1, 2. (a) In-​nies t’Elija biex kienu milqutin? (b) Elija maʼ liema oppożizzjoni ħabbat wiċċu fuq il-​Muntanja Karmel?

ELIJA ħares lejn il-​folla tielgħa bi tbatija fuq il-​Muntanja Karmel. Minkejja li kien għadu qed ibexbex, il-​faqar u l-​għaks li kienu qed jagħfsu fuq dawn in-​nies kienu jidhru sew. In-​nixfa li damet tliet snin u nofs kienet ħalliet il-​marka tagħha fuqhom.

2 Fosthom kien hemm l-​450 profeta taʼ Bagħal, mexjin dritti dritti u kburin, b’qalb mimlija mibegħda għal Elija, il-​profeta taʼ Ġeħova. Is-​Sultana Ġeżabel kienet qatlet ħafna mill-​qaddejja taʼ Ġeħova, iżda dan ir-​raġel kien għadu jżomm sod kontra l-​qima taʼ Bagħal. Però, kemm setaʼ jdum iktar? Forsi dawk il-​qassisin irraġunaw li raġel waħdu ma setaʼ qatt jibqaʼ sod kontrihom ilkoll. (1 Slat. 18:4, 19, 20) Is-​Sultan Aħab ġie wkoll, riekeb fil-​karru rjali tiegħu. Lanqas hu ma kien iġerrgħu lil Elija.

3, 4. (a) Elija għala setaʼ ħassu xi daqsxejn beżgħan hekk kif wasal jum importanti? (b) Liema mistoqsijiet se nikkunsidraw?

3 Lil dan l-​uniku profeta veru kien qed jistennieh jum mhux bħall-​oħrajn. Quddiem għajnejn Elija kienet qed titħejja x-​xena għal waħda mill-​akbar konfrontazzjonijiet drammatiċi li qatt rat id-​dinja, dik taʼ bejn it-​tajjeb u l-​ħażin. Kif ħassu Elija meta wasal dak il-​jum? Bħala “raġel b’sentimenti bħal tagħna,” żgur li ħassu xi daqsxejn beżgħan. (Aqra Ġakbu 5:17.) Nistgħu nkunu ċerti minn tal-​inqas minn ħaġa waħda: Imdawwar b’nies bla fidi, bis-​sultan apostata tagħhom, u b’dawk il-​qassisin qattilin, min jaf Elija kemm ħassu bħal ħuta barra mill-​ilma!—1 Slat. 18:22.

4 Iżda, x’wassal lil Iżrael għal din il-​kriżi? U int illum x’għandek x’taqsam maʼ dan ir-​rakkont? Ikkunsidra l-​eżempju taʼ fidi t’Elija u kif inhu prattiku għalina llum il-​ġurnata.

Battalja Twila Tasal fil-​Qofol Tagħha

5, 6. (a) Iżrael kien għaddej minn liema battalja? (b) Is-​Sultan Aħab kif kien offenda bil-​kbir lil Ġeħova?

5 Għal parti kbira minn ħajtu, Elija qagħad iħares, bla ma setaʼ jagħmel xejn, hekk kif l-​isbaħ ħaġa li kellhom pajjiżu u niesu tiġi mwarrba u kalpestata. Iżrael kien ilu żmien twil għaddej minn battalja, jissielet jekk jagħżilx ir-​reliġjon pura jew dik falza, il-​qima t’Alla Ġeħova jew l-​idolatrija tal-​ġnus tal-​madwar. Fi żmien Elija, din il-​battalja kompliet tiggrava.

 6 Is-​Sultan Aħab kien offenda bil-​kbir lil Ġeħova. Kien iżżewweġ lil Ġeżabel, bint is-​sultan taʼ Sidon. Ġeżabel kienet determinata li xxerred il-​qima taʼ Bagħal mal-​pajjiż taʼ Iżrael u li tqaċċat kompletament il-​qima taʼ Ġeħova. Aħab ma damx ma ċeda għall-​influwenza tagħha. Hu bena tempju u artal lil Bagħal u kien minn taʼ quddiem fil-​qima taʼ dan l-​alla pagan.—1 Slat. 16:30-​33.

7. (a) X’għamel il-​qima taʼ Bagħal daqstant offensiva? (b) Rigward kemm damet in-​nixfa fi żmien Elija, għala nistgħu nkunu ċerti li l-​Bibbja ma fiha ebda kontradizzjoni? (Inkludi  l-​kaxxa.)

7 X’għamel il-​qima taʼ Bagħal daqstant offensiva? Din qarrqet bil-​poplu taʼ Iżrael, u ħajret lil ħafna minnhom jitbiegħdu mill-​Alla l-​veru. Kienet ukoll reliġjon moqżieża u brutali. Kienet tinvolvi prostituzzjoni fit-​tempju kemm taʼ rġiel kif ukoll taʼ nisa, tbahrid sesswali, u saħansitra l-​issagrifikar tat-​tfal. Ġeħova rreaġixxa billi bagħat lil Elija għand Aħab sabiex iħabbarlu li kien se jkun hemm nixfa, u li din kienet se ddum sakemm il-​profeta t’Alla jħabbar it-​tmiem tagħha. (1 Slat. 17:1) Laħqu għaddew diversi snin sakemm Elija deher quddiem Aħab u qallu biex jiġbor lill-​poplu u l-​profeti taʼ Bagħal fuq il-​Muntanja Karmel. *

Sa ċertu punt, l-​iktar aspetti qawwijin li kienu jikkaratterizzaw il-​qima taʼ Bagħal għadhom komuni ferm illum

8. Ir-​rakkont dwar il-​qima taʼ Bagħal xi jfisser għalina llum?

8 Iżda din il-​battalja xi tfisser għalina llum? Xi wħud għandhom mnejn jaħsbu li storja dwar il-​qima taʼ Bagħal ma tapplikax għal żmienna, ladarba madwarna ma naraw ebda tempju jew artal dedikat lil Bagħal. Imma dan ir-​rakkont mhuwiex sempliċement ġrajja storika tal-​qedem. (Rum. 15:4) Il-​kelma “Bagħal” tfisser “sid” jew “kap.” Ġeħova qal lin-​nies tiegħu li huma kellhom jagħżluh bħala l-​“bagħal” tagħhom, jew sidhom bħala raġel miżżewweġ. (Is. 54:5) Ma taqbilx int li n-​nies għadhom jaqdu għadd taʼ sidien oħrajn minflok lil Alla li Jistaʼ Kollox? Iva, meta n-​nies jużaw ħajjithom biex jiġru wara l-​flus, il-​karriera, ir-​rikreazzjoni, il-​pjaċiri sesswali, jew xi wieħed mill-​allat bla għadd li jiġu meqjumin minflok Ġeħova, huma jkunu qed jagħżlu sid. (Mt. 6:24; aqra Rumani 6:16.) Sa ċertu punt, l-​iktar aspetti qawwijin li kienu jikkaratterizzaw il-​qima taʼ Bagħal għadhom komuni ferm illum. Meta nirriflettu fuq din il-​battalja tal-​qedem bejn Ġeħova u Bagħal niġu megħjunin nieħdu deċiżjoni għaqlija rigward lil min irridu naqdu.

 “Izzappu”—Kif?

9. (a) Il-​pożizzjoni tal-​Muntanja Karmel kif għamlitha post ideali biex jintwera kemm kienet falza l-​qima taʼ Bagħal? (Ara wkoll in-​nota taʼ taħt.) (b) Elija x’qalilhom lin-​nies?

9 Minn fuq il-​quċċata tal-​Muntanja Karmel wieħed jistaʼ jġib taħtu parti kbira mill-​art—mill-​wied taʼ Kison sal-​Baħar il-​Kbir (il-​Baħar Mediterran), li qiegħed fil-​qrib, u sal-​muntanji tal-​Libanu fix-​xefaq imbiegħed fit-​Tramuntana. * Imma hekk kif telgħet ix-​xemx f’dan il-​jum hekk importanti, il-​veduta kienet waħda taʼ swied il-​qalb. L-​art li Ġeħova kien ta lil ulied Abraham u li darba kienet fertili, issa kienet bħallikieku f’ħalq il-​mewt. Issa kienet art fejn ix-​xemx kienet tisreġ fuqha bla ħniena, rovinata minħabba l-​bluha tal-​poplu t’Alla stess! Hekk kif dawn in-​nies inġemgħu  flimkien, Elija resaq lejhom u qal: “Kemm se ddumu zzappu fuq żewġ opinjonijiet differenti? Jekk Ġeħova hu l-​Alla l-​veru, morru warajh; imma jekk hu Bagħal il-​wieħed veru, morru warajh.”—1 Slat. 18:21.

10. In-​nies t’Elija kif kienu qed ‘izappu fuq żewġ opinjonijiet differenti,’ u liema verità bażika kienu nsew?

10 X’ried ifisser Elija bl-​espressjoni “zzappu fuq żewġ opinjonijiet differenti”? Sewwa, dawk in-​nies ma rrealizzawx li kellhom jagħżlu bejn il-​qima taʼ Ġeħova u l-​qima taʼ Bagħal. Huma ħasbu li setgħu jqimu lit-​tnejn—jibqgħu ħbieb maʼ Bagħal bir-​ritwali moqżieża tagħhom u fl-​istess ħin jitolbu lil Alla Ġeħova biex jgħinhom. Forsi huma rraġunaw li Bagħal kien se jberkilhom l-​uċuħ tar-​rabaʼ u l-​imrieħel, waqt li “Ġeħova taʼ l-​armati” se jipproteġihom fil-​battalji. (1 Sam. 17:45) Imma kienu nsew verità bażika—verità li ħafna nies illum għadhom ma fehmuhiex. Ġeħova ma jaqsam il-​qima tiegħu maʼ ħadd. Hu bi dritt jitlob u jistħoqqlu devozzjoni esklużiva. Kull qima lejh li tkun imħallta maʼ xi forma taʼ qima oħra mhijiex aċċettabbli għalih, anzi toffendih!—Aqra Eżodu 20:5.

11. Kif taħseb li d-​diskors t’Elija fuq il-​Muntanja Karmel jistaʼ jgħinna neżaminaw mill-​ġdid il-​prijoritajiet u l-​qima tagħna?

11 Għaldaqstant, dawn l-​Iżraelin kienu qed ‘izappu’ bħal bniedem li jipprova jimxi f’żewġ toroq f’daqqa. Ħafna nies illum jagħmlu dan l-​istess żball billi jħallu lil xi “bagħal” ieħor jidħol inkiss inkiss f’ħajjithom u jieħu post il-​qima t’Alla. Jekk naċċettaw l-​istedina urġenti u ċara t’Elija biex ma nibqgħux inzappu nistgħu niġu megħjunin neżaminaw mill-​ġdid il-​prijoritajiet u l-​qima tagħna.

Prova Deċiżiva

12, 13. (a) Elija ppropona li ssir liema prova? (b) Kif nistgħu nuru li għandna l-​istess fiduċja li kellu Elija?

12 Elija mbagħad ippropona li ssir prova. Din kienet sempliċi ħafna. Il-​qassisin taʼ Bagħal kellhom iwaqqfu artal u jpoġġu annimal tas-​sagrifiċċju fuqu; imbagħad jitolbu lill-​alla tagħhom biex iqabbad in-​nar. Elija kellu jagħmel l-​istess. Hu qal li ‘l-​Alla li jwieġeb bin-​nar ikun hu l-​Alla l-​veru.’ Elija kien jaf tajjeb min kien l-​Alla l-​veru. Tant kellu fidi b’saħħitha li ma qagħadx jaħsibha imma ta lill-​opponenti tiegħu kull vantaġġ. Ħalla l-​profeti taʼ Bagħal jibdew huma. Għalhekk, għażlu barri għas-​sagrifiċċju tagħhom u resqu quddiem Bagħal. *1 Slat. 18:24, 25.

 13 Fi żmienna ma jseħħux mirakli bħal dawn. Minkejja dan, Ġeħova ma nbidilx. Bħal Elija, aħna jistaʼ jkollna l-​istess fiduċja fih. Pereżempju, meta oħrajn ma jaqblux maʼ dak li tgħallem il-​Bibbja, m’għandniex għalfejn nibżgħu nħalluhom jitkellmu u jesprimu ruħhom. Bħal Elija, aħna nistgħu nistennew l-​Alla l-​veru jsolvi l-​kwistjoni. Dan nagħmluh billi ma nistriħux fuqna nfusna imma fuq il-​Kelma mnebbħa tiegħu, li hi mfassla biex “tikkoreġi.”—2 Tim. 3:16.

Elija ra l-​qima taʼ Bagħal bħala farsa bla sens, u ried lill-​poplu t’Alla jirrealizza li ma kienet xejn ħlief qerq

14. Elija b’liema mod iddieħaq bil-​profeti taʼ Bagħal, u għala?

14 Il-​profeti taʼ Bagħal ħejjew is-​sagrifiċċju tagħhom u bdew isejħu lill-​alla tagħhom. “O Bagħal, wiġibna!” huma għajtu għal darba wara l-​oħra. U komplew jgħajtu hekk kif għaddew il-​minuti u mbagħad is-​sigħat. “Imma ma nstemaʼ l-​ebda leħen, u ħadd ma wiġibhom,” tgħid il-​Bibbja. F’nofsinhar Elija beda jiddieħaq bihom u jgħidilhom b’mod sarkastiku li Bagħal żgur li kellu ħafna x’jagħmel ladarba ma wiġibhomx, u li ried imur il-​latrina, jew inkella kien rieqed u kellu bżonn min iqajmu. “Għajtulu kemm tifilħu,” ħeġġiġhom Elija lil dawk l-​impusturi. Jidher ċar li hu ra din il-​qima taʼ Bagħal bħala farsa bla sens, u ried lill-​poplu t’Alla jirrealizza li ma kienet xejn ħlief qerq.—1 Slat. 18:26, 27.

15. Il-​każ tal-​qassisin taʼ Bagħal kif juri li tkun bluha jekk nagħżlu kwalunkwe sid ieħor minflok lil Ġeħova?

15 Għal dan, il-​qassisin taʼ Bagħal iktar qabdithom ferneżija, “u bdew jgħajtulu kemm jifilħu u jqattgħu ġisimhom stess skond id-​drawwa tagħhom bl-​istalletti u l-​lanez, sakemm ħarġu d-​demm li beda jċarċar fuqhom.” Imma kollu għalxejn! “Baqaʼ ma nstemaʼ l-​ebda leħen, u ħadd ma wiġibhom, u ħadd ma ta kashom.” (1 Slat. 18:28, 29) Tabilħaqq, ma kien hemm ebda Bagħal. Dan kien invenzjoni taʼ Satana bl-​iskop li jbiegħed lin-​nies lil hinn minn Ġeħova. Il-​verità hi li jekk nagħżlu xi sid ieħor minflok lil Ġeħova se nkunu diżappuntati u mġegħlin nistħu.—Aqra Salm 25:3; 115:4-​8.

It-​Tweġiba

16. (a) Il-​mod kif Elija sewwa l-​artal taʼ Ġeħova fuq il-​Muntanja Karmel fiex setaʼ fakkar lin-​nies? (b) Elija kif kompla juri l-​fiduċja li kellu f’Alla tiegħu?

16 Iktar tard waranofsinhar kien imiss lil Elija biex joffri sagrifiċċju. Hu sewwa l-​artal taʼ Ġeħova li kien ġie mġarraf, bla dubju  mill-​għedewwa tal-​qima pura. Hu uża 12-​il ġebla, u b’hekk forsi fakkar lil ħafna mill-​ġens tal-​10 tribujiet taʼ Iżrael li xorta waħda kienu għadhom taħt il-​Liġi li kienet ngħatat lit-​12-​il tribù kollha kemm huma. Imbagħad qiegħed is-​sagrifiċċju tiegħu fuq l-​artal u qalilhom biex ixarrbu kollox bl-​ilma, li x’aktarx ġabuh mill-​Baħar Mediterran li kien fil-​viċin. Hu saħansitra qalilhom biex iħaffru gandott madwar l-​artal u jimlewh bl-​ilma. Bħalma lill-​profeti taʼ Bagħal kien tahom kull vantaġġ, bl-​istess mod ta lil Ġeħova kull żvantaġġ—tant kemm kellu fiduċja f’Alla tiegħu.—1 Slat. 18:30-​35.

It-​talba t’Elija wriet li xorta kien għadu jimpurtah minn niesu, għax kien ħerqan biex jara lil Ġeħova jreġġgħalhom “qalbhom lura”

17. It-​talba t’Elija kif uriet xi prijoritajiet kellu, u kif nistgħu nimitaw l-​eżempju tiegħu fit-​talb tagħna?

17 Meta kollox kien lest, Elija qal talba. Din it-​talba sempliċi imma qawwija wriet ċar x’kienu l-​prijoritajiet t’Elija. L-​ewwel u qabel kollox, hu ried li jsir magħruf li Ġeħova, u mhux dan Bagħal, kien “Alla f’Israel.” It-​tieni, hu ried lil kulħadd ikun jaf li l-​irwol tiegħu kien dak taʼ qaddej taʼ Ġeħova; il-​glorja u l-​krettu kellhom jingħataw kollha lil Alla. Fl-​aħħar, hu wera li xorta kien għadu jimpurtah minn niesu, għax kien ħerqan biex jara lil Ġeħova jreġġgħalhom “qalbhom lura.” (1 Slat. 18:36, 37) Minkejja l-​miżerja kollha li kienu ġabu fuqhom bin-​nuqqas taʼ fedeltà tagħhom, Elija kien għadu jħobbhom. Meta nitolbu lil Alla, nistgħu aħna nuru l-​istess umiltà, tħassib għall-​isem t’Alla, kif ukoll mogħdrija lejn dawk li jeħtieġu l-​għajnuna?

18, 19. (a) Ġeħova kif wieġeb it-​talba t’Elija? (b) Elija x’ordnalhom jagħmlu lin-​nies, u l-​qassisin taʼ Bagħal għala ma kien jistħoqqilhom ebda ħniena?

18 Qabel it-​talba t’Elija, il-​folol li kienu hemmhekk forsi kienu qed jaħsbuha jekk Ġeħova kienx se jirriżulta li hu gidba fiergħa bħalma wera li kien Bagħal. Iżda wara t-​talba ma kienx hemm ħin għad-​dubji. Ir-​rakkont jgħid: “Għal dan, in-​nar taʼ Ġeħova niżel u ħataf l-​offerta tal-​ħruq u l-​ħatab u l-​ġebel u t-​trab, u xorob l-​ilma tal-​gandott.” (1 Slat. 18:38) Xi tweġiba spettakolari! U n-​nies kif irreaġixxew?

“Għal dan, in-nar taʼ Ġeħova niżel”

19 “Ġeħova hu l-​Alla l-​veru! Ġeħova hu l-​Alla l-​veru!” għajtu lkoll kemm huma. (1 Slat. 18:39) Fl-​aħħar raw il-​verità. Madankollu, s’issa kienu għadhom ma wrew ebda fidi. Ngħiduha kif inhi, imbilli ammettew li Ġeħova huwa l-​Alla l-​veru, wara li kienu raw in-​nar nieżel mis-​sema bi tweġiba għat-​talba t’Elija, ma kinux  qed jagħmlu xi turija impressjonanti tal-​fidi. Għalhekk, Elija talabhom jagħmlu xi ħaġ’oħra. Hu talabhom jagħmlu dak li suppost kellhom jagħmlu ħafna snin qabel—jobdu l-​Liġi taʼ Ġeħova. Il-​Liġi t’Alla kienet tgħid li l-​profeti foloz u l-​idolatri kellhom jingħataw il-​mewt. (Dt. 13:5-​9) Dawn il-​qassisin taʼ Bagħal kienu għedewwa akkaniti t’Alla Ġeħova u minn jeddhom kienu ħadmu kontra l-​iskopijiet tiegħu. Kienu dawn jistħoqqilhom li jintwerew ħniena? Sewwa, xi ħniena qatt urew maʼ dawk it-​tfal innoċenti kollha li ġew maħruqin ħajjin bħala sagrifiċċji lil Bagħal? (Aqra Proverbji 21:13; Ġer. 19:5) Dawn l-​irġiel ma kien jistħoqqilhom ebda ħniena! Għaldaqstant, Elija ordna li jiġu maqtulin, u fil-​fatt hekk sar.—1 Slat. 18:40.

20. It-​tħassib tal-​kritiċi tal-​lum dwar l-​esekuzzjoni li Elija għamel tal-​qassisin taʼ Bagħal, għala m’għandu ebda bażi?

20 Il-​kritiċi tal-​lum għandhom mnejn jikkundannaw il-​mod kif intemmet din il-​prova fuq il-​Muntanja Karmel. Xi nies jistgħu jinkwetaw li xi reliġjużi fanatiċi jużaw din il-​konklużjoni biex jiġġustifikaw atti vjolenti taʼ intolleranza reliġjuża. U b’sogħba, illum il-​ġurnata hawn ħafna fanatiċi reliġjużi vjolenti. Iżda Elija ma kienx fanatiku. Hu kien qed jaġixxi għan-​nom taʼ Ġeħova f’esekuzzjoni ġusta. Iżjed minn hekk, il-​Kristjani ġenwini jafu li huma ma jistgħux jagħmlu bħal Elija u jaqbdu u joqtlu lin-​nies il-​ħżiena. Minflok, huma jsegwu l-​prinċipju għad-​dixxipli kollha taʼ Ġesù li nsibuh fil-​kliem li Kristu qal lil Pietru: “Erġaʼ daħħal sejfek f’postu, għax kulmin jaqbad is-​sejf, bis-​sejf jinqered.” (Mt. 26:52) Fil-​futur, Ġeħova se juża lil Ibnu biex iwettaq ġustizzja divina.

21. L-​eżempju t’Elija għala hu wieħed tajjeb għall-​Kristjani veri llum?

21 Ir-​responsabbiltà taʼ Kristjan veru hi li jgħix ħajja taʼ fidi. (Ġw. 3:16) Mod wieħed kif jagħmel dan hu billi jimita lil nies leali bħal Elija. Dan qiem biss lil Ġeħova u ħeġġeġ lil oħrajn jagħmlu bħalu. B’mod qalbieni, hu kixef il-​qerq taʼ reliġjon li ntużat minn Satana biex iħajjar lin-​nies jitbiegħdu minn Ġeħova. U hu ħalla f’idejn Ġeħova biex isolvi l-​kwistjoni, u ma qagħadx fuq l-​abbiltajiet u r-​rieda tiegħu stess. Elija ddefenda l-​qima pura. Jalla lkoll kemm aħna nimitaw il-​fidi tiegħu!

^ par. 9 Il-​Muntanja Karmel ġeneralment tkun tħaddar u fertili, peress li l-​irjieħ li jiġu minn fuq il-​baħar iġibu magħhom ħafna umdità, u huma u telgħin ’il fuq taʼ spiss iħallu warajhom ħalbiet tax-​xita u ħafna nida. Peress li Bagħal kien jingħata l-​krettu għax-​xita, din il-​muntanja evidentement kienet post importanti għall-​qima taʼ Bagħal. Għaldaqstant, issa li Karmel kienet post niexef u vojt, ma setax ikun hemm post aħjar biex jintwera kemm kienet falza l-​qima taʼ Bagħal.

^ par. 12 Taʼ min jinnota li Elija qalilhom biex ma ‘jagħtuhx in-​nar’ is-​sagrifiċċju. Xi studjużi jgħidu li dawn l-​idolatri kultant kienu jużaw artali li kien ikollhom ħofra moħbija taħthom sabiex in-​nar ikun jidher li qisu tqabbad b’xi qawwa sopranaturali.