1, 2. (a) X’kien ġralhom Ġona u l-​baħħara abbord il-​bastiment minħabba l-​iżball taʼ Ġona? (b) Ir-​rakkont taʼ Ġona kif jistaʼ jgħinna?

ĠONA xtaq isodd widnejh biex ma jismax il-​ħsejjes tal-​biżaʼ li kien hemm madwaru. Ma kienx biss il-​ħoss tar-​riħ qawwi jvenven qalb il-​ħbula tal-​qlugħ tal-​bastiment; u lanqas tal-​mewġ m’ogħla hawn li beda jħabbat b’qawwa liema bħalha mal-​ġnub tal-​bastiment u jġiegħel l-​injam iżaqżaq. Le, l-​iktar ħsejjes li nifdu qalb Ġona kienu l-​għajjat taʼ dawk il-​baħħara—il-​kaptan u l-​ekwipaġġ tiegħu—hekk kif stinkaw kemm felħu biex jikkontrollaw il-​bastiment ħalli ma jegħriqx. Ġona ħassu ċert li dawk l-​irġiel kienu f’xifer il-​mewt—u dan kollu kien ħtija tiegħu!

2 Ġona kif spiċċa f’sitwazzjoni daqshekk imwiegħra? Hu kien għamel żball serju għax m’obdiex lil Alla tiegħu, Ġeħova. X’kien għamel? Kien tard wisq biex jitranġaw l-​affarijiet? It-​tweġibiet jistgħu jgħallmuna ħafna. Pereżempju, ir-​rakkont taʼ Ġona jgħinna naraw kif saħansitra dawk li jkollhom fidi ġenwina jistgħu jiżvijaw, u kif jistgħu jikkoreġu l-​iżbalji tagħhom.

Profeta mill-​Galilija

3-5. (a) Spiss in-​nies fuqiex jiffokaw meta jaħsbu dwar Ġona? (b) X’nafu dwar Ġona? (Ara wkoll in-​nota taʼ taħt.) (ċ) Is-​servizz taʼ Ġona bħala profeta għala żgur li ma kienx faċli jew pjaċevoli?

3 Meta n-​nies jaħsbu dwar Ġona, donnhom spiss jiffokaw fuq il-​kwalitajiet negattivi tiegħu, bħal pereżempju d-​drabi meta kien diżubbidjenti u rasu iebsa. Imma hemm ħafna iktar affarijiet li jeħtieġ inkunu nafu dwar dan ir-​raġel. Ftakar li Ġona kien magħżul biex jaqdi bħala l-​profeta t’Alla Ġeħova. Ġeħova ma kienx se jagħżlu għal responsabbiltà daqshekk serja li kieku kien żleali jew inġust.

Ġona kellu ħafna kwalitajiet pożittivi, u mhux biss negattivi

4 Il-​Bibbja tagħti ftit dettalji dwar Ġona biex tgħinna nifhmu  min kien. (Aqra t-​2 Slaten 14:25.) Hu kien minn Gat-​ħefer, erbaʼ kilometri biss ’il bogħod minn Nazaret, il-​belt fejn trabba Ġesù Kristu madwar tmien sekli wara. * Ġona qeda bħala profeta matul ir-​renju tas-​Sultan Ġerobogħam II tas-​saltna taʼ Iżrael b’għaxar tribujiet. Żmien Elija kien ilu li għadda u s-​suċċessur tiegħu, Eliżew, kien miet matul ir-​renju taʼ missier Ġerobogħam. Għalkemm Ġeħova kien uża lil dawn l-​irġiel biex jeqred il-​qima taʼ Bagħal, minn jeddu Iżrael kien reġaʼ sejjer il-​baħar. L-​art issa kienet taħt l-​influwenza taʼ sultan li “kompla jagħmel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova.” (2 Slat. 14:24) Għalhekk, is-​servizz taʼ Ġona żgur li ma kienx faċli jew pjaċevoli. Madankollu, hu wettqu b’fedeltà.

5 Iżda jum fost l-​oħrajn, il-​ħajja taʼ Ġona nbidlet mil-​lejl għan-​nhar. Hu rċieva inkarigu mingħand Ġeħova li sabu diffiċli ferm. Ġeħova x’kien qed jitlob minnu?

“Qum, Mur Ninwe”

6. Ġeħova liema inkarigu tah lil Ġona, u għala setaʼ deher li kien tal-​biżaʼ?

6 Ġeħova qal lil Ġona: “Qum, mur Ninwe l-​belt il-​kbira, u xandar kontriha li l-​ħażen tagħhom telaʼ sa quddiemi.” (Ġona 1:2) Huwa faċli tinduna għala dan l-​inkarigu setaʼ deher li kien tal-​biżaʼ. Ninwe kienet tinsab madwar 800 kilometru lejn il-​Lvant, vjaġġ fuq l-​art li x’aktarx kien jieħu madwar xahar bil-​mixi. Imma kien hemm xi ħaġa li lil Ġona probabbilment inkwetatu iktar mill-​vjaġġ twil u skabruż. F’Ninwe, Ġona kellu jwassal il-​messaġġ taʼ ġudizzju mingħand Ġeħova lill-​Assirjani, li kienu magħrufin li kienu vjolenti, u saħansitra slavaġ. Ladarba Ġona ftit kellu reazzjoni mill-​poplu t’Alla stess, x’setaʼ jittama li jara fost dawn il-​pagani? X’kien se jsir minn qaddej taʼ Ġeħova li kien waħdu fil-​belt vasta taʼ Ninwe, li kellha tissejjaħ “belt li xxerred id-​demm”?—Naħ. 3:1, 7.

7, 8. (a) Ġona kemm kien determinat li jaħrab mill-​inkarigu li kien tah Ġeħova? (b) Għala m’għandniex nittimbraw lil Ġona bħala beżżiegħ?

7 Setgħu dawn il-​ħsibijiet għaddew minn moħħ Ġona? Ma nafux eżatt. Dak li nafu fiċ-​ċert hu li ħarab. Ġeħova kien idderiġieh biex imur lejn il-​Lvant imma Ġona mar lejn il-​Punent—l-​iktar bogħod li setaʼ jmur. Hu niżel mal-​kosta, f’belt b’port jisimha Ġaffa,  u hawnhekk sab bastiment li kien sejjer lejn Tarsis. Xi studjużi jgħidu li Tarsis tinsab fi Spanja. Jekk inhu hekk, Ġona kien sejjer madwar 3,500 kilometru ’l bogħod minn Ninwe. Vjaġġ bħal dan lejn it-​tarf l-​ieħor tal-​Baħar il-​Kbir setaʼ ħa saħansitra sena sħiħa. Ġona kien tassew determinat li jaħrab mill-​inkarigu li kien tah Ġeħova!—Aqra Ġona 1:3.

8 Ifisser dan li għandna nittimbraw lil Ġona bħala beżżiegħ? M’għandniex inkunu ħfief biex niġġudikawh. Bħalma se naraw, hu kien kapaċi juri kuraġġ liema bħalu. Iżda bħalna lkoll, Ġona kien bniedem imperfett li ssielet maʼ ħafna nuqqasijiet kbar. (Salm 51:5) Min minna qatt ma ssielet mal-​biżaʼ?

9. Kif għandna mnejn inħossuna kultant dwar xi inkarigu mingħand Ġeħova, u liema verità m’għandniex ninsew f’mumenti bħal dawn?

9 Xi minn daqqiet jistaʼ jidher li Alla jitlobna nagħmlu xi ħaġa li naħsbu li hi diffiċli u saħansitra impossibbli. Nistgħu anki nħarsu lejn l-​ippritkar tal-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla, li hu meħtieġ mill-​Kristjani, bħala li hu tal-​biżaʼ. (Mt. 24:14) Huwa verament faċli li ninsew il-​verità profonda li lissen Ġesù: “Kollox hu possibbli għal Alla.” (Mk. 10:27) Jekk kultant ninsew din il-​verità, forsi nistgħu nifhmu għala Ġona ħassu bl-​istess mod. Iżda x’konsegwenzi sofra Ġona talli ħarab?

Ġeħova Jiddixxiplina lill-​Profeta Stinat Tiegħu

10, 11. (a) Ġona x’setaʼ ttama hekk kif il-​bastiment tal-​merkanzija ħareġ mill-​port? (b) Il-​bastiment u l-​ekwipaġġ tiegħu liema periklu ġarrbu?

10 Nistgħu nġibu quddiem għajnejna lil Ġona jħejji ruħu għall-​vjaġġ twil fuq dak il-​bastiment—x’aktarx bastiment Feniċju tal-​merkanzija. Hu qagħad josserva lill-​kaptan u l-​ekwipaġġ tiegħu hekk kif kienu medhijin ilestu l-​bastiment biex ibaħħru ’l barra mill-​port. Meta x-​xatt beda jitbiegħed bil-​mod il-​mod sakemm ma baqax jidher, Ġona setaʼ ttama li qed jaħrab mill-​periklu li tant kien beżżgħu. Imma f’salt wieħed, l-​ajru nbidel.

11 Qamu rwiefen qawwijin u l-​baħar tqalleb, tant li anki l-​vapuri tal-​lum kienu jkunu jidhru daqs nitfa fil-​ħalel li kienu m’ogħla hawn. Min jaf kemm dan il-​bastiment deher żgħir u fraġli fil-​qilla tal-​baħar, qalb il-​mewġ tielaʼ u nieżel! Kien jaf Ġona, f’dak il-​mument, x’kiteb iktar tard—li “Ġeħova tefaʼ riħ qawwi fuq il-​baħar”? Ma nafux eżatt. Iżda hu ra li l-​baħħara bdew jitolbu għall-​ajjut lid-​diversi allat tagħhom u kien jaf li l-​allat tagħhom ma setgħux jgħinuhom. (Lev. 19:4) Ir-​rakkont tiegħu jgħid: “Il-​bastiment kien għoddu tfarrak.” (Ġona 1:4) U Ġona kif setaʼ jitlob lil Alla wara li kien ħarab minnu?

12. (a) Għala m’għandniex inkunu ħfief biex niġġudikaw lil Ġona talli raqad waqt it-​tempesta? (Ara wkoll in-​nota taʼ taħt.) (b) Ġeħova kif irrivela l-​kaġun tas-​saram li nqalaʼ?

 12 Peress li ħass li ma setaʼ jagħmel xejn biex jagħti daqqa t’id, Ġona niżel taħt il-​gverta tal-​bastiment u sab rokna fejn jimtedd. Hemmhekk marret għajnu bih u raqad raqda fil-​fond. * Il-​kaptan sab lil Ġona, qajmu mir-​raqda, u ħeġġu jitlob lill-​alla tiegħu, kif kien qed jagħmel kulħadd. Konvinti li kien hemm xi ħaġa sopranaturali dwar din it-​tempesta, il-​baħħara tefgħu x-​xorti biex jaraw min fost dawk abbord setaʼ kien il-​kaġun taʼ dan is-​saram. Bla ebda dubju, qalb Ġona għamlet tikk hekk kif bix-​xorti beda jiġi eliminat raġel wara ieħor. Iż-​żejt malajr telaʼ f’wiċċ l-​ilma. Ġeħova kien qed jidderieġi t-​tempesta, kif ukoll ix-​xorti, lejn raġel wieħed—Ġona!—Aqra Ġona 1:5-​7.

13. (a) Ġona x’ammetta mal-​baħrin? (b) Ġona x’ħeġġiġhom jagħmlu lill-​baħrin, u għala?

13 Lill-​baħrin, Ġona qalilhom b’kollox. Qalilhom li kien qaddej tal-​Alla li jistaʼ kollox, Ġeħova—l-​Alla li minnu kien qed jaħrab u li kien diżubbidjenti lejh. Kien għalhekk li kienu jinsabu lkoll f’dan il-​periklu gravi. L-​irġiel ħassew demmhom jiksaħ; minn wiċċhom, Ġona setaʼ jinduna li kienu qed jibżgħu. Staqsewh x’għandhom jagħmlulu sabiex isalvaw il-​bastiment u ħajjithom. Ġona x’qal? Il-​ħsieb biss li jegħreq f’dak il-​baħar inġazzat u salvaġġ abbli qajjimlu ġismu xewk xewk. Imma kif setaʼ jkun il-​kaġun tal-​mewt taʼ dawn l-​irġiel kollha b’dan il-​mod meta kien jaf li setaʼ jsalvahom? Għalhekk, ħeġġiġhom: “Erfgħuni u waddbuni l-​baħar, u l-​baħar jikkalmalkom; għax naf li minħabba fija ġiet fuqkom din it-​tempesta kbira.”—Ġona 1:12.

14, 15. (a) Kif nistgħu nimitaw il-​fidi taʼ Ġona? (b) Il-​baħrin kif irreaġixxew għat-​talba taʼ Ġona?

14 Kliem Ġona juri ċar li hu ma kienx beżżiegħ. Min jaf kemm thenna Ġeħova xħin ra l-​qlubija u s-​sagrifiċċju persunali taʼ Ġona f’dak il-​mument imwiegħer. Hawnhekk naraw il-​fidi soda taʼ Ġona. Illum, nistgħu nimitawh billi npoġġu l-​benesseri taʼ ħaddieħor qabel tagħna stess. (Ġw. 13:34, 35) Nagħtu aħna minna nfusna biex noffru l-​għajnuna tagħna meta naraw lil xi ħadd fil-​bżonn, sew jekk fiżikament, sew jekk emozzjonalment, u sew jekk spiritwalment? Kemm inferrħuh lil Ġeħova meta ngħinu lil dawn l-​uħud!

 15 Jistaʼ jkun li l-​baħrin ukoll ġew effettwati minn dak li qalilhom Ġona, għax għall-​ewwel irrifjutaw li jagħmlu kif qalilhom. Minflok, huma għamlu kulma setgħu biex jgħaddu mit-​tempesta b’wiċċ il-​ġid—imma kien kollu għalxejn. It-​tempesta kompliet tiħrax. Fl-​aħħar, indunaw li kienu ġew daharhom mal-​ħajt. Bdew isejħu lil Ġeħova, l-​Alla taʼ Ġona, biex jurihom ħniena, u lil Ġona refgħuh u xeħtuh mill-​ġenb tal-​bastiment għal ġol-​baħar.—Ġona 1:13-​15.

Skont kif ħeġġiġhom Ġona, il-baħrin refgħuh u xeħtuh il-baħar

Ġona Jintwera Ħniena u Jikseb Ħelsien

16, 17. Iddeskrivi xi ġralu Ġona meta ġie mixħut il-​baħar. (Ara wkoll l-​istampi.)

16 Ġona waqaʼ qalb il-​ħalel kefrin tal-​baħar. Forsi beda jissielet biex jipprova jżomm rasu f’wiċċ l-​ilma, u minn qalb ir-​ragħwa u r-​raxx tal-​baħar lemaħ il-​bastiment jitbiegħed minnu b’ħeffa liema bħalha. Imma l-​mewġ kbir ried jibilgħu u beda jniżżlu taħt l-​ilma. Hu niżel iktar u iktar fil-​fond u ħass li kien tilef kull tama.

17 Iktar tard, Ġona ddeskriva kif ħassu dak il-​ħin. Beda jġib quddiem għajnejh ħafna xeni taʼ ħajtu. Beda jiddispjaċih bil-​kbir meta ħaseb li qatt ma kien se jerġaʼ jara t-​tempju mill-​isbaħ taʼ Ġeħova f’Ġerusalemm. Ħassu nieżel fl-​abbissi tal-​baħar, f’qiegħ il-​muntanji,  fejn il-​ħaxix tkebbeb miegħu. Kien donnu hawnhekk li kienet se tkun “il-​ħofra,” jew il-​qabar, tiegħu.—Aqra Ġona 2:2-​6.

18, 19. Xi ġralu Ġona fl-​abbissi tal-​baħar, liema tip taʼ ħliqa kienet involuta, u min kien hemm wara dawn il-​ġrajjiet? (Ara wkoll in-​nota taʼ taħt.)

18 Imma stenna ftit! Fil-​qrib, kien hemm xi ħaġa titħarrek—ħliqa taʼ lewn sewdieni u taʼ kobor enormi! Bdiet tħuf fil-​viċin u f’salt wieħed marret għalih. Xedaq kbir infetaħ beraħ, ħatfu, u belgħu sħiħ!

Ġeħova “bagħat ħuta kbira biex tiblaʼ lil Ġona”

19 Żgur li Ġona ra l-​mewt maʼ wiċċu. Madankollu, ħass xi ħaġa li lanqas titwemmen—kien għadu ħaj! La kien ġie mgħaffeġ, la diġerit, u lanqas fgat. Le, kien għadu qawwi u sħiħ, avolja kien f’dak li setaʼ faċilment ikun qabru. Bil-​mod il-​mod, Ġona beda jħoss riverenza profonda. Bla dubju, kien Alla tiegħu, Ġeħova, li kien “bagħat ħuta kbira biex tiblaʼ lil Ġona.” *Ġona 1:17.

20. X’nistgħu nitgħallmu dwar Ġona mit-​talba li lissen meta kien ġol-​ħuta kbira?

20 Għaddew il-​minuti u gerbu s-​sigħat. Hemm ġew, fi dlam ċappa li qatt ma kien ra bħalu, Ġona kellu ċans jimmedita u jitlob lil Alla Ġeħova. It-​talba tiegħu, imniżżla fit-​tieni kapitlu tal-​ktieb taʼ Ġona, tgħallimna ħafna affarijiet dwaru. Turi li Ġona kellu għarfien kbir dwar l-​Iskrittura, għax it-​talba spiss tirreferi għas-​Salmi. Turi wkoll kwalità li tmiss il-​qalb: il-​gratitudni. Ġona kkonkluda u qal: “Ngħid għalija, b’leħen taʼ radd il-​ħajr se noffrilek sagrifiċċji. Dak li wegħedt, se rroddu. Is-​salvazzjoni hi taʼ Ġeħova.”—Ġona 2:9.

21. Ġona x’tgħallem dwar is-​salvazzjoni, u liema lezzjoni taʼ valur jalla niftakru?

21 Hemm ġew, fl-​iktar post stramb—“fil-​ġewwieni tal-​ħuta”—Ġona tgħallem li Ġeħova jistaʼ jsalva lil kwalunkwe persuna, fi kwalunkwe post, u fi kwalunkwe ħin. Saħansitra hemm ġew, Ġeħova sab u ħeles lill-​qaddej tiegħu li kien f’diffikultà. (Ġona 1:17) Ġeħova biss jistaʼ jżomm bniedem qawwi u sħiħ għal tlett ijiem u tlett  iljieli f’żaqq ħuta kbira. Illum ikun tajjeb li tiftakar li Ġeħova hu “l-​Alla li f’idu qiegħed nifsek.” (Dan. 5:23) Aħna nafu kull nifs li nieħdu u l-​eżistenza nfisha tagħna lilu. Inħossuna grati? Mhuwiex xieraq mela li nuru ubbidjenza lejn Ġeħova?

22, 23. (a) Il-​gratitudni taʼ Ġona kif ma damitx ma ġiet imġarrba? (b) X’nistgħu nitgħallmu minn Ġona rigward l-​iżbalji li nagħmlu?

22 Xi ngħidu għal Ġona? Tgħallem juri gratitudni lejn Ġeħova permezz tal-​ubbidjenza? Iva. Wara tlett ijiem u tlett iljieli, il-​ħuta ħadet lil Ġona proprju sax-​xatt u “qalgħet lil Ġona għal fuq l-​art niexfa.” (Ġona 2:10) Immaġina ftit—wara dak kollu, Ġona lanqas biss kellu għalfejn jgħumha sax-​xatt! M’għandniex xi ngħidu, hu kellu jara kif se jsib triqtu minn hemmhekk. Iżda l-​gratitudni tiegħu ma damitx ma ġiet imġarrba. Ġona 3:1, 2, jgħid: “Imbagħad il-​kelma taʼ Ġeħova ġiet għand Ġona għat-​tieni darba, tgħid: ‘Qum, mur Ninwe l-​belt il-​kbira, u xandrilha dan li qed ngħidlek.’” X’kien se jagħmel Ġona?

23 Ġona ma qagħadx jaħsibha darbtejn. Naqraw: “Għalhekk, Ġona qam u mar Ninwe fi qbil mal-​kelma taʼ Ġeħova.” (Ġona 3:3) Iva, hu obda. B’mod ċar, hu kien tgħallem mill-​iżbalji tiegħu. F’dan ukoll, għandna nimitaw il-​fidi taʼ Ġona. Ilkoll nidinbu; ilkoll niżbaljaw. (Rum. 3:23) Iżda aħna naqtgħu qalbna, jew nitgħallmu mill-​iżbalji tagħna u nduru lejn Alla biex naqduh b’ubbidjenza?

24, 25. (a) Maż-​żmien, Ġona rċieva liema barka matul ħajtu? (b) Liema barkiet hemm jistennew lil Ġona fil-​futur?

24 Ġeħova bierku lil Ġona talli obda? Dażgur! X’aktarx li barka waħda kienet li Ġona maż-​żmien sar jaf li dawk il-​baħrin kienu baqgħu ħajjin. It-​tempesta battiet eżatt wara li Ġona kien ħa azzjoni li wriet is-​sagrifiċċju persunali tiegħu, u dawk il-​baħħara “bdew jibżgħu ħafna minn Ġeħova” u għamlu sagrifiċċju lilu minflok lill-​allat foloz tagħhom.—Ġona 1:15, 16.

25 Il-​barka l-​oħra, li kienet jerġaʼ ikbar, ġiet ħafna iktar tard. Ġesù uża ż-​żmien li Ġona qattaʼ fil-​ħuta kbira bħala tixbiha profetika taʼ żmienu stess fil-​qabar, jew Xeol. (Aqra Mattew 12:38-​40.) Min jaf kemm se jifraħ Ġona xħin isir jaf b’din il-​barka meta jiġi rxoxtat għall-​ħajja fuq l-​art! (Ġw. 5:28, 29) Ġeħova jrid ibierek lilek ukoll. Bħal Ġona, se titgħallem int mill-​iżbalji tiegħek, tkun ubbidjenti lejn Alla, u turi mħabba lejn ħaddieħor?

^ par. 4 L-​oriġini taʼ Ġona f’belt tal-​Galilija hi taʼ min jinnotaha għax meta rreferew għal Ġesù, il-​Fariżej b’arroganza qalu: “Fittex, u tara li ebda profeta mill-​Galilija m’għandu jiġi mqajjem.” (Ġw. 7:52) Ħafna tradutturi u riċerkaturi jgħidu li l-​Fariżej kienu qed jitfgħu lil kulħadd f’keffa waħda meta qalu li ebda profeta qatt telaʼ jew jistaʼ jitlaʼ mill-​Galilija. Jekk inhu hekk, dawk l-​irġiel kienu qed jinjoraw l-​istorja kif ukoll il-​profezija.—Is. 9:1, 2.

^ par. 12 Is-​Settanta tenfasizza kemm kienet fil-​fond ir-​raqda taʼ Ġona billi tgħid li beda jonħor. Madankollu, sabiex ma nikkonkludux li Ġona raqad minħabba li ma kienx jimpurtah minn x’setaʼ jiġri lilu u lil ħaddieħor, tajjeb inżommu f’moħħna li kultant dawk li jkollhom qalbhom sewda ferm jinħakmu minn ngħas kbir. Matul is-​sigħat agonizzanti taʼ Ġesù fil-​ġnien tal-​Ġetsemani, Pietru, Ġakbu, u Ġwanni kienu qed “jonogħsu minħabba n-​niket.”—Lq. 22:45.

^ par. 19 Il-​kelma Ebrajka għal “ħuta” ġiet tradotta bil-​Grieg bħala “mostru tal-​baħar,” jew “ħuta enormi.” Għalkemm m’hemm ebda mod kif niddeterminaw eżatt liema tip taʼ ħliqa tal-​baħar kienet involuta, ġie osservat li fil-​Mediterran hemm klieb il-​baħar kbar biżżejjed biex jibilgħu bniedem sħiħ. F’postijiet oħrajn, hemm klieb il-​baħar li huma bil-​wisq ikbar minn dawn; il-​kelb il-​baħar li jixbah lill-​balena (whale shark) jistaʼ jikber saħansitra sa 15-​il metru—u jistaʼ jkun anki iktar!