‘Imitaw lil dawk li bil-​fidi u l-​paċenzja jirtu l-​wegħdi.’—EBREJ 6:12.

1, 2. Għala hu vitali li nibnu l-​fidi issa? Agħti eżempju.

IL-​FIDI. Hija kelma sabiħa li tirrappreżenta kwalità mixtieqa ferm. Madankollu, meta niltaqgħu maʼ din il-​kelma, nagħmlu tajjeb jekk naħsbu f’kelma oħra: “Urġenti!” Dan għaliex jekk ma jkollniex il-​fidi, jeħtieġ li niksbuha b’mod urġenti. U jekk għandna l-​fidi, jeħtieġ li nipproteġuha u nżommuha ħajja b’mod urġenti. Għala?

2 Immaġina li tinsab għaddej minn deżert vast. Tħossok mejjet bl-​għatx u għandek bżonn l-​ilma. Meta ssib ftit ilma, trid tipproteġih mix-​xemx. Imbagħad ikollok bżonn tara minn fejn se terġaʼ ssib l-​ilma ħalli jservik sa ma tasal fid-​destinazzjoni tiegħek. Illum, ilkoll qed ngħixu f’deżert spiritwali, dinja fejn il-​fidi ġenwina—bħal dak l-​ilma—hija rari u għandha tendenza li tevapora f’ħakka t’għajn jekk ma tkunx protetta, u ma terġax tinkiseb. Il-​bżonn tagħna hu urġenti; f’sens fiżiku ma nistgħux ngħixu mingħajr ilma, u, b’mod simili, f’sens spiritwali ma nistgħux ngħixu mingħajr fidi.—Rum. 1:17.

3. Ġeħova xi pprovdielna biex jgħinna nibnu l-​fidi tagħna, u liema żewġ affarijiet jeħtieġ inżommu f’moħħna biex nagħmlu?

3 Ġeħova jaf kemm hu urġenti l-​bżonn li jkollna l-​fidi, u jaf kemm hu diffiċli li nibnu u nżommu l-​fidi llum il-​ġurnata. Bla dubju, huwa għalhekk li pprovdielna eżempji biex nimitawhom. Ġeħova nebbaħ lill-​appostlu Pawlu biex jikteb: ‘Imitaw lil dawk li bil-​fidi u l-​paċenzja jirtu l-​wegħdi.’ (Ebr. 6:12) U huwa għalhekk li l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova tħeġġiġna biex naħdmu iebes ħalli nimitaw l-​eżempji tal-​irġiel u n-​nisa li wrew il-​fidi, bħalma huma dawk li kkunsidrajna f’dan il-​ktieb. Iżda issa xi rridu nagħmlu? Ejja nżommu żewġ affarijiet f’moħħna: (1) Jeħtieġ nibqgħu nsaħħu l-​fidi tagħna; (2) jeħtieġ inżommu t-​tama tagħna ċara f’moħħna.

4. Satana kif ta prova li hu għadu tal-​fidi, iżda għala m’għandniex nibżgħu?

4 Ibqaʼ saħħaħ il-​fidi tiegħek. Il-​fidi għandha għadu kbir—Satana. Il-​ħakkiem tad-​dinja dawwar din id-​dinja f’post fejn hu diffiċli nżommu l-​fidi tagħna. Huwa bil-​wisq iktar b’saħħtu minna. Għandna nibżgħu li ma nkunux nistgħu niżviluppaw u nsaħħu l-​fidi tagħna? Qatt! Ġeħova hu l-​aqwa Ħabib taʼ dawk kollha li juru l-​fidi ġenwina. Hu jiżgurana li bl-​għajnuna Tiegħu nistgħu nopponu lix-​Xitan u saħansitra nġegħluh jaħrab minna! (Ġak. 4:7) Nopponuh billi kuljum nieħdu l-​ħin biex insaħħu l-​fidi tagħna u nibnuha. Kif?

5. L-​irġiel u n-​nisa tal-​Bibbja li wrew il-​fidi kif kisbu l-​fidi tagħhom? Spjega.

 5 Bħalma rajna, l-​irġiel u n-​nisa tal-​Bibbja li wrew il-​fidi ma twildux bil-​fidi; kellhom jiżviluppawha. Ħajjithom hi eżempju ħaj li l-​fidi tiġi mill-​ispirtu qaddis taʼ Ġeħova. (Gal. 5:22, 23) Huma talbu għall-​għajnuna, u minħabba f’hekk Ġeħova baqaʼ jsaħħilhom il-​fidi. Ejja nagħmlu bħalhom u qatt ma ninsew li Ġeħova jagħti l-​ispirtu tiegħu b’mod ġeneruż lil dawk li jitolbuhulu u jaħdmu fi qbil mat-​talb tagħhom. (Lq. 11:13) Nistgħu nagħmlu iktar minn hekk?

6. Kif nistgħu nibbenefikaw l-​iktar mill-​istudju tagħna dwar ir-​rakkonti tal-​Bibbja?

6 F’dan il-​ktieb, iddiskutejna biss ftit eżempji taʼ fidi li tispikka. Hemm bosta, bosta oħrajn! (Aqra Ebrej 11:32.) Kull wieħed—bil-​mod tiegħu—joffri opportunità mill-​aqwa biex nagħmlu studju minn qalbna u bit-​talb. Jekk ir-​rakkonti tal-​Bibbja dwar nies taʼ fidi sempliċement naqrawhom taʼ kafkaf, m’aħniex se nsaħħu l-​fidi tagħna stess. Sabiex nibbenefikaw bis-​sħiħ mill-​qari tagħna, jeħtieġ inqattgħu l-​ħin inħaffru fil-​kuntest u fl-​isfond tar-​rakkonti tal-​Bibbja. Jekk dejjem niftakru li dawn l-​irġiel u n-​nisa imperfetti kellhom “sentimenti bħal tagħna,” l-​eżempji tagħhom isiru iktar reali għalina. (Ġak. 5:17) Bl-​empatija, nistgħu nimmaġinaw kif setgħu ħassewhom hekk kif iffaċċjaw sfidi u problemi simili għal tagħna.

7-9. (a) Xi wħud mill-​irġiel u n-​nisa fi żminijiet Bibliċi li wrew il-​fidi kif setgħu iħossuhom dwar li jaqdu lil Ġeħova bil-​mod kif naqduh illum? (b) Għala għandna nsaħħu l-​fidi tagħna bl-​azzjonijiet?

7 Il-​fidi tagħna nsaħħuha wkoll permezz tad-​deċiżjonijiet u l-​għemejjel tagħna. Wara kollox, “fidi mingħajr l-​għemejjel hi mejta.” (Ġak. 2:26) Immaġina ftit l-​irġiel u n-​nisa li tkellimna dwarhom kemm kienu jifirħu kieku ġew inkarigati jagħmlu x-​xogħol li Ġeħova talabna nagħmlu llum!

8 Pereżempju, mur għidlu lil Abraham li wieħed jistaʼ ma jaqdix lil Ġeħova b’artali sempliċi tal-​ġebel fix-​xagħri imma jaqdih fost gruppi organizzati taʼ aduraturi oħrajn fi Swali tas-​Saltna sbieħ u f’konvenzjonijiet kbar, fejn jiġu diskussi u spjegati b’dettalji mill-​aqwa l-​wegħdi li hu ra biss “mill-​bogħod”! (Aqra Ebrej 11:13.) U mur għidlu lil Elija li x-​xogħol tiegħu ma jinvolvix il-​qtil tal-​profeti mill-​agħar taʼ Bagħal waqt li jipprova jaqdi lil Ġeħova taħt il-​ħakma taʼ sultan mill-​agħar apostata, imma jinvolvi li jżur lin-​nies bil-​paċi biex iwassal messaġġ taʼ faraġ u tama! Tabilħaqq, ma taħsibx li l-​irġiel u n-​nisa tal-​Bibbja li wrew il-​fidi kienu jaħtfu l-​opportunità biex jaqdu lil Ġeħova kif nagħmlu llum?

9 Mela ejja nkomplu nsaħħu l-​fidi tagħna bl-​azzjonijiet. Hekk kif nagħmlu dan, inkunu qed napplikaw b’mod prattiku l-​eżempji taʼ rġiel u nisa taʼ fidi li nsibu fil-​Kelma ispirata  t’Alla. Bħalma ssemma fl-​Introduzzjoni, se nħossuna eqreb lejhom minn qatt qabel bħala ħbieb. Madankollu, dawn il-​ħbiberiji dalwaqt ikunu bil-​wisq iktar reali.

10. Lejn liema ħaġa sabiħa nħarsu ’l quddiem fil-​Ġenna tal-​art?

10 Żomm it-​tama tiegħek ċara f’moħħok. L-​irġiel u n-​nisa taʼ fidi dejjem ġew imsaħħin bit-​tama li jagħtihom Alla. Huwa l-​istess fil-​każ tiegħek? Pereżempju, immaġina l-​ferħ li se tħoss xħin tiltaqaʼ maʼ qaddejja t’Alla li wrew il-​fidi meta jiġu lura għall-​ħajja matul l-​“irxoxt . . . tan-​nies sewwa.” (Aqra Atti 24:15.) X’inhuma xi mistoqsijiet li tixtieq tagħmlilhom?

11, 12. Fid-​dinja l-​ġdida, liema mistoqsijiet tistaʼ tagħmel lil (a) Abel? (b) Noè? (ċ) Abraham? (d) Rut? (e) Abigajl? (f) Ester?

11 Meta tiltaqaʼ m’Abel, se tkun ħerqan li tistaqsih kif kienu l-​ġenituri tiegħu? Jew forsi tistaqsih: “Qatt kellimthom lil dawk il-​kerubini li kienu jgħassu d-​daħla tal-​Għeden? Kienu jwiġbuk?” Xi ngħidu għal Noè? Forsi tistaqsih: “Qatt bżajt min-​Nefilim? Kif ħadt ħsieb dawk l-​annimali kollha matul dik is-​sena fl-​arka?” Jekk tiltaqaʼ m’Abraham, forsi tistaqsih: “Qatt iltqajt maʼ Sem? Min għallmek dwar Ġeħova? Kien diffiċli li titlaq minn Ur?”

12 Bl-​istess mod, ikkunsidra xi mistoqsijiet li għandek mnejn tkun trid tistaqsi lin-​nisa taʼ fidi li se jiġu rxoxtati. “Rut, xi kkonvinċiek issir aduratriċi taʼ Ġeħova?” “Abigajl, bżajt meta kellek tgħid lil Nabal dwar kif kont għent lil David?” “Ester, int u Mordekaj x’sar minnkom wara li ntemmet l-​istorja fil-​Bibbja?”

13. (a) Liema tip taʼ mistoqsijiet għandhom mnejn jagħmlulek l-​uħud irxoxtati? (b) Kif tħossok dwar il-​prospett li tiltaqaʼ mal-​irġiel u n-​nisa tal-​qedem li wrew il-​fidi?

13 M’għandniex xi ngħidu, dawn l-​irġiel u n-​nisa li wrew il-​fidi jistaʼ jkollhom ħafna mistoqsijiet għalik ukoll. Kemm se jkun eċċitanti li tgħidilhom dwar iż-​żminijiet kritiċi tal-​aħħar u kif Ġeħova bierek lill-​poplu tiegħu matul żminijiet ebsin! Bla dubju, se jħossuhom effettwati bil-​kbir meta jsiru jafu kif Ġeħova wettaq il-​wegħdi kollha tiegħu. F’dawk il-​jiem li ġejjin mhux se jkollna iktar bżonn nimmaġinawhom lill-​qaddejja leali t’Alla li jissemmew fil-​Bibbja. Se jkunu magħna hemmhekk fil-​Ġenna tal-​art! Mela ibqaʼ agħmel kulma tistaʼ biex dawn l-​uħud ikunu reali għalik. Ibqaʼ imita l-​fidi tagħhom. Jalla tkompli taqdi lil Ġeħova bil-​ferħ flimkien magħhom bħala l-​ħbieb għeżież tiegħek għal dejjem!