Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU GĦOXRIN

“Jien Nemmen”

“Jien Nemmen”

1. Iddeskrivi kif ħassitha Marta u għala.

MARTA ma setgħetx tneħħi x-​xena minn quddiem għajnejha—il-​qabar taʼ ħuha li kien għar issiġillat b’ġebla fid-​daħla. Id-​diqa tagħha ħassitha bħal toqol kbir fuqha. Bilkemm setgħet temmen li l-​għażiż Lazzru kien miet. L-​erbat ijiem mindu kien ħa l-​aħħar nifs tiegħu ġabu magħhom ħafna luttu, viżitaturi, u kondoljanzi.

2, 3. (a) Xħin rat lil Ġesù, kif x’aktarx li ħassitha Marta? (b) L-​istqarrija importanti taʼ Marta xi wriet dwarha?

2 U issa, quddiem Marta kien hemm ir-​raġel li kien l-​ikbar ħabib taʼ Lazzru. Xħin rat lil Ġesù x’aktarx li iktar ħasset għafsa taʼ qalb għax hu kien l-​uniku individwu fid-​dinja kollha li setaʼ jsalva lil ħuha. Xorta waħda, Marta tfarrġet xi ftit bil-​kumpanija taʼ Ġesù ’l barra mill-​belt żgħira taʼ Betanja. Fil-​ftit ħin li qattgħet miegħu, għal darb’oħra ħassitha mfarrġa u inkuraġġita mill-​qalb tajba u l-​empatija taʼ Ġesù. Hu għamlilha mistoqsijiet li għenuha tiffoka fuq il-​fidi u t-​twemmin tagħha fl-​irxoxt. Il-​konversazzjoni wasslet lil Marta biex tlissen waħda mill-​iktar stqarrijiet importanti li qatt għamlet: “Jien nemmen li int il-​Kristu, l-​Iben t’Alla, Dak li ġie fid-​dinja.”—Ġw. 11:27.

3 Bħalma juri dan il-​kliem, Marta kienet mara taʼ fidi kbira. Il-​ftit tagħrif li l-​Bibbja tagħtina dwarha jgħallimna lezzjonijiet profondi li jistgħu jgħinuna nsaħħu l-​fidi tagħna stess. Biex naraw kif dan hu minnu, ejja nikkunsidraw l-​ewwel rakkont dwar Marta fil-​Bibbja.

“Ansjuża u Mifxula”

4. Il-​familja taʼ Marta b’liema mod ma kinitx tas-​soltu, u x’kienet ir-​relazzjoni tal-​familja maʼ Ġesù?

4 Ftit xhur qabel, Lazzru kien għadu ħaj u f’saħħtu. Daru f’Betanja kienet se tilqaʼ l-​iktar viżitatur importanti—Ġesù Kristu. Lazzru, Marta, u Marija kienu familja mhux tas-​soltu—tliet aħwa adulti li mid-​dehra kienu jgħixu taħt l-​istess saqaf. Xi riċerkaturi jgħidu li Marta setgħet kienet il-​kbira fosthom it-​tlieta peress li donnha kienet hi l-​waħda li laqgħet il-​mistidnin u kultant tissemma l-​ewwel. (Ġw. 11:5) M’hemm ebda mod kif inkunu nafu jekk xi ħadd minnhom it-​tlieta qattx kien miżżewweġ. Kienu jew  ma kinux, huma saru ħbieb tal-​qalb maʼ Ġesù. Matul il-​ministeru tiegħu fil-​Lhudija, fejn iffaċċja ħafna oppożizzjoni u mibegħda, Ġesù qagħad id-​dar tagħhom. Bla dubju, hu apprezzah ferm dak il-​post taʼ mistrieħ u appoġġ.

5, 6. (a) Marta għala kellha ħafna x’tagħmel matul iż-​żjara taʼ Ġesù? (b) Marija x’għamlet meta Ġesù ġie jżurhom f’darhom?

5 Marta kellha ħafna x’tagħmel biex tieħu ħsieb id-​dar u tara li tkun komda u xierqa biex tilqaʼ n-​nies fiha. Kienet mara tassew bieżla u ħabrieka. Din iż-​żjara taʼ Ġesù ma kinitx xi eċċezzjoni. Malajr ippjanat li tħejji ikla speċjali b’ħafna ikel għall-​viżitatur speċjali li kellha, u, forsi, għal xi wħud minn dawk li kienu qed jivvjaġġaw miegħu. Lura f’dak iż-​żmien, l-​ospitalità kienet importanti ferm. Meta kien jasal xi mistieden, kien jiġi milqugħ b’bewsa, kien jitneħħielu s-​sandli, saqajh kienu jiġu maħsulin, u rasu kienet tiġi midluka b’żejt ifuħ u rifreskanti. (Aqra Luqa 7:44-​47.) Kienet id-​drawwa li wieħed jieħu ħsieb sew mistieden u jipprovdilu post xieraq fejn jistrieħ u ikel bnin x’jiekol.

6 Marta u Marija kellhom ħafna x’jagħmlu fit-​tħejjija għaż-​żjara taʼ Ġesù. Marija, li kultant titqies bħala l-​iktar waħda minnhom li kienet sensittiva u li taħseb, żgur li fil-​bidu għenet lil oħtha. Imma wara li wasal Ġesù, l-​affarijiet inbidlu. F’din l-​okkażjoni, hu ħataf l-​opportunità biex jgħallem lil dawk kollha preżenti—u hekk għamel! Kuntrarju għall-​mexxejja reliġjużi taʼ żmienu, Ġesù kien jirrispetta lin-​nisa u kien dejjem lest li jgħallimhom dwar is-​Saltna t’Alla, it-​tema tal-​ministeru tiegħu. Marija, ferħana se ttir b’din l-​opportunità, poġġiet bilqiegħda ħdejn saqajh u qagħdet tixtarr kull kelma li qal.

7, 8. Marta għala bdiet tħoss demmha jbaqbaq, u fl-​aħħar kif esprimiet il-​frustrazzjoni tagħha?

7 Nistgħu biss nimmaġinaw lil Marta demmha jbaqbaq. Bl-​ikel kollu li kellha tipprepara u d-​dmirijiet kollha li kellha twettaq minħabba l-​mistidnin, hi bdiet tħossha iktar u iktar ansjuża u mifxula. Hi u tiġri minn hawn għal hemm fid-​dar u tgħaġġel biex tlesti, bdiet tara lil oħtha bilqiegħda hemm b’idejha fuq żaqqha u ma tagħmel xejn biex tagħtiha daqqa t’id. Tgħid Marta bdiet tbiddel il-​kuluri, tonfoħ, jew tqarras wiċċha? Ma niħduhiex bi kbira jekk għamlet hekk. Ma setgħetx tagħmel dan ix-​xogħol kollu waħedha!

8 Fl-​aħħar, Marta ma felħitx iktar. Qabżet fin-​nofs u interrompiet lil Ġesù billi qaltlu: “Mulej, ma jimpurtakx int li oħti ħallietni nieħu ħsieb kollox waħdi? Għalhekk, għidilha tiġi  tgħinni.” (Lq. 10:40) Kien kliem iebes. Talbet lil Ġesù jikkoreġi lil Marija, biex jordnalha tkompli għaddejja b’xogħolha.

9, 10. (a) Ġesù kif wiġibha lil Marta? (b) Kif nafu li Ġesù ma kienx qed jikkoreġi lil Marta għax kienet qed taħdem iebes fit-​tħejjija taʼ ikla mill-​aqwa?

9 It-​tweġiba taʼ Ġesù setgħet issorprendiet lil Marta, bħalma ssorprendiet lil ħafna qarrejja tal-​Bibbja minn dakinhar ’l hawn. Bil-​ħlewwa, hu qalilha: “Marta, Marta, int ansjuża u mifxula dwar ħafna affarijiet. Iżda ftit affarijiet huma meħtieġa, jew sempliċement ħaġa waħda. Min-​naħa tagħha, Marija għażlet l-​aħjar sehem, u mhux se jittiħdilha.” (Lq. 10:41, 42) Ġesù x’ried ifisser? Kien qed jgħid li Marta kienet tħobb l-​affarijiet materjali iktar milli tħobb lil Alla? Kien qed jikkoreġiha għax kienet qed taħdem iebes fit-​tħejjija taʼ ikla mill-​aqwa?

Għalkemm “ansjuża u mifxula dwar ħafna affarijiet,” Marta aċċettat il-korrezzjoni b’umiltà

10 Le. B’mod ċar, Ġesù ra li l-​motivi taʼ Marta kienu taʼ mħabba u puri. Iktar minn hekk, hu ma ħassx li l-​ospitalità b’mod ġeneruż kienet neċessarjament ħażina. Hu kien attenda minn jeddu “festa kbira” li Mattew kien ħejja apposta għalih ftit żmien qabel. (Lq. 5:29) Il-​problema ma kinitx l-​ikla taʼ Marta; il-​problema kienet il-​prijoritajiet tagħha. Tant kienet mitlufa fl-​ikla elaborata tagħha li nsiet x’kien iktar importanti. X’kien iktar importanti?

Ġesù apprezza l-​ospitalità taʼ Marta, u hu kien jaf li l-​motivi tagħha kienu taʼ mħabba u puri

11, 12. Ġesù kif ikkoreġa lil Marta bil-​ħlewwa?

11 Ġesù, l-​Iben uniġenitu t’Alla Ġeħova, kien fid-​dar taʼ Marta biex jgħallem il-​verità. Xejn, inkluż l-​ikla delizzjuża u t-​tħejjijiet kollha, ma setaʼ jkun iktar importanti. Bla dubju, Ġesù ddispjaċieh li Marta kienet qed titlef opportunità unika biex tissoda l-​fidi tagħha, imma hu ħalla l-​għażla f’idejha. * Madankollu, hi ma kellhiex dritt timponi fuq Marija l-​għażla li titlef l-​opportunità li titgħallem mingħand Ġesù.

12 Għalhekk, hu kkoreġa lil Marta b’ton taʼ ħlewwa biex jikkalmaha għax kienet qed timtela bin-​nervi, u assiguraha li ma kellhiex għalfejn tkun “ansjuża u mifxula dwar ħafna affarijiet.” Ikla sempliċi taʼ platt wieħed jew tnejn kienet biżżejjed, speċjalment meta kien hemm disponibbli festa spiritwali. Mela żgur li ma kienx se  jieħu mingħand Marija “l-​aħjar sehem” li kienet għażlet—li titgħallem mingħand Ġesù!

13. Liema lezzjonijiet nistgħu nitgħallmu mill-​mod kif Ġesù kkoreġa lil Marta?

13 Din ix-​xena fid-​dar hi mogħnija b’tagħlimiet għas-​segwaċi taʼ Kristu llum. M’għandna qatt inħallu xi ħaġa ssir iktar importanti mill-​“bżonn spiritwali” tagħna. (Mt. 5:3) Għalkemm nixtiequ nimitaw l-​attitudni ħabrieka u taʼ ġenerożità li kellha Marta, qatt ma rridu nsiru ‘ansjużi u mifxulin’ dwar l-​inqas parti essenzjali tal-​ospitalità, tant li nitilfu dak li hu l-​iktar importanti. Aħna ma nassoċjawx maʼ sħabna fit-​twemmin biex inservu jew nieklu ikel mill-​ifjen, imma biex ninkuraġġixxu wieħed lil ieħor u nagħtu għotjiet spiritwali lil xulxin. (Aqra Rumani 1:11, 12.) Anki l-​iktar ikla sempliċi tistaʼ toħloq okkażjoni li tkun inkuraġġanti.

 Ħu Għażiż Imut—U Jiġi Rxoxtat

14. Għala nistgħu nkunu ċerti li Marta ħalliet eżempju tajjeb f’li taċċetta l-​korrezzjoni?

14 Marta aċċettatha ċ-​ċanfira bil-​ħlewwa mingħandu u tgħallmet minnha? Bla dubju taʼ xejn. L-​appostlu Ġwanni, meta jintroduċi rakkont eċċitanti dwar ħu Marta, ifakkarna: “Issa Ġesù kien iħobbhom lil Marta u lil oħtha u lil Lazzru.” (Ġw. 11:5) Għaddew ix-​xhur miż-​żjara taʼ Ġesù f’Betanja deskritta hawn fuq. B’mod ċar, Marta ma qagħditx iddendel il-​geddum; ma kinitx qed iżżomm fil-​komma minħabba li Ġesù kien taha parir bl-​imħabba. Hi aċċettat it-​twiddiba. F’din il-​kwistjoni wkoll, hi ħalliet eżempju eċċellenti taʼ fidi għalina, għax min minna kultant ma jkollux bżonn ftit korrezzjoni?

15, 16. (a) Marta kif x’aktarx li rreaġixxiet meta marad ħuha? (b) Marta u Marija għala tilfu kull tama?

15 Meta marad ħuha, Marta żgur li ntefgħet b’ruħha u ġisimha biex tieħu ħsiebu. Għamlet kulma setgħet biex tgħinu jħossu aħjar u iktar komdu. Minkejja dan, Lazzru qaleb għall-​agħar. Sakemm dam marid, ħutu l-​bniet baqgħu miegħu jieħdu ħsiebu. Min jaf Marta kemm-​il darba ħarset fiss lejn wiċċu li kien mixrub, hi u tiftakar fil-​bosta snin li qattgħu flimkien u fil-​ferħ u n-​niket li ġarrbu flimkien!

16 Meta Lazzru kien donnu f’xifer il-​mewt, Marta u Marija bagħtu jgħidu lil Ġesù. Hu kien qed jipprietka xi mkien ’il bogħod; madwar jumejn mixi. Il-​messaġġ tagħhom kien sempliċi: “Mulej, ara! Il-​ħabib għażiż tiegħek marid.” (Ġw. 11:1, 3) Kienu jafu li Ġesù kien iħobbu lil ħuhom, u kellhom fiduċja li kien se jagħmel kulma setaʼ biex jagħmel dak li kien hemm bżonn biex jgħin lill-​ħabib tiegħu. Baqgħu jittamaw li Ġesù jasal qabel ma jkun tard wisq? Jekk iva, kienu qed jittamaw għal xejn. Lazzru miet.

17. X’ġiegħel lil Marta tħossha mifxula, u kif irreaġixxiet meta semgħet li Ġesù kien qed joqrob lejn il-​belt?

17 Flimkien, Marta u Marija bkew it-​telfa taʼ ħuhom u ħadu ħsieb iħejju għad-​difna tiegħu u jilqgħu lill-​ħafna mistidnin minn Betanja u mill-​irħula tal-​madwar. Iżda Ġesù baqaʼ ma tfaċċax. Marta setgħet ħassitha iktar u iktar mifxula hekk kif beda għaddej il-​ħin. Fl-​aħħar, erbat ijiem wara l-​mewt taʼ Lazzru, Marta semgħet li Ġesù kien qed joqrob lejn il-​belt. Minkejja li kellha diqa kbira, Marta ħadet l-​inizjattiva u mingħajr ma qalet lil Marija marret tiġri tiltaqaʼ maʼ Ġesù.—Aqra Ġwanni 11:18-​20.

18, 19. Marta esprimiet liema tama, u l-​fidi tagħha għala kienet tispikka?

 18 Meta Marta lemħet lil Sidha, qalet lil Ġesù bil-​ħsieb li kien ilu ġranet sħaħ jitturmenta lilha u lil Marija: “Mulej, kieku kont hawnhekk ħija ma kienx imut.” Imma Marta xorta kien għad kellha t-​tama u l-​fiduċja li Ġesù setaʼ jagħmel xi ħaġa. Hi kompliet tgħid: “Imma xorta naf li anki issa kulma titlob lil Alla, Alla jagħtihulek.” Ġesù minnufih qal xi ħaġa biex isaħħilha l-​fidi: “Ħuk iqum.”—Ġw. 11:21-​23.

19 Marta ħasbet li Ġesù kien qed jitkellem dwar l-​irxoxt fil-​futur, u għalhekk wieġbet: “Naf li jqum fl-​irxoxt fl-​aħħar jum.” (Ġw. 11:24) Il-​fidi tagħha f’dan it-​tagħlim kienet tispikka. Xi mexxejja reliġjużi Lhud, li kienu jissejħu Sadduċej, kienu jiċħdu li kien se jkun hemm irxoxt, għalkemm kien tagħlim ċar fl-​Iskrittura ispirata. (Dan. 12:13; Mk. 12:18) Iżda Marta kienet taf li Ġesù għallem dwar it-​tama tal-​irxoxt u saħansitra kien irxoxta lil  xi individwi—għalkemm ma rxoxta lil ħadd li kien ilu mejjet daqs Lazzru. Ma kinitx taf x’hemm jistennieha.

20. Spjega xi tfisser l-​istqarrija taʼ Ġesù li ma tintesiex kif imniżżla fi Ġwanni 11:25-​27 u x’kienet it-​tweġiba taʼ Marta.

20 Ġesù mbagħad għamel stqarrija li ma tintesiex: “Jien l-​irxoxt u l-​ħajja.” Tabilħaqq, Alla Ġeħova ta lil Ibnu l-​awtorità li jwettaq l-​irxoxt fuq skala globali fil-​futur. Ġesù staqsa lil Marta: “Temmnu dan?” Imbagħad hi tat it-​tweġiba li ġiet diskussa fil-​bidu taʼ dan il-​kapitlu. Hi kellha fidi li Ġesù kien il-​Kristu, jew il-​Messija, li kien l-​Iben t’Alla Ġeħova, u li kien il-​wieħed li l-​profeti kienu bassru li se jiġi fid-​dinja.—Ġw. 5:28, 29; aqra Ġwanni 11:25-​27.

21, 22. (a) Ġesù kif wera s-​sentimenti tiegħu lejn dawk li jibku t-​telfa taʼ xi ħadd fil-​mewt? (b) Iddeskrivi l-​irxoxt taʼ Lazzru.

21 Alla Ġeħova u Ibnu, Ġesù Kristu, iqisu l-​fidi bħalma kellha Marta taʼ valur? Il-​ġrajjiet li mbagħad iseħħu quddiem għajnejn Marta jipprovdu tweġibiet ċari daqs il-​kristall. Hi marret tiġri ssejjaħ lil oħtha. Imbagħad rat li Ġesù ħassu tassew imnikket xħin beda jkellem lil Marija u lill-​bosta nies li kienu qed jibku t-​telfa taʼ Lazzru magħha. Hi rat għajnejh jimtlew bid-​dmugħ hekk kif wera bil-​miftuħ in-​niket kbir tiegħu minħabba l-​uġigħ li tikkaġuna l-​mewt. Hi semgħet lil Ġesù jordna li l-​ġebla tiċċaqlaq minn quddiem il-​qabar taʼ ħuha.—Ġw. 11:28-​39.

22 Marta, taʼ mara realistika li kienet, oġġezzjonat għax qalet li l-​ġisem żgur li niten wara erbat ijiem minn mewtu. Ġesù fakkarha: “M’għedtlekx li jekk temmen tara l-​glorja t’Alla?” Hi emmnet, u rat il-​glorja t’Alla Ġeħova għax proprju dak il-​ħin ta s-​setgħa lil Ibnu biex jerġaʼ jagħti l-​ħajja lil Lazzru! Min jaf kemm kien hemm mumenti li baqgħu stampati f’moħħ Marta għall-​bqija taʼ ħajjitha: il-​kmand taʼ Ġesù, “Lazzru, oħroġ!”; il-​ħoss mill-​bogħod taʼ Lazzru ġej mill-​għar fejn kien midfun hekk kif qam u bil-​mod il-​mod beda ħiereġ, kollu nfaxxat, mid-​daħla tal-​għar; il-​kmand taʼ Ġesù “ħolluh u ħalluh imur”; u, fl-​aħħar u mhux l-​inqas, it-​tgħanniqa b’estasi taʼ ferħ hekk kif Marta u Marija marru jiġru jgħannqu lil ħuhom. (Aqra Ġwanni 11:40-​44.) Marta ħassitu jgħib it-​toqol tad-​diqa tagħha!

Il-fidi taʼ Marta f’Ġesù ġiet imbierka meta hi u Marija raw lil ħuhom jiġi rxoxtat

23. Ġeħova u Ġesù x’jixtiequ jagħmlu għalik, u x’għandek bżonn tagħmel int?

23 Dan ir-​rakkont juri li l-​irxoxt tal-​mejtin mhuwiex sempliċi ħolma; huwa tagħlim mill-​Bibbja li jqawwi l-​qalb u realtà storika li ġiet provata. (Ġob 14:14, 15) Ġeħova u Ibnu jħobbu jippremjaw lil dawk li juru l-​fidi, bħalma għamlu fil-​każ taʼ Marta,  Marija, u Lazzru. Se jippremjaw lilek ukoll jekk tibni fidi b’saħħitha.

“Marta Kienet Qed Isservihom”

24. X’inhi l-​aħħar ħaġa li tgħid il-​Bibbja dwar Marta?

24 Il-​Bibbja ssemmi lil Marta darb’oħra biss. Kien fil-​bidu tal-​aħħar ġimgħa tal-​ħajja taʼ Ġesù fuq l-​art. Peress li kien jaf liema tbatijiet kienu qed jistennewh, Ġesù għal darb’oħra għażel li jmur id-​dar tal-​ħbieb tiegħu. Minn hemmhekk imbagħad kellu jimxi tliet kilometri lejn Ġerusalemm. Ġesù u Lazzru kienu qed jieklu fid-​dar taʼ Xmun, li kellu l-​ġdiem, u f’din l-​okkażjoni naqraw l-​aħħar stqarrija dwar Marta: “Marta kienet qed isservihom.”—Ġw. 12:2.

25. Il-​kongregazzjonijiet illum għala huma mberkin b’nisa bħal Marta?

25 Meta naqraw dwar din il-​mara bieżla għall-​ewwel darba fil-​Bibbja, tkun qed taħdem; meta naqraw dwarha għall-​aħħar darba tkun għadha qed taħdem u tagħmel l-​aħjar tagħha biex tieħu ħsieb il-​bżonnijiet taʼ dawk taʼ madwarha. Il-​kongregazzjonijiet tas-​segwaċi taʼ Kristu llum huma mberkin b’nisa bħal Marta—nisa taʼ qalb kbira u ġenerużi, u dejjem juru l-​fidi tagħhom f’Ġeħova billi jaħdmu iebes biex jaqduh u biex jgħinu lil ħaddieħor. Marta baqgħet tagħmel proprju dan? X’aktarx li iva. B’hekk, hi aġixxiet b’għaqal għax kien għad kellha tiffaċċja l-​problemi tagħha.

26. Il-​fidi taʼ Marta x’għenitha tagħmel?

26 Ftit ġranet wara, Marta kellha tiffaċċja l-​mewt kiefra tal-​għażiż Sidha, Ġesù. Iktar minn hekk, l-​istess ipokriti qattelin li qatluh daħħluha f’rashom li joqtlu lil Lazzru wkoll, peress li l-​irxoxt tiegħu kien qed ikattar il-​fidi taʼ ħafna wħud. (Aqra Ġwanni 12:9-​11.) U m’għandniex xi ngħidu, il-​mewt maż-​żmien firdet ir-​rabtiet taʼ mħabba li kienu jgħaqqdu lil Marta maʼ ħutha. Ma nafux kif jew meta ġara dan, iżda nistgħu nkunu ċerti minn ħaġa waħda: il-​fidi prezzjuża taʼ Marta għenitha tissaporti sat-​tmiem. Huwa proprju għalhekk li l-​Kristjani llum jagħmlu tajjeb li jimitaw il-​fidi taʼ Marta.

^ par. 11 Fis-​soċjetà Lhudija tal-​ewwel seklu, ġeneralment in-​nisa ma kinux jiġu inklużi f’attivitajiet akkademiċi. It-​taħriġ tagħhom iktar kellu rabta mal-​faċendi tad-​dar. Kien għalhekk li Marta forsi ratha stramba għall-​aħħar li mara titgħallem mingħand studjuż.