Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU SITTA

Fetħet Qalbha m’Alla bit-Talb

Fetħet Qalbha m’Alla bit-Talb

1, 2. (a) Ħanna għala kienet imnikkta hi u tħejji ruħha għall-​vjaġġ? (b) X’nistgħu nitgħallmu mir-​rakkont taʼ Ħanna?

ĦANNA kienet medhija bit-​tħejjijiet għall-​vjaġġ biex tipprova taljena rasha ħalli ma taħsibx dwar il-​problemi tagħha. Suppost kellu jkun żmien taʼ ferħ. Żewġha Elkana kellu d-​drawwa li kull sena jieħu lill-​familja kollha tiegħu f’Silo biex ilkoll jagħtu qima fit-​tabernaklu. Ġeħova ried li dawn l-​okkażjonijiet ikunu taʼ ferħ. (Aqra Dewteronomju 16:15.) U bla dubju, Ħanna kienet l-​għaxqa tagħha sa minn ċkunitha li tattendi dawn il-​festi. Imma l-​affarijiet kienu tbiddlu f’dawk l-​aħħar snin.

2 Hi ġiet imbierka b’raġel li kien iħobbha. Madankollu, Elkana kellu mara oħra. Din kien jisimha Peninna u kienet waħħlitha f’rasha li lil Ħanna tagħmlilha ħajjitha miżerja. Peninna kienet sabet mezz kif tuża saħansitra dawn l-​okkażjonijiet annwali biex tniggeż u tweġġaʼ lil Ħanna. Kif? Iktar importanti minn hekk, il-​fidi taʼ Ħanna f’Ġeħova kif għenitha tkampa maʼ dik li spiss kienet tidher bħala sitwazzjoni impossibbli? Jekk tiffaċċja sfidi li jisirqulek il-​ferħ f’ħajtek, għandek mnejn issib li r-​rakkont taʼ Ħanna hu b’mod partikulari inkuraġġanti.

“Għala Għandek Qalbek Sewda?”

3, 4. Ħanna liema żewġ problemi serji ffaċċjat, u kull waħda minnhom għala kienet taʼ sfida?

3 Il-​Bibbja tirrivela żewġ problemi serji fil-​ħajja taʼ Ħanna. Hi kellha ftit li xejn kontroll fuq l-​ewwel problema, u xejn affattu fuq it-​tieni waħda. L-​ewwel nett, hi kienet fi żwieġ poligamu, b’mara rivali li ma kinitx taħmilha pinġuta. It-​tieni nett, hi ma setax ikollha tfal. Din il-​kundizzjoni hi diffiċli għal kwalunkwe mara li tkun tixtieq ikollha t-​tfal; imma fiż-​żmien u fil-​kultura taʼ Ħanna din kienet sors taʼ wġigħ taʼ qalb kbir. Kull familja kienet tistrieħ fuq it-​tfal biex ikomplu l-​isem tal-​familja. Il-​fatt li mara ma setax ikollha tfal kien jitqies bħala għajb kbir u taʼ mistħija.

4 Ħanna setaʼ rnexxielha tissaporti s-​sitwazzjoni tagħha li kieku ma kellhiex lil Peninna. Il-​poligamija qatt ma kienet sitwazzjoni ideali. Il-​kompetizzjoni, it-​tilwim, u l-​uġigħ taʼ qalb kienu komuni ferm. Din il-​prattika kienet differenti wisq mil-​livell tal-​monogamija  li Alla kien stabbilixxa fil-​ġnien tal-​Għeden. (Ġen. 2:24) Huwa għalhekk li l-​Bibbja titfaʼ dawl ikrah fuq il-​poligamija, u d-​deskrizzjoni kerha tal-​ħajja fid-​dar taʼ Elkana tagħti stampa ċara taʼ dan.

5. Peninna għala riedet lil Ħanna tbati, u kif kienet tweġġagħha lil Ħanna?

5 Elkana kien iħobb lil Ħanna l-​iktar. Skont it-​tradizzjoni Lhudija, jingħad li l-​ewwel iżżewweġ lil Ħanna, u ftit tas-​snin wara żżewweġ lil Peninna. Kienx minnu jew le, Peninna, li kienet tgħir ħafna għal Ħanna, sabet bosta mezzi kif iġġegħelha tbati lil Ħanna, ir-​rival tagħha. Il-​vantaġġ kbir li Peninna kellha fuq Ħanna kellu x’jaqsam mal-​fertilità. Peninna wildet tarbija wara oħra u donnu kull wild kien iġegħelha tħossha iktar u iktar importanti. Minflok ma kien jiddispjaċiha għal Ħanna u tfarraġha minħabba d-​diżappunt tagħha, Peninna kienet tuża din il-​kwistjoni biex toqgħod tgħawwar fil-​ferita. Il-​Bibbja tgħid li Peninna kienet iddejjaq ħafna lil Ħanna “biex iġġegħelha tħossha mħawda.” (1 Sam. 1:6) Peninna kienet tagħmel hekk apposta. Hi riedet tweġġagħha lil Ħanna, u rnexxielha.

Ħanna kienet tassew imnikkta għax ma setax ikollha tfal, u Peninna għamlet minn kollox biex iġġegħelha tħossha agħar

6, 7. (a) Minkejja li Elkana kien jipprova jfarraġ lil Ħanna, għala għandha mnejn qagħdet lura milli tgħidlu l-​istorja kollha? (b) Il-​fatt li Ħanna ma setax ikollha tfal kien ifisser li Ġeħova ma kienx ferħan biha? Spjega. (Ara n-​nota taʼ taħt.)

6 Peninna donnha kienet tieħu pjaċir l-​iktar tagħmel dan meta kull sena kienu jivvjaġġaw lejn Silo. Elkana ta ishma mis-​sagrifiċċji offruti lil Ġeħova lil kull wieħed u waħda mill-​ħafna wlied taʼ Peninna—“uliedha subien u bniet kollha.” Iżda Ħanna, li ma kellhiex tfal, kienet tingħata s-​sehem tagħha biss. Għaldaqstant, Peninna tant kienet titkabbar fuq Ħanna u tfakkarha li ma setax ikollha tfal li l-​povra mara kienet tinfexx tibki u saħansitra kien jingħalqilha l-​istonku. Elkana ma setax ma jinnotax li l-​għażiża Ħanna tiegħu kienet tkun imnikkta u ma tikolx, u għalhekk kien jipprova jfarraġha. Hu staqsieha: “Ħanna, għala qed tibki, u għala m’intix tiekol, u għala għandek qalbek sewda? M’iniex jien għalik aħjar minn għaxar ulied?”—1 Sam. 1:4-​8.

7 Huwa taʼ min ifaħħru lil Elkana għax hu ntebaħ li Ħanna kienet imnikkta minħabba li ma setax ikollha tfal. U żgur li Ħanna kienet tgħożż ferm il-​mod ġentili kif kien jiżguraha minn imħabbtu. * Imma Elkana qatt ma semma l-​kattiverija taʼ Peninna, u  lanqas il-​Bibbja ma tindika li Ħanna kienet qaltlu dwarha. Hi forsi ħasbet li jekk tikxef lil Peninna kienet se tiggrava s-​sitwazzjoni. Elkana setaʼ verament ibiddel xi ħaġa? Għandu mnejn li l-​krudeltà taʼ Peninna lejn Ħanna kienet tiħrax, u forsi t-​tfal u l-​qaddejja taʼ dik il-​mara qalbha ħadra kienu jibdew jagħmlu bħalha. Minħabba f’hekk, Ħanna kieku kienet tħossha iktar u iktar bħal ħuta barra mill-​ilma f’darha stess.

Meta ġiet trattata ħażin f’darha, Ħanna daret lejn Ġeħova għall-faraġ

8. Meta tiffaċċja xi kattiverija jew inġustizzja, għala hu taʼ faraġ li tiftakar li Ġeħova hu l-​Alla tal-​ġustizzja?

8 Sew jekk Elkana kien konxju bis-​sħiħ tal-​kattiverija taʼ Peninna u sew jekk le, Alla Ġeħova kien qed jara kollox. Kelmtu tirrivela l-​istampa kollha, u b’hekk tipprovdi twissija solenni lil dawk kollha li jieħdu pjaċir jagħmlu atti mqanqlin mill-​għira u l-​mibegħda li għalihom donnhom mhuma xejn. Mill-​banda l-​oħra, in-​nies innoċenti li jġibu l-​paċi, bħal Ħanna, jistgħu jitfarrġu għax jafu li l-​Alla tal-​ġustizzja jirranġa l-​affarijiet kollha fil-​ħin tiegħu u bil-​mod kif irid hu. (Aqra Dewteronomju 32:4.) Forsi Ħanna kienet tafu dan ukoll, għax hi daret lejn Ġeħova għall-​għajnuna.

‘Ma Baqgħetx Tidher Imħassba Bħal Qabel’

9. Liema lezzjoni nitgħallmu mill-​fatt li Ħanna kienet lesta li terħilha fuq il-​vjaġġ lejn Silo minkejja li kienet taf kif se taġixxi Peninna?

9 Fis-​sigħat bikrin taʼ filgħodu kien hemm ġenn sħiħ fid-​dar. Kulħadd kien qed iħejji ruħu għall-​vjaġġ, anki t-​tfal. Biex jaslu Silo, il-​familja kbira kellhom jagħmlu vjaġġ taʼ iktar minn 32 kilometru tul Efrajm—pajjiż kollu għoljiet. * Il-​vjaġġ kien se jiħdilhom ġurnata jew tnejn bil-​mixi. Ħanna kienet taf kif se ġġib ruħha Peninna, ir-​rival tagħha. Madankollu, Ħanna ma qagħditx id-​dar. B’hekk, hi ħalliet eżempju mill-​aqwa għall-​aduraturi t’Alla sal-​ġurnata tal-​lum. Qatt mhuwa għaqli li nħallu l-​kondotta ħażina t’oħrajn tkun taʼ xkiel għall-​qima tagħna lil Alla. Jekk inħalluha, inkunu qed nitilfu proprju dawk il-​barkiet li jagħtuna s-​saħħa biex nissaportu.

10, 11. (a) Ħanna għala rħitilha lejn it-​tabernaklu mal-​ewwel ċans li sabet? (b) Ħanna kif fetħet qalbha maʼ Missierha tas-​sema bit-​talb?

10 Wara ġurnata twila mixi f’toroq li jserrpu qalb il-​muntanji, il-​familja kbira fl-​aħħar bdiet toqrob lejn Silo. Il-​belt taʼ Silo kienet tinsab fuq il-​quċċata taʼ għolja mdawra minn għoljiet iktar għoljin. Hekk kif resqu eqreb lejn Silo, x’aktarx li Ħanna bdiet timmedita dwar x’kienet se tgħid fit-​talba tagħha lil Ġeħova. Meta waslu, il-​familja kielu flimkien. Mal-​ewwel ċans li sabet, Ħanna illargat ftit u rħitilha lejn it-​tabernaklu taʼ Ġeħova. Bilqiegħda ħdejn il-​koxxa tal-​bieb kien hemm il-​Qassis il-​Kbir Għeli. Imma moħħ  Ħanna kien qed jhewden fuq it-​talba tagħha lil Alla. Fit-​tabernaklu, hi ħassitha fiduċjuża li Alla kien se jagħtiha widen. Anki jekk ħadd iktar ma setaʼ jifhem bis-​sħiħ is-​sitwazzjoni taʼ niket tagħha, Missierha tas-​sema setaʼ. Hi mtliet bl-​imrar u nfexxet tibki.

11 Hekk kif ġisimha beda jitriegħed bl-​ilfiq u l-​biki, Ħanna bdiet titkellem maʼ Ġeħova f’qalbha. Xofftejha bdew jirtogħdu hekk kif sawret il-​kliem f’moħħha biex tesprimi l-​weġgħa taʼ qalb li kienet qed tħoss. Hi damet ħafna titlob u tiftaħ qalbha maʼ Missierha. Iżda hi għamlet iktar milli sempliċement talbet lil Alla jissodisfalha x-​xenqa qawwija li jkollha t-​tfal. Ħanna mhux biss xtaqet ħafna li tirċievi barkiet mingħand Alla iżda wkoll li tagħtih dak li setgħet. U għalhekk hi għamlet wegħda billi qalet li jekk ikollha tifel, tiddedikah biex juża ħajtu għas-​servizz taʼ Ġeħova.—1 Sam. 1:9-​11.

12. Bħalma juri l-​eżempju taʼ Ħanna, x’għandna nżommu f’moħħna rigward it-​talb?

12 B’hekk, Ħanna ħalliet eżempju għall-​qaddejja kollha t’Alla rigward it-​talb. B’qalb tajba, Ġeħova jistieden lin-​nies tiegħu jkellmuh bil-​miftuħ, bla ma jżommu lura, u jiftħu qalbhom miegħu dwar il-​problemi li jgħaddu minnhom, bħalma jagħmlu t-​tfal li jafdaw fil-​ġenituri li tant iħobbuhom. (Aqra Salm 62:8; 1 Tessalonikin 5:17.) L-​appostlu Pietru ġie mnebbaħ biex jikteb dan il-​kliem taʼ faraġ dwar it-​talb lil Ġeħova: ‘Itfgħu l-​ansjetà kollha tagħkom fuqu, għax hu jimpurtah minnkom.’—1 Pt. 5:7.

13, 14. (a) Għeli xi kkonkluda dwar Ħanna, u għala? (b) It-​tweġiba taʼ Ħanna lil Għeli kif kienet taʼ eżempju eċċellenti taʼ fidi?

13 Madankollu, il-​bnedmin m’għandhomx mogħdrija u empatija daqskemm għandu Ġeħova. Hekk kif Ħanna bkiet u talbet, hi nħasdet xħin semgħet leħen xi ħadd. Kien il-​Qassis il-​Kbir Għeli, li kellu għajnejh imsammrin fuqha. Hu qalilha: “Kemm se ddum fis-​sakra? Eħles mill-​effetti taʼ l-​inbid li għandek fuqek.” Għeli kien innota xofftejn Ħanna jirtogħdu, ra l-​ilfiq tagħha, u l-​istat emozzjonali li kienet fih. Minflok ma staqsieha x’kien ġralha, hu qabad u qatagħha li kienet fis-​sakra.—1 Sam. 1:12-​14.

14 Akkuża falza bħal din kienet bħal daqqa taʼ stallett għal Ħanna f’dak il-​mument taʼ diqa—u ma stennietx li kienet se tiġi minn fomm raġel b’pożizzjoni tant rispettata! Minkejja dan, għal darb’oħra hi kienet taʼ eżempju eċċellenti taʼ fidi. Hi ma ħallietx l-​imperfezzjonijiet taʼ bniedem ifixklu l-​qima tagħha lil Ġeħova. Lil Għeli wiġbitu b’rispett u spjegatlu s-​sitwazzjoni tagħha. Peress li rrealizza li kellu żball, forsi b’ton iktar ħelu, qalilha: “Mur bis-​sliem, u jalla l-​Alla taʼ Israel jismaʼ t-​talba tiegħek u jagħtik dak li tlabtu.”—1 Sam. 1:15-​17.

15, 16. (a) It-​talba taʼ Ħanna li fiha fetħet qalbha maʼ Ġeħova u l-​qima tagħha fit-​tabernaklu tiegħu, x’effett ħallew fuqha? (b) Kif nistgħu nsegwu l-​eżempju taʼ Ħanna meta nissieltu maʼ sentimenti negattivi?

 15 It-​talba taʼ Ħanna li fiha fetħet qalbha maʼ Ġeħova u l-​qima tagħha fit-​tabernaklu tiegħu, x’effett ħallew fuqha? Ir-​rakkont jgħid: “Il-​mara marret għal triqitha u kielet, u wiċċha ma baqax jidher imħasseb bħal qabel.” (1 Sam. 1:18) F’The Jerusalem Bible dan il-​vers jgħid: “Ma baqgħetx tidher imnikkta.” Ħanna ħasset serħan għax neħħiet balla minn fuq l-​istonku. Hi kienet bħallikieku xeħtet it-​toqol tal-​piż emozzjonali tagħha fuq xi ħadd bil-​wisq iktar setgħan minnha—Missierha tas-​sema, Ġeħova. (Aqra Salm 55:22.) Hemm xi problema li hi tqila wisq għalih? Le—la qatt kien hemm, u lanqas qatt se jkun hemm!

16 Meta nħossuna mtaqqlin, magħkusin, u mifnijin bin-​niket, nagħmlu tajjeb li nsegwu l-​eżempju taʼ Ħanna u nitkellmu bil-​miftuħ mal-​Wieħed li l-​Bibbja ssejjaħlu “Semmiegħ it-​talb.” (Salm 65:2) Jekk nagħmlu hekk bil-​fidi, anki aħna nistgħu naraw li “l-​paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb” tieħu post in-​niket li nġarrbu.—Flp. 4:6, 7.

“M’Hemm Ebda Blata Bħal Alla Tagħna”

17, 18. (a) Elkana kif kien t’appoġġ rigward il-​wegħda taʼ Ħanna? (b) Peninna baqaʼ jirnexxilha tnikket lil Ħanna?

17 L-​għada filgħodu, Ħanna reġgħet marret lura fit-​tabernaklu maʼ Elkana. X’aktarx li hi kienet qaltlu bit-​talba u bil-​wegħda tagħha, għax il-​Liġi Mosajka kienet tgħid li raġel kellu d-​dritt jannulla wegħda li tkun għamlet martu mingħajr il-​kunsens tiegħu. (Num. 30:10-​15) Imma dan ir-​raġel leali m’għamilx hekk. Minflok, hu u Ħanna marru jqimu lil Ġeħova flimkien fit-​tabernaklu qabel ma qabdu triqithom lura lejn id-​dar.

18 Peninna meta rrealizzat li l-​inkejja tagħha ma baqgħetx tnikket lil Ħanna? Ir-​rakkont ma jgħidx, imma l-​espressjoni ‘ma baqgħetx tidher imħassba bħal qabel’ tagħti x’tifhem li Ħanna kienet iktar ferħana u ma baqgħetx inkwetata minn dakinhar ’l hemm. Dak li nafu hu li Peninna malajr intebħet li l-​kondotta mill-​agħar tagħha ma kienet qed tħalli ebda effett. Il-​Bibbja qatt ma reġgħet semmiet isimha.

19. Ħanna liema barka rċiviet, u kif uriet li fehmet minn fejn kienet ġejja din il-​barka?

19 Hekk kif gerbu x-​xhur, il-​paċi tal-​moħħ taʼ Ħanna nbidel f’estasi kbira. Fl-​aħħar ħarġet tqila! Għalkemm kienet ferħana, Ħanna qatt ma nsiet, lanqas għal mument wieħed, minn fejn kienet ġejja din il-​barka. Meta twieled it-​tifel, hi għażlet l-​isem Samwel, li jfisser “Isem Alla” u milli jidher jirreferi għall-​fatt li wieħed isejjaħ l-​isem divin, bħalma kienet għamlet Ħanna. Dik is-​sena, hi ma ngħaqditx  maʼ Elkana u mal-​familja għall-​vjaġġ lejn Silo. Hi baqgħet id-​dar mat-​tarbija għal tliet snin sħaħ, sakemm qatgħetlu l-​ħalib. Imbagħad rabbiet il-​kuraġġ għal dak il-​jum li fih kien se jkollha tinfired minn mal-​għażiż binha.

20. Ħanna u Elkana kif żammew il-​wegħda li kienu għamlu lil Ġeħova?

20 Min jaf kemm kienet iebsa l-​firda! M’għandniex xi ngħidu, Ħanna kienet taf li Samwel kien se jkun f’idejn tajbin f’Silo—forsi kienu se jieħdu ħsiebu xi wħud min-​nisa li kienu jaqdu fit-​tabernaklu. Xorta waħda, hu kien tassew ċkejken u kwalunkwe omm tixxennaq li tkun maʼ wliedha. Minkejja dan, Ħanna u Elkana offrew it-​tifel minn qalbhom, u mhux kontra qalbhom. Huma offrew sagrifiċċji fid-​dar t’Alla u lil Samwel ippreżentawh lil Għeli. B’hekk, Ħanna fakkritu fil-​wegħda li kienet għamlet tliet snin qabel.

Ħanna kienet tassew taʼ barka għal binha Samwel

21. It-​talba taʼ Ħanna lil Ġeħova kif uriet kemm kellha fidi qawwija? (Ara wkoll il-​kaxxa “ Żewġ Talbiet li Jispikkaw.”)

21 Imbagħad Ħanna lissnet talba li Alla ra li kienet taʼ min jinkludiha fil-​Kelma mnebbħa tiegħu. Int u taqra kliemha, imniżżel fl-​1 Samwel 2:1-​10, se tara kemm kellha fidi qawwija. Hi faħħret lil Ġeħova għall-​mod meraviljuż kif juża setegħtu—l-​abbiltà tiegħu liema bħalha biex jumilja lill-​kburin, ibierek lill-​magħkusin, u jtemm il-​ħajjiet jew isalvahom mill-​mewt. Hi faħħret lil Missierha għall-​kwalitajiet uniċi bħalma huma l-​qdusija, il-​ġustizzja, u l-​lealtà tiegħu. Mhux taʼ b’xejn li Ħanna setgħet tgħid: “M’hemm ebda blata bħal Alla tagħna.” Ġeħova hu tassew taʼ min joqgħod fuqu, ma jinbidilx, u hu kenn għall-​magħkusin u l-​batuti kollha li jduru lejh għall-​għajnuna.

22, 23. (a) Għala nistgħu nkunu ċerti li Samwel dejjem kien jaf li l-​ġenituri tiegħu kienu jħobbuh? (b) Ġeħova kif kompla jbierek lil Ħanna?

22 Iċ-​ċkejken Samwel kellu privileġġ  verament kbir li jkollu omm li tant kellha fidi soda f’Ġeħova. Għalkemm żgur li ħass in-​nuqqas tagħha hu u jikber, qatt ma ħassu minsi. Sena wara sena, Ħanna kienet tmur Silo u ttellagħlu libsa bla kmiem għas-​servizz tiegħu fit-​tabernaklu. Hi kienet tħithielu b’ħafna mħabba u affezzjoni. (Aqra l-​1 Samwel 2:19.) Nistgħu nġibu quddiem għajnejna lil Ħanna tlibbes il-​libsa l-​ġdida lit-​tifel, tirranġahielu, u tħares lejh bi kburija filwaqt li tgħidlu kliem sabiħ u inkuraġġanti. Samwel kien imbierek b’omm bħal din, u hu kien taʼ barka għall-​ġenituri tiegħu u għal Iżrael kollu.

23 Lanqas Ħanna ma kienet minsija. Ġeħova berikha bil-​fertilità, u hi u Elkana kellhom ħamest itfal oħra. (1 Sam. 2:21) Iżda forsi l-​ikbar barka li kellha Ħanna kienet ir-​rabta bejnha u bejn Missierha, Ġeħova, li kompliet tissaħħaħ tul is-​snin. Jalla l-​istess ikun minnu fil-​każ tiegħek hekk kif timita l-​fidi taʼ Ħanna.

^ par. 7 Għalkemm il-​Bibbja tgħid li Ġeħova lil Ħanna kien “għalqilha ġufha,” m’hemm ebda evidenza li Alla ma kienx ferħan b’din il-​mara umli u leali. (1 Sam. 1:5) Kultant il-​Bibbja tgħid li Alla jkun għamel xi ħaġa mentri fil-​fatt hu jkun sempliċement ippermettieha għal xi żmien.

^ par. 9 Id-​distanza hi bbażata fuq il-​probabbiltà li Rama, raħal twelid Elkana, kien l-​istess post li sar magħruf bħala Arimatija fi żmien Ġesù.