Lill-​Għeżież Ħutna:

L-​ewwel ħarġa tal-​edizzjoni pubblika tal-​1 taʼ Jannar, 2008, tat-​Torri tal-​Għassa, introduċietna maʼ serje t’artikli ġdida u affaxxinanti bit-​titlu “Imita l-​Fidi Tagħhom.” Minn hemm ’il quddiem kienet l-​għaxqa tagħna li minn żmien għal żmien naraw pubblikati artikli oħrajn f’din is-​serje!

X’kienet ir-​reazzjoni tal-​qarrejja għal din is-​serje? Wara li qrat l-​artiklu dwar Marta, waħda qarrejja kitbet: “Bdejt nidħaq xħin qrajtu għax jien eżatt bħalha—dejjem nagħmel l-​almu kollu tiegħi meta nilqaʼ n-​nies ġo dari imma kultant ninsa li għandi bżonn nieqaf ftit u ngawdi s-​sħubija mal-​ħbieb.” Tfajla taʼ 15-​il sena waslet għal din il-​konklużjoni interessanti dwar l-​istorja taʼ Ester: “Stajt nifhem li nistgħu nsiru ffissati fuq il-​ħwejjeġ u l-​aċċessorji tal-​aħħar moda. Jeħtieġ li nidhru puliti; imma ma rridux immorru fl-​estrem.” Hi kompliet tgħid: “Ġeħova jimpurtah dwar min aħna minn ġewwa.” U artiklu dwar l-​appostlu Pietru qanqal din ir-​reazzjoni b’entużjażmu minn oħt Kristjana: “Veru dħalt fl-​istorja jien u naqra. Ħassejtni bħallikieku kont qed ngħixha! Użajt is-​sensi tiegħi biex inħoss dak li r-​rakkont sempliċement alluda għalih.”

Dawn il-​qarrejja—u numru bla għadd taʼ wħud oħrajn li kitbu biex jesprimu l-​apprezzament tagħhom għal din is-​serje—jikkonfermaw dak li kiteb l-​appostlu Pawlu żmien twil ilu: “Kulma nkiteb minn qabel inkiteb għall-​istruzzjoni tagħna.” (Rum. 15:4) Iva, Ġeħova inkluda dawn ir-​rakkonti fil-​Bibbja sabiex jgħallimna lezzjonijiet taʼ valur. Ilkoll kemm aħna, ilna kemm ilna nafu l-​verità, nistgħu nitgħallmu minnhom.

Minn qalbna, inħeġġuk taqra dan il-​ktieb mill-​iktar fis possibbli. Inkludih bħala parti mill-​Qima tal-​Familja tiegħek—it-​tfal se jieħdu gost bih! Meta l-​kongregazzjoni tistudja l-​materjal matul l-​Istudju tal-​Bibbja tal-​Kongregazzjoni, ipprova tfalli qatt, lanqas darba! Ħu l-​ħin tiegħek biex taqrah bil-​mod. Uża l-​immaġinazzjoni u s-​sensi tiegħek. Ipprova ħoss u ara dak li ħassu u raw dawn il-​karattri tal-​Bibbja. Qabbel ir-​reazzjoni tagħhom maʼ tiegħek li kieku ssib ruħek fl-​istess sitwazzjoni.

Tassew hi l-​għaxqa tagħna li naqsmu din il-​pubblikazzjoni magħkom. Jalla tkun taʼ barka għalikom u għall-​familja tagħkom. Nibagħtulkom ħafna mħabba u l-​isbaħ xewqat,

Il-​Ġemgħa li Tiggverna tax-​Xhieda taʼ Ġeħova