Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU TNEJN

“Mexa ma’ l-Alla l-Veru”

“Mexa ma’ l-Alla l-Veru”

1, 2. Noè u familtu f’liema proġett kienu involuti, u x’kienu xi ftit mill-​isfidi li ħabbtu wiċċhom magħhom?

NOÈ ddritta u tmattar għax kien qed iħossu rmazzat. Immaġinah bilqiegħda fuq travu wiesaʼ tal-​injam jistrieħ naqra minn xogħlu hu u josserva l-​istruttura immensa tal-​arka. Fl-​arja kien hemm riħa qawwija taʼ qatran. Il-​ħsejjes tal-​għodda fuq l-​injam kienu qed jidwu maʼ kullimkien. Minn fejn kien qiegħed bilqiegħda, Noè setaʼ jara lil uliedu jaħdmu iebes fuq diversi partijiet mill-​qafas enormi tal-​injam. Uliedu, in-​nisa tagħhom, u l-​għażiża martu stess, issa lkoll kienu ilhom jaħdmu miegħu fuq dan il-​proġett għal għaxriet taʼ snin. Kienu waslu iktar minn nofs triq, imma kien għad fadlilhom ħafna x’jaqdfu biex ilestu x-​xogħol!

2 In-​nies taʼ dawk l-​inħawi kienu jgħodduhom bi mġienen. Iktar ma l-​istruttura bdiet tieħu s-​sura taʼ arka, iktar in-​nies bdew jiddieħqu bl-​idea li l-​art kollha kienet se tintlaqat minn dilluvju. Id-​diżastru li Noè baqaʼ jwissihom dwaru kien jinstemaʼ esaġerat u assurd! Ma setgħux jifhmu kif raġel setaʼ jaħli ħajtu—u ħajjet familtu—fi proġett tant bla sens. Madankollu, il-​ħarsa taʼ Ġeħova, l-​Alla taʼ Noè, kienet differenti għalkollox lejn Noè.

3. Noè f’liema sens mexa m’Alla?

3 Il-​Kelma t’Alla tgħid: “Noè mexa maʼ l-​Alla l-​veru.” (Aqra Ġenesi 6:9.) Dan x’kien ifisser? Ma kienx ifisser li Alla mexa fuq l-​art, u lanqas li Noè b’xi mod mar fis-​sema. Minflok, Noè tant kien ubbidjenti lejn Alla tiegħu u tant kien iħobbu mill-​qalb li kien bħallikieku hu u Ġeħova mxew flimkien bħala ħbieb. Eluf taʼ snin wara, il-​Bibbja qalet hekk dwar Noè: ‘Permezz tal-​fidi tiegħu kkundanna lid-​dinja.’ (Ebr. 11:7) B’liema mod? X’nistgħu nitgħallmu aħna llum mill-​fidi tiegħu?

Raġel bla Ħtija f’Dinja mill-​Agħar

4, 5. Fi żmien Noè, id-​dinja kif kienet marret mill-​ħażin għall-​agħar?

4 Noè kien jgħix f’dinja li kienet sejra mill-​ħażin għall-​agħar. Anki fi żmien bużnannuh Enok, raġel ġust ieħor li mexa m’Alla, kien hemm il-​ħażen. Enok kien bassar li kien ġej jum taʼ ġudizzju fuq in-​nies mill-​agħar. Issa, fi żmien Noè, il-​ħażen kien bil-​wisq iktar gravi. Fil-​fatt, mill-​ħarsa taʼ Ġeħova, l-​art kienet rovinata  għax kienet imtliet bil-​vjolenza. (Ġen. 5:22; 6:11; Ġuda 14, 15) X’kien ġara biex l-​affarijiet iggravaw daqshekk?

5 Kienet ġrat waħda tinkiteb fost l-​anġli. Wieħed minnhom diġà kien irribella kontra Ġeħova u sar Satana x-​Xitan billi ġab tmaqdir fuq Alla u waqqaʼ lil Adam u Eva fid-​dnub. Fi żmien Noè, anġli oħrajn bdew jiħduha kontra l-​ħakma ġusta taʼ Ġeħova. Dawn ħallew l-​inkarigi tagħhom fis-​sema, niżlu fuq l-​art, ħadu sura taʼ bniedem, u ħadu nisa sbieħ bħala marthom. Dawn l-​anġli kburin, egoisti, u ribellużi kienu taʼ influwenza qerrieda fuq il-​bnedmin.—Ġen. 6:1, 2; Ġuda 6, 7.

6. In-​Nefilim kif effettwaw il-​kundizzjonijiet tad-​dinja, u Ġeħova xi ddeċieda li jagħmel?

6 Iktar minn hekk, ir-​relazzjonijiet kontra n-​natura bejn l-​anġli b’sura taʼ bniedem u n-​nisa umani pproduċew ulied taʼ nisel imħallat taʼ kobor u saħħa straordinarji. Il-​Bibbja ssejħilhom Nefilim, kelma li letteralment tfisser “Dawk li Jwaqqgħu lil Oħrajn.” Taʼ bulijiet ħorox li kienu, in-​Nefilim komplew jiggravaw il-​kundizzjonijiet tad-​dinja. Mhux taʼ b’xejn li l-​Ħallieq ħass li “l-​ħażen tal-​bniedem kien kotran fuq l-​art u kull inklinazzjoni tal-​ħsibijiet taʼ qalbu kienet biss ħażina l-​ħin kollu.” Ġeħova ddeċieda li jeqred lil dik is-​soċjetà taʼ nies mill-​agħar fi żmien 120 sena.—Aqra Ġenesi 6:3-​5.

7. Noè u martu ffaċċjaw liema sfida biex jipproteġu lil uliedhom mill-​influwenzi mill-​agħar taʼ dak iż-​żmien?

7 Immaġina li qed tipprova trabbi familja f’dinja bħal dik! Madankollu, Noè hekk għamel. Hu sab mara tajba. Wara li Noè  għalaq 500 sena, martu wilditlu tliet ulied—Sem, Ħam, u Ġafet. * Flimkien, il-​ġenituri kellhom jipproteġu lil uliedhom mill-​influwenzi mill-​agħar taʼ madwarhom. Is-​subien żgħar għandhom tendenza li jaffaxxinaw ruħhom u jammiraw uħud “setgħanin” u “rġiel taʼ fama”—u n-​Nefilim kienu proprju hekk. Noè u martu ma setgħux jipproteġu lil uliedhom minn kulma għamlu dawn il-​ġganti, imma setgħu jgħallmuhom il-​verità mill-​isbaħ dwar Alla Ġeħova, il-​wieħed li jobgħod il-​ħażen kollu. Kellhom jgħinu lil uliedhom jaraw li Ġeħova ħassu mweġġaʼ minħabba l-​vjolenza u r-​ribelljoni fid-​dinja.—Ġen. 6:6.

Noè u martu kellhom jipproteġu lil uliedhom minn influwenzi ħżiena

8. Ġenituri għaqlin illum kif jistgħu jimitaw l-​eżempju taʼ Noè u martu?

8 Il-​ġenituri llum jistgħu jifhmuhom lil Noè u lil martu. Id-​dinja tal-​lum ukoll hi miżgħuda bil-​vjolenza u r-​ribelljoni. Fil-​bliet spiss issib bosta klikek taʼ żgħażagħ ribellużi. Anki d-​divertiment li hu mmirat lejn it-​tfal żgħar jistaʼ jkun fih ħafna vjolenza. Ġenituri għaqlin jagħmlu kulma jistgħu biex jegħlbu dawn l-​influwenzi billi jgħallmu lil uliedhom dwar Ġeħova, l-​Alla tal-​paċi, li xi darba se jtemm il-​vjolenza kollha. (Salm 11:5; 37:10, 11) Noè u martu rnexxielhom. U int jistaʼ jirnexxilek ukoll! Uliedhom kibru, saru rġiel tajbin, u żżewġu nisa li bħalhom kienu lesti li jpoġġu lill-​Alla l-​veru, Ġeħova, l-​ewwel f’ħajjithom.

“Agħmel Għalik Arka”

9, 10. (a) Liema kmand mingħand Ġeħova biddel il-​ħajja taʼ Noè? (b) Ġeħova xi rrivelalu lil Noè dwar id-​disinn u l-​iskop tal-​arka?

9 Jum fost l-​oħrajn, ħajjet Noè tbiddlet darba għal dejjem. Ġeħova kellem lil dan il-​qaddej maħbub u qallu dwar l-​iskop Tiegħu li jġib tmiem għad-​dinja taʼ dak iż-​żmien. Alla kkmanda lil Noè: “Agħmel għalik arka mill-​injam tas-​siġra tar-​raża.”—Ġen. 6:14.

10 Din l-​arka ma kinitx xi vapur, bħalma jaħsbu ħafna nies. La kellha pruwa u lanqas poppa, la tmun u lanqas tondjaturi. Bażikament, kienet kaxxa kbira ħafna. Lil Noè, Ġeħova tah il-​qisien eżatti tal-​arka, xi dettalji dwar id-​disinn tagħha, u direzzjonijiet biex jiksiha minn ġewwa u minn barra bil-​qatran. U qal lil Noè għala: “Jien arani se nġib dilluvju taʼ ilmijiet fuq l-​art . . . Kulma hemm fuq l-​art imut.” Iżda Ġeħova għamel dan il-​patt, jew ftehim formali, maʼ Noè: “Trid tidħol fl-​arka, int u wliedek u martek u n-​nisa taʼ wliedek miegħek.” Noè kellu wkoll iġib ammont  t’annimali minn kull speċi. Dawk biss abbord l-​arka setgħu jsalvaw mid-​Dilluvju li kien ġej!—Ġen. 6:17-​20.

Noè u familtu jaħdmu flimkien biex iwettqu l-kmandi t’Alla

11, 12. Noè liema biċċa xogħol ġmielha kellu quddiemu, u kif laqagħha din l-​isfida?

11 Noè kellu biċċa xogħol ġmielha quddiemu. Din l-​arka kellha tkun enormi—b’tul taʼ xi 133 metru, wisaʼ taʼ xi 22 metru, u għoli taʼ xi 13-​il metru. Kienet bil-​wisq akbar minn grawnd tal-​futbol. Ipprova Noè jaħrab minn dan l-​inkarigu, igerger minħabba l-​isfidi li kellu, jew ibiddel id-​dettalji b’tali mod li jkun iktar jaqbel lilu? Il-​Bibbja twieġeb: “Noè għamel skond kulma kien ordnalu Alla. Għamel preċiż hekk.”—Ġen. 6:22.

12 B’kollox, ix-​xogħol ħa għaxriet taʼ snin, forsi bejn 40 u 50 sena. Kellhom iqaċċtu s-​siġar, iqandlu z-​zkuk, u jaqtgħu, jifformaw, u jġonġu flimkien it-​travi. L-​arka kellu jkun fiha tliet sulari, jew gverti, għadd taʼ kumpartimenti, u bieb f’ġenb minnhom. Milli jidher kellha t-​twieqi lejn in-​naħa taʼ fuq, kif ukoll saqaf li x’aktarx kien iktar għoli lejn in-​nofs u mbagħad immejjel mal-​ġnub sabiex l-​ilma jkun jistaʼ jibqaʼ nieżel.—Ġen. 6:14-​16.

13. Liema aspett mix-​xogħol taʼ Noè setaʼ kien iktar taʼ sfida mill-​bini nnifsu tal-​arka, u n-​nies kif irreaġixxew?

13 Hekk kif gerbu s-​snin u l-​istruttura bdiet tieħu s-​sura taʼ arka, min jaf Noè kemm ħassu kuntent li kellu l-​appoġġ taʼ familtu! Kien hemm aspett ieħor tax-​xogħol li setaʼ kien saħansitra iktar taʼ sfida mill-​bini nnifsu tal-​arka. Il-​Bibbja tgħidilna li Noè kien “predikatur tal-​ġustizzja.” (Aqra t-​2 Pietru 2:5.) Għalhekk, b’kuraġġ ħa t-​tmexxija biex lil dawk in-​nies mill-​agħar li ma kellhomx il-​biżaʼ t’Alla jipprova jwissihom dwar il-​qerda li kienet ġejja fuqhom. Kif irreaġixxew? Ġesù Kristu iktar tard ftakar f’dak iż-​żmien billi qal li dawk in-​nies “ma tawx kas.” Hu qal li tant kienu medhijin fl-​affarijiet taʼ kuljum—jieklu, jixorbu, u jiżżewġu—li ma tawx kas Noè. (Mt. 24:37-​39) Bla dubju, ħafna wħud waqqgħu għaċ-​ċajt lilu u lill-​familja tiegħu; xi wħud għandhom mnejn heddewh u opponewh b’mod vjolenti. Forsi pprovaw ukoll jagħmlu ħsara lill-​proġett tal-​bini.

Minkejja evidenza li Alla kien qed ibierek lil Noè, in-nies waqqgħuh għaċ-ċajt u injoraw il-messaġġ tiegħu

14. Il-​familji Kristjani llum x’jistgħu jitgħallmu minn Noè u familtu?

14 Iżda Noè u l-​familja tiegħu qatt ma qatgħu qalbhom. Huma baqgħu għaddejjin bil-​bini tal-​arka avolja f’għajnejn in-​nies taʼ madwarhom Noè u familtu kienu qed jagħmlu xi ħaġa taʼ ftit li xejn importanza, bla skop, u bla sens. B’hekk, il-​familji Kristjani llum jistgħu jitgħallmu ħafna mill-​fidi taʼ Noè u familtu. Wara kollox, aħna qed ngħixu f’dawk li l-​Bibbja ssejħilhom “l-​aħħar jiem” taʼ din is-​sistema dinjija. (2 Tim. 3:1) Ġesù qal li żmienna kellu jkun bħaż-​żmien li fih Noè bena l-​arka.  Jekk in-​nies tad-​dinja jirreaġixxu għall-​messaġġ tas-​Saltna t’Alla b’apatija, twaqqigħ għaċ-​ċajt, jew saħansitra persekuzzjoni, il-​Kristjani jagħmlu tajjeb li jżommu f’moħħhom lil Noè. Mhumiex l-​ewwel uħud li qed jiffaċċjaw dawn l-​isfidi.

“Idħlu fl-​Arka”

15. Noè lil min tilef fil-​mewt hekk kif kien qed joqrob is-​600 sena?

15 Għaddew għaxriet taʼ snin u bil-​mod il-​mod l-​arka tlestiet u kienet kompluta minn kollox. Hekk kif Noè kien qed joqrob is-​600 sena, tilef lil xi wħud għeżież fil-​mewt. Missieru, Lamek, miet. * Ħames snin wara, missier Lamek—Metuselaħ, li kien jiġi n-​nannu taʼ Noè, miet fl-​età taʼ 969 sena. Skont il-​Bibbja, dan kien l-​iktar raġel li għex. (Ġen. 5:27) Kemm Metuselaħ u kemm Lamek għexu fl-​istess żmien tal-​ewwel bniedem, Adam.

16, 17. (a) Noè liema messaġġ ġdid irċieva meta kellu 600 sena? (b) Iddeskrivi x-​xena li raw Noè u familtu.

16 Meta kellu 600 sena, il-​patrijarka Noè rċieva messaġġ ġdid mingħand Alla Ġeħova: “Idħlu fl-​arka, int u n-​nies kollha taʼ darek.” Fl-​istess ħin, Alla qal lil Noè biex idaħħal l-​ispeċi kollha tal-​annimali fl-​arka—sebgħa sebgħa fil-​każ taʼ dawk nodfa, ħalli jintużaw għas-​sagrifiċċji, u l-​bqija tnejn tnejn.—Ġen. 7:1-​3.

17 Kienet xena li mhux la kemm wieħed jinsieha. Bdew deħlin  bil-​gzuz—jimxu, itiru, jaqbżu, jitkaxkru—kollha b’varjetà affaxxinanti taʼ qisien u forom; uħud mansi u oħrajn salvaġġi. Noè ma kellux għalfejn jissielet biex jikkontrolla lil dawk l-​annimali salvaġġi jew jipprova juża ż-​żegħil biex idaħħalhom fl-​ispazju limitat tal-​arka. Ir-​rakkont jgħid li “daħlu għand Noè fl-​arka.”—Ġen. 7:9.

18, 19. (a) Kif nistgħu nirraġunaw dwar il-​mistoqsijiet li x-​xettiċi jqajmu dwar il-​ġrajjiet fir-​rakkont taʼ Noè? (b) Kif naraw l-​għerf taʼ Ġeħova mill-​mod kif għażel li jsalva lill-​annimali?

18 Xi wħud xettiċi għandhom mnejn jistaqsu: ‘Xi ħaġa bħal din kif setgħet tiġri? U dawk l-​annimali kollha kif setgħu jgħixu flimkien fil-​paċi fi spazju limitat?’ Ikkunsidra: Taħseb li huwa impossibbli li l-​Ħallieq tal-​univers kollu jikkontrolla l-​annimali, u saħansitra jimmansahom jekk ikun hemm bżonn? Ftakar li Ġeħova huwa l-​Alla li ħalaq l-​annimali. Ħafna żmien wara, hu kien ukoll fired il-​Baħar l-​Aħmar u waqqaf ix-​xemx. Ma setax hu jġiegħel li sseħħ kull ħaġa msemmija fir-​rakkont taʼ Noè? Tabilħaqq, hu setaʼ, u hekk għamel!

19 M’għandniex xi ngħidu, Alla setaʼ għażel li jsalva lill-​annimali b’xi mod ieħor. Iżda b’għaqal hu għażel mod li jfakkarna fil-​fiduċja li oriġinalment poġġa fil-​bnedmin biex jieħdu ħsieb il-​ħlejjaq ħajjin kollha fuq din l-​art. (Ġen. 1:28) B’hekk, ħafna ġenituri llum jużaw l-​istorja taʼ Noè biex jgħallmu lil uliedhom li Ġeħova jgħożż lill-​annimali u lin-​nies li ħalaq.

20. Noè u familtu f’liema xogħol setgħu kienu medhijin matul l-​aħħar ġimgħa qabel id-​Dilluvju?

20 Ġeħova qal lil Noè li d-​Dilluvju kellu jibda fi żmien ġimgħa.  Min jaf kemm kellha x’tagħmel il-​familja! Immaġina x-​xogħol kollu involut biex jiddaħħlu l-​annimali kollha, jiġi stivat bl-​ordni l-​għalf tal-​annimali u l-​ikel għall-​familja, u jittellgħu abbord l-​affarijiet persunali tal-​familja. Mart Noè u n-​nisa taʼ Sem, Ħam, u Ġafet probabbilment kienu medhijin joħolqu ambjent li fih setgħu jgħixu komdi fl-​arka.

21, 22. (a) Għala m’għandniex niħduha bi kbira li n-​nies urew apatija fi żmien Noè? (b) It-​twaqqigħ għaċ-​ċajt li ġarrbu Noè u familtu min-​nies taʼ madwarhom meta waqaf?

21 In-​nies taʼ madwarhom x’għamlu? Huma xorta “ma tawx kas”—avolja raw biċ-​ċar li Ġeħova kien qed ibierek lil Noè u x-​xogħol tiegħu. Ma setgħux ma jinnotawx l-​annimali deħlin bil-​gzuz fl-​arka. Imma m’għandniex niħduha bi kbira li wrew apatija. Bl-​istess mod, in-​nies illum ma jagħtux kas l-​għadd kbir taʼ evidenzi li issa qed ngħixu fl-​aħħar jiem taʼ din is-​sistema dinjija. U bħalma bassar l-​appostlu Pietru, in-​nies li jwaqqgħu kollox għaċ-​ċajt qed jiddieħqu b’dawk li jagħtu kas it-​twissija t’Alla. (Aqra t-​2 Pietru 3:3-​6.) Bl-​istess mod, in-​nies żgur li żżuffjettaw b’Noè u l-​familja tiegħu.

22 It-​twaqqigħ għaċ-​ċajt meta waqaf? Ir-​rakkont jgħidilna li ladarba Noè kien daħħal il-​familja u l-​annimali tiegħu fl-​arka, “Ġeħova għalaq il-​bieb warajh.” Jekk fil-​viċin kien hemm xi nies li jwaqqgħu għaċ-​ċajt, din l-​azzjoni divina żgur li għalqitilhom ħalqhom. Jekk le, xħin raw ix-​xita kellhom jemmnu! U x-​xita bdiet nieżla u baqgħet nieżla bla heda u għarrqet lid-​dinja, proprju bħalma kien qal Ġeħova.—Ġen. 7:16-​21.

23. (a) Kif nafu li Ġeħova ma ħax pjaċir bil-​mewt tan-​nies mill-​agħar fi żmien Noè? (b) Għala hu għaqli llum li nimitaw il-​fidi taʼ Noè?

23 Ħa pjaċir Ġeħova bil-​mewt taʼ dawn in-​nies mill-​agħar? Le! (Eżek. 33:11) Għall-​kuntrarju, hu kien tahom biżżejjed ċans biex iduru lura minn triqathom u jagħmlu t-​tajjeb. Setgħu jagħmlu hekk? Il-​ħajja taʼ Noè hi t-​tweġiba għal din il-​mistoqsija. Peress li mexa maʼ Ġeħova billi obdieh f’kollox, Noè wera li s-​salvazzjoni kienet possibbli. Kien f’dan is-​sens li bil-​fidi kkundanna lid-​dinja taʼ żmienu. Il-​fidi tiegħu pproteġiet lilu u lil familtu. Jekk timita l-​fidi taʼ Noè, int tistaʼ bl-​istess mod issalva lilek innifsek u lil dawk li tħobb. Bħal Noè, int tistaʼ timxi m’Alla Ġeħova bħala l-​Ħabib tiegħek. U l-​ħbiberija tistaʼ tibqaʼ għal dejjem!

^ par. 7 Lura f’dak iż-​żmien, in-​nies kienu jgħixu bil-​wisq iktar minna llum. L-​għomor twil li kellhom milli jidher kellu rabta mal-​fatt li kienu eqreb lejn il-​vitalità u l-​perfezzjoni li xi darba kienu jgawdu Adam u Eva iżda li mbagħad tilfu.

^ par. 15 Lamek kien semma lil ibnu Noè—li x’aktarx ifisser “Mistrieħ” jew “Konsolazzjoni”—u kien ipprofetizza li Noè kien se jwettaq it-​tifsir taʼ ismu billi jmexxi lill-​umanità lejn mistrieħ mix-​xogħol iebes fuq art misħuta. (Ġen. 5:28, 29) Sakemm dam ħaj, Lamek ma rax it-​twettiq tal-​profezija tiegħu. Jistaʼ jagħti l-​każ li omm u ħut Noè mietu fid-​Dilluvju.