavur fiċ-​Ċokon.”) L-​ewwel, ejja nsiru nafu kif dawn iż-​żewġ nisa sabu ruħhom f’din it-​triq twila li twassal għal Betlehem.

Familja Milquta Minn Traġedja

4, 5. (a) Il-​familja taʼ Nagħomi għala marret tgħix Mowab? (b) Nagħomi liema sfidi ffaċċjat f’Mowab?

4 Rut trabbiet f’Mowab, pajjiż ċkejken fil-​Lvant tal-​Baħar il-​Mejjet. Ir-​reġjun kien jikkonsisti prinċipalment minn pjanuri għoljin bi ftit siġar ’l hawn u ’l hemm u b’widien dojoq u fondi.  ‘It-​territorju taʼ Mowab’ spiss kien ikun art fertili u tajba biex tiġi kultivata, saħansitra meta waqaʼ l-​għaks f’Iżrael. Fil-​fatt, kien proprju minħabba l-​għaks li Rut iltaqgħet għall-​ewwel darba maʼ Maħlon u familtu.—Rut 1:1.

5 L-​għaks f’Iżrael kien ikkonvinċa lil Elimelek, ir-​raġel taʼ Nagħomi, biex jieħu lil martu u liż-​żewġ uliedu subien ’il bogħod minn art twelidhom u jgħixu Mowab bħala barranin. Iċ-​ċaqliqa żgur li kienet taʼ sfida għall-​fidi taʼ kull membru tal-​familja, għax l-​Iżraelin kellhom bżonn iqimu b’mod regulari fil-​post sagru li kien magħżul minn Ġeħova. (Dt. 16:16, 17) Nagħomi rnexxielha żżomm il-​fidi tagħha ħajja. Xorta waħda, hi kellha qalbha maqsuma meta miet żewġha.—Rut 1:2, 3.

6, 7. (a) Nagħomi għala forsi inkwetat meta wliedha żżewġu nisa Mowabin? (b) Il-​mod kif Nagħomi ttrattat lin-​nisa taʼ wliedha kif kien taʼ min ifaħħru?

6 Nagħomi għandha mnejn ħadet kedda oħra meta iktar tard iż-​żewġ uliedha żżewġu nisa Mowabin. (Rut 1:4) Hi kienet taf li Abraham, missier ġensha, għamel sforz kbir biex jikseb mara għal ibnu, Iżakk, minn fost niesu stess, li kienu jqimu lil Ġeħova. (Ġen. 24:3, 4) Iktar tard, il-​Liġi Mosajka wissiet lill-​Iżraelin biex ma jħallux lil uliedhom subien u bniet jiżżewġu lil barranin, għax beżgħu li dan setaʼ jwassal lin-​nies t’Alla biex jaqgħu fl-​idolatrija.—Dt. 7:3, 4.

7 Minkejja dan, Maħlon u Kiljon iżżewġu nisa Mowabin. Anke jekk Nagħomi kienet inkwetata jew diżappuntata, hi bla dubju kienet tagħmel ċert li turi lil Rut u lil Għorfa, in-​nisa taʼ wliedha, qalb tajba u mħabba ġenwini. Forsi hi kienet tittama li anki huma xi darba jibdew iqimu lil Ġeħova bħalha. Kien x’kien il-​każ, kemm Rut u kemm Għorfa kienu jgħożżuha lil Nagħomi. Din ir-​relazzjoni tajba għenithom meta ntlaqtu minn traġedja. Iż-​żewġ nisa żgħażagħ it-​tnejn romlu mingħajr ma kellhom tfal.—Rut 1:5.

8. X’setaʼ ġibed lil Rut lejn Ġeħova?

8 L-​isfond reliġjuż taʼ Rut ħejjieha għal traġedja bħal din? X’aktarx li le. Il-​Mowabin kienu jqimu lil ħafna allat, prinċipalment lil Kemos. (Num. 21:29) Jidher li r-​reliġjon Mowabija ma kinitx ħielsa mill-​kefrija u l-​ħruxijiet li kienu komuni f’dawk iż-​żminijiet, inkluż l-​issagrifikar tat-​tfal. Kwalunkwe ħaġa li Rut tgħallmet mingħand Maħlon jew Nagħomi dwar Ġeħova, l-​Alla taʼ Iżrael kollu mħabba u ħniena, żgur li laqtitha u spikkat bħala li kienet differenti ferm. Ġeħova hu Alla taʼ mħabba u mhux tat-​twerwir. (Aqra Dewteronomju 6:5.) Minħabba t-​telfa kiefra li ġarrbet, Rut x’aktarx li resqet eqreb lejn Nagħomi u kienet iktar lesta li tagħti widen lil din il-​mara ikbar minnha fl-​età hekk kif kienet titkellem dwar Ġeħova, l-​Alla li jistaʼ kollox, dwar ix-​xogħlijiet meraviljużi  tiegħu, u dwar il-​mod kollu mħabba u ħniena kif kien jittratta lill-​poplu tiegħu.

B’mod għaqli, Rut resqet qrib lejn Nagħomi fi żmien taʼ niket u telf

9-11. (a) Nagħomi, Rut, u Għorfa liema deċiżjoni ħadu? (b) X’nistgħu nitgħallmu mit-​traġedji li ġew fuq Nagħomi, Rut, u Għorfa?

9 Min-​naħa tagħha, Nagħomi kienet ħerqana biex tismaʼ xi aħbar dwar art twelidha. Jum fost l-​oħrajn, għadda minn għala widnejha, x’aktarx permezz taʼ merkant li kien qed jivvjaġġa, li l-​għaks f’Iżrael kien spiċċa. Ġeħova kien dawwar l-​attenzjoni lejn in-​nies tiegħu. F’Betlehem, li tfisser “Dar il-​Ħobż,” reġaʼ kien hemm ħafna ħobż. Nagħomi ddeċidiet li tmur lura f’artha.—Rut 1:6.

10 Rut u Għorfa x’kienu se jagħmlu? (Rut 1:7) Kienu resqu qrib lejn Nagħomi għax kienu lkoll f’baħar wieħed. Donnu jidher li Rut, b’mod partikulari, inġibdet lejn il-​qalb tajba taʼ Nagħomi u l-​fidi soda tagħha f’Ġeħova. It-​tliet romol irħewlha flimkien lejn Ġuda.

11 Ir-​rakkont taʼ Rut ifakkarna li t-​traġedji u t-​telf jiġu fuq in-​nies tajbin u onesti, kif ukoll fuq il-​ħżiena. (Ekk. 9:2, 11) Dan jurina wkoll li meta niffaċċjaw telf taʼ qsim il-​qalb, inkunu għaqlin jekk infittxu faraġ u serħan f’oħrajn—speċjalment dawk li jfittxu kenn f’Ġeħova, l-​Alla li kienet tqim Nagħomi.—Prov. 17:17.

L-​Imħabba Leali taʼ Rut

12, 13. Nagħomi għala riedet lil Rut u lil Għorfa jmorru lura lejn djarhom minflok ma jakkumpanjawha, u x’kienet l-​ewwel reazzjoni taż-​żewġ nisa żgħażagħ?

12 Hekk kif it-​tliet romol bdew jitbiegħdu minn Mowab, moħħ Nagħomi beda jberren fuq xi ħaġ’oħra. Ġewha f’moħħha ż-​żewġ nisa żgħażagħ li kienu ħdejha u l-​imħabba li kienu wrew lejha u lejn uliedha. Il-​ħsieb biss li issa tgħabbihom b’iktar piż kien qed ikiddha. Kieku ħallew art twelidhom u marru magħha, x’setgħet tagħmel għalihom f’Betlehem?

13 Fl-​aħħar, Nagħomi qaltilhom: “Morru, erġgħu lura, kull waħda lejn dar ommha. Jalla Ġeħova juri qalb tajba bl-​imħabba magħkom, bħalma intom urejtuha miegħi u maʼ żwieġkom li issa huma mejtin.” Qaltilhom ukoll li tittama li Ġeħova kien se jippremjahom b’sieħeb ieħor fiż-​żwieġ u b’ħajja ġdida. Ir-​rakkont jgħid: “Imbagħad bisithom, u bdew jibku u jolfqu.” Huwa faċli li  wieħed jara għala Rut u Għorfa ħassew rabta daqshekk intima maʼ din il-​mara taʼ qalb kbira u altruista. It-​tnejn li huma baqgħu jinsistu u jgħidu: “Le, aħna miegħek irridu niġu, għand niesek.”—Rut 1:8-​10.

14, 15. (a) Għorfa lejn xiex marret lura? (b) Nagħomi kif ipprovat tipperswadi lil Rut biex titlaqha?

14 Imma, Nagħomi ma kinitx tikkonvinċi ruħha kif ġieb u laħaq. B’konvinzjoni sħiħa, hi rraġunat li ftit li xejn setgħet tkun t’għajnuna għalihom f’Iżrael, peress li ma kellha ebda raġel biex jipprovdi għaliha, ebda wlied lil min jiżżewġu, u ebda prospetti taʼ dawn iż-​żewġ affarijiet. Hi qalet li l-​fatt li ma setgħetx tieħu ħsiebhom kien sors taʼ mrar kbir għaliha. Għorfa fehmet x’riedet tfisser Nagħomi bi kliemha. F’Mowab, hi kellha l-​familja, omm, u dar li kienet qed tistennieha. Fir-​realtà, donnu kien jagħmel iktar sens li tibqaʼ Mowab. Għalhekk, b’għafsa taʼ qalb, hi sellmet lil Nagħomi billi bisitha u telqet ’l hemm.—Rut 1:11-​14.

15 Xi ngħidu għal Rut? Ir-​raġunar taʼ Nagħomi kien japplika għaliha wkoll. Madankollu, naqraw: “Iżda Rut baqgħet imqabbda magħha.” Forsi Nagħomi kienet diġà qabdet it-​triq u kienet miexja meta ntebħet li Rut kienet qed issegwiha. Hi pprovat twaqqafha billi qaltilha: “Ara! L-​armla taʼ ħu żewġek marret lura lejn niesha u allatha. Mur lura magħha.” (Rut 1:15) Kliem Nagħomi jikxef dettall vitali lill-​qarrej. Għorfa mhux biss kienet marret lura lejn niesha iżda wkoll lejn “allatha.” Hi kienet kuntenta tibqaʼ aduratriċi taʼ Kemos u t’allat foloz oħrajn. Rut hekk ħassitha?

16-18. (a) Rut kif uriet imħabba leali? (b) X’nistgħu nitgħallmu minn Rut dwar l-​imħabba leali? (Ara wkoll l-​istampi taż-​żewġ nisa.)

16 Hekk kif iffaċċjat lil Nagħomi f’dik it-​triq fejn ma kontx tara ruħ, f’qalbha Rut kienet ċerta u konvinta minn dak li riedet  tagħmel. Qalbha kienet tfur bl-​imħabba għal Nagħomi—u għall-​Alla li kienet taqdi Nagħomi. Għalhekk, Rut qalet: “Toqgħodx titlobni biex nitilqek, biex immur lura u ma niġix miegħek; għax fejn tmur int, immur jien, u fejn tgħaddi l-​lejl int, ngħaddih jien. Il-​poplu tiegħek ikun il-​poplu tiegħi, u Alla tiegħek, Alla tiegħi. Fejn tmut int, immut jien, u hemmhekk nindifen. Jalla Ġeħova jagħmilli hekk u iktar minn hekk jekk ma tkunx il-​mewt li tifridni minnek.”—Rut 1:16, 17.

“Il-poplu tiegħek ikun il-poplu tiegħi, u Alla tiegħek, Alla tiegħi”

17 Kliem Rut huwa rimarkevoli. Tant hu hekk li baqaʼ magħruf sal-​ġurnata tal-​lum—3,000 sena wara mewtha. Dan juri b’mod perfett kwalità prezzjuża—l-​imħabba leali. L-​imħabba li ħasset Rut tant kienet b’saħħitha u leali li hi baqgħet imqabbda maʼ Nagħomi kull fejn marret. Il-​mewt biss setgħet tifridhom. Nies Nagħomi kellhom isiru niesha stess għax Rut kienet lesta li tħalli kollox warajha f’Mowab—saħansitra l-​allat Mowabin. Għall-​kuntrarju taʼ Għorfa, Rut setgħet tgħid b’qalbha kollha li riedet li Ġeħova, l-​Alla taʼ Nagħomi, ikun l-​Alla tagħha wkoll. *

18 Għalhekk, it-​tnejn li huma, li issa kienu waħedhom, baqgħu jivvjaġġaw tul it-​triq twila li twassal għal Betlehem. Skont kalkolu li sar, il-​vjaġġ setaʼ ħa saħansitra ġimgħa. Iżda żgur li t-​tnejn li huma sabu wens u xi ftit jew wisq faraġ f’xulxin, minkejja n-​niket li ġarrbu.

19. Kif taħseb li nistgħu nimitaw l-​imħabba leali taʼ Rut fil-​familja tagħna, fost ħbiebna, u fil-​kongregazzjoni?

19 Fid-​dinja tal-​lum, ninsabu mdawrin bin-​niket. Fiż-​żminijiet li qed ngħixu, li l-​Bibbja ssejħilhom “żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom,” inġarrbu kull xorta taʼ telf kif ukoll niket. (2 Tim. 3:1) Għalhekk, il-​kwalità li naraw f’​Rut saret iktar importanti minn qatt qabel. L-​imħabba leali—dik ix-​xorta taʼ mħabba li tibqaʼ mqabbda mal-​persuna l-​oħra u sempliċement tirrifjuta li titlaqha—hi forza qawwija għat-​tajjeb f’din id-​dinja li sejra mill-​ħażin għall-​agħar. Neħtiġuha fiż-​żwieġ, fir-​relazzjonijiet fil-​familja, fil-​ħbiberiji, u fil-​kongregazzjoni Kristjana. (Aqra l-​1 Ġwanni 4:7, 8, 20.) Hekk kif nikkultivaw din ix-​xorta taʼ mħabba nkunu qed nimitaw l-​eżempju eċċellenti taʼ Rut.

Rut u Nagħomi f’Betlehem

20-22. (a) Il-​ħajja taʼ Nagħomi f’Mowab kif kienet effettwatha? (b) Nagħomi liema ħarsa żbaljata kellha lejn it-​tbatijiet tagħha? (Ara wkoll Ġakbu 1:13.)

20 Bejn il-​kliem u l-​fatti hemm baħar jikkumbatti—huwa faċli  tgħid bil-​kliem li għandek imħabba leali; imma huwa diffiċli tagħti prova taʼ din l-​imħabba bl-​għemil. Quddiemha, Rut kellha l-​opportunità li turi l-​imħabba leali mhux biss lejn Nagħomi imma anki lejn l-​Alla li għażlet li jkun l-​Alla tagħha—Ġeħova.

21 Fl-​aħħar, iż-​żewġ nisa waslu Betlehem, raħal li jinsab madwar 10 kilometri lejn in-​Nofsinhar taʼ Ġerusalemm. Milli jidher, Nagħomi u niesha xi darba kienu familja pjuttost prominenti f’dak ir-​raħal ċkejken għax l-​aħbar li Nagħomi kienet ġiet lura kienet fuq fomm kulħadd. In-​nisa t’hemmhekk bdew jifluha minn fuq s’isfel u jgħidu, “Din Nagħomi?” Milli jidher, matul iż-​żmien li qattgħet f’Mowab kienet inbidlet ferm; wiċċha u d-​dehra tagħha taw evidenza taʼ snin taʼ tbatija u niket.—Rut 1:19.

22 Lill-​qraba u l-​ġirien li kienu jafuha fl-​imgħoddi, Nagħomi qaltilhom li kienet rat ħafna maʼ wiċċha fil-​ħajja. Saħansitra ħasset li isimha kellu jinbidel u flok Nagħomi, li jfisser “Il-​Gost Tiegħi,” ikun Mara, li jfisser “Morra.” Miskina Nagħomi! Bħal Ġob, li għex qabilha, hi kienet temmen li kien Alla Ġeħova li ġab dawk it-​tbatijiet fuqha.—Rut 1:20, 21; Ġob 2:10; 13:24-​26.

23. Rut dwar xiex bdiet taħseb, u liema provvediment kien hemm fil-​Liġi Mosajka għall-​foqra? (Ara wkoll in-​nota taʼ taħt.)

23 Hekk kif iż-​żewġ nisa ssetiljaw fil-​ħajja f’Betlehem, Rut bdiet taħseb dwar kif ikun l-​aħjar li tieħu ħsieb tagħha nfisha u taʼ Nagħomi. Hi tgħallmet li l-​Liġi li Ġeħova kien ta lill-​poplu tiegħu f’Iżrael inkludiet provvediment bi mħabba għall-​foqra. Huma kellhom permess jidħlu fir-​rabaʼ fi żmien il-​ħsad u jimxu wara l-​ħassada, u jlaqqtu kulma jkunu ħallew warajhom il-​ħassada kif ukoll dak li kien jikber fit-​truf u fl-​irkejjen tal-​għelieqi. *Lev. 19:9, 10; Dt. 24:19-​21.

24, 25. Rut x’għamlet meta inzertat marret fl-​għelieqi taʼ Bogħaż, u x’kien jinvolvi x-​xogħol tat-​tilqit?

24 Kien żmien il-​ħsad tax-​xgħir, x’aktarx f’April skont il-​kalendarju taʼ żmienna, u Rut  marret fir-​rabaʼ biex tara min kien se jħalliha taħdem skont il-​provvediment tat-​tilqit. Hi inzertat marret fl-​għelieqi taʼ Bogħaż, sid l-​art u raġel għani, li kien ukoll qarib taʼ Elimelek, ir-​raġel mejjet taʼ Nagħomi. Għalkemm il-​Liġi kienet tagħtiha d-​dritt li tlaqqat, xorta ma kinitx prużuntuża; hi talbet permess biex taħdem mingħand ir-​raġel żagħżugħ li kien jieħu ħsieb il-​ħassada. Hu taha l-​permess, u Rut bdiet taħdem minnufih.—Rut 1:22–2:3, 7.

25 Immaġina lil Rut timxi wara l-​ħassada. Hekk kif kienu jaqtgħu x-​xgħir bl-​imnieġel tagħhom taż-​żnied, hi kienet titbaxxa biex tiġbor dak li kien jaqgħalhom jew iħallu warajhom, torbot iz-​zkuk f’qatet, u ġġorrhom lejn post fejn iktar tard setgħet tidres il-​qamħ. Kien xogħol taʼ strapazz li jieħu l-​ħin, u kien isir iktar iebes hekk kif l-​għodwa kienet tgħaddi bil-​mod il-​mod. Madankollu, Rut kienet tkompli għaddejja b’xogħolha, u kienet tieqaf biss biex tixxotta l-​għaraq minn fuq ġbinha u biex tiekol xi ħaġa ħafifa “fl-​għarix”—x’aktarx post kenni magħmul bl-​għan li jipprovdi ftit dell għall-​ħaddiema.

Rut kienet lesta li tagħmel xogħol iebes u umli sabiex tmantni lilha nfisha u lil Nagħomi

26, 27. Bogħaż x’tip taʼ persuna kien, u kif ittrattaha lil Rut?

26 X’aktarx li Rut la ttamat u lanqas ippretendiet li tiġi notata, imma mhux hekk ġara. Bogħaż raha u liż-​żagħżugħ inkarigat fuq il-​ħassada staqsieh min kienet. Bogħaż, li kien raġel taʼ fidi li tispikka, sellem lill-​ħaddiema tiegħu—li xi wħud minnhom setgħu kienu ħaddiema tal-​jum jew saħansitra barranin—bil-​kliem: “Ġeħova magħkom.” U huma wieġbu bl-​istess kliem. Dan ir-​raġel imdaħħal fiż-​żmien, li kien iħobb lil Ġeħova, ħa interess f’​Rut bħala missier.—Rut 2:4-​7.

 27 Bogħaż sejjaħ lil Rut “binti” u taha parir biex tibqaʼ tmur fl-​għelieqi tiegħu ħalli tlaqqat u toqgħod qrib in-​nisa żgħażagħ taʼ daru sabiex ħadd mill-​ħaddiema rġiel ma jagħtiha fastidju. Hu għamel ċert li kien ikollha l-​ikel għan-​nofsinhar. (Aqra Rut 2:8, 9, 14.) Iżda, fuq kollox, hu fittex modi biex ifaħħarha u jinkuraġġiha. Kif?

28, 29. (a) Rut liema reputazzjoni kellha? (b) Kif tistaʼ int, bħal Rut, tistkenn f’Ġeħova?

28 Meta Rut staqsiet lil Bogħaż x’kienet għamlet hi, li kienet barranija, biex ikun jistħoqqilha l-​approvazzjoni tiegħu b’qalb tajba, hu wiġibha billi qalilha li kien semaʼ dwar dak kollu li kienet għamlet għall-​kunjata tagħha, Nagħomi. X’aktarx li Nagħomi kienet faħħret lill-​għażiża Rut man-​nisa taʼ Betlehem, u Bogħaż kien semaʼ dwarha. Kien jaf ukoll li Rut kienet daret lejn il-​qima taʼ Ġeħova għax qal: “Jalla Ġeħova jippremjak taʼ dak li tagħmel, u jalla tirċievi ħlas perfett mingħand Ġeħova, l-​Alla taʼ Israel, li taħt ġwinħajh ġejt tfittex il-​kenn.”—Rut 2:12.

29 Min jaf kemm inkuraġġieha dan il-​kliem lil Rut! Tabilħaqq, hi kienet iddeċidiet li tfittex il-​kenn taħt ġwinħajn Alla Ġeħova, bħal ferħ taʼ għasfur li jitgeddes m’ommu fil-​bejta biex tipproteġih. Hi rringrazzjat lil Bogħaż talli kien serrħilha moħħha bi kliemu. U hi baqgħet taħdem sa filgħaxija.—Rut 2:13, 17.

30, 31. X’nistgħu nitgħallmu minn Rut dwar il-​mod kif kienet taħdem, dwar l-​apprezzament, u dwar l-​imħabba leali?

30 L-​għemil taʼ Rut huwa taʼ eżempju eċċellenti għalina llum li nissieltu f’dawn iż-​żminijiet ekonomikament diffiċli. Hi ma qagħditx tippretendi l-​għajnuna minn ħaddieħor għax kienet armla, u allura kienet tapprezza kulma kien jiġi offrut lilha. Hi ma stħatx taħdem iebes għal ħinijiet twal biex tieħu ħsieb il-​mara li tant kienet tgħożż, avolja dan kien xogħol umli. Bi gratitudni, hi aċċettat u applikat il-​pariri għaqlin dwar kif taħdem b’mod sigur u f’kumpanija tajba. Iktar importanti minn hekk, hi qatt ma nsiet fejn kien il-​veru refuġju tagħha—fil-​ħarsien taʼ Missierha, Alla Ġeħova.

31 Jekk nuru mħabba leali bħalma għamlet Rut u nsegwu l-​eżempju tagħha tal-​umiltà, il-​bżulija, u l-​apprezzament, se naraw li anki l-​fidi tagħna se tkun taʼ eżempju t’għajnuna għal ħaddieħor. Iżda, Ġeħova kif ipprovda għal Rut u għal Nagħomi? Dan se jiġi diskuss fil-​kapitlu li jmiss.

^ par. 17 Taʼ min jinnota li Rut m’użatx biss it-​titlu “Alla,” bħalma setgħu għamlu bosta barranin; hi użat ukoll l-​isem persunali tiegħu, Ġeħova. The Interpreter’s Bible tgħid: “B’hekk, il-​kittieb jenfasizza l-​fatt li din il-​barranija hi segwaċi tal-​Alla l-​veru.”

^ par. 23 Kienet liġi rimarkevoli, u żgur li ma kienx hemm liġi taʼ din ix-​xorta f’Mowab. F’dak iż-​żmien, fil-​Lvant Nofsani tal-​qedem, ir-​romol ma kinux jiġu trattati sew. Ktieb taʼ referenza jgħid: “Wara l-​mewt taʼ żewġha, normalment armla kien ikollha tistrieħ fuq uliedha s-​subien għall-​appoġġ finanzjarju; jekk ma kienx ikollha subien, għandha mnejn kienet tbigħ lilha nfisha bħala lsira, iddur għall-​prostituzzjoni, jew tmut.”