Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU ERBATAX

Tgħallem Lezzjoni Dwar il-Ħniena

Tgħallem Lezzjoni Dwar il-Ħniena

1. Liema tip taʼ vjaġġ kellu quddiemu Ġona, u kif ħassu dwar id-​destinazzjoni tiegħu?

ĠONA kien se jkollu ħafna ħin biex joqgħod jaħseb. Quddiemu kellu vjaġġ taʼ iktar minn 800 kilometru, vjaġġ fuq l-​art li kien se jiħodlu madwar xahar, u forsi anki iktar. L-​ewwel nett, kellu jagħżel bejn ir-​rotot li kienu iqsar u r-​rotot li kienu iktar siguri. Imbagħad kellu jgħaddi minn għadd kbir taʼ widien u trejqiet fil-​muntanji. X’aktarx li kellu jdur madwar id-​deżert vast tas-​Sirja, jaqsam bil-​pass minn xmajjar bħalma hi x-​xmara immensa tal-​Ewfrat, u jfittex kenn fost il-​barranin fil-​bliet u l-​irħula tas-​Sirja, il-​Mesopotamja, u l-​Assirja. Hekk kif bdew igerbu l-​ġranet, hu qagħad jaħseb dwar id-​destinazzjoni li tant kienet tqabbdu biżaʼ—Ninwe—il-​belt li kienet qed toqrob maʼ kull pass li jagħmel.

2. Ġona kif tgħallem li ma setax jaħrab mill-​inkarigu tiegħu?

2 Ġona ħaġa waħda kien jaf fiċ-​ċert: Ma setax idur lura u jaħrab minn dan l-​inkarigu. Diġà kien ipprova jagħmel hekk. Bħalma rajna fil-​kapitlu taʼ qabel, bil-​paċenzja Ġeħova kien ta tagħlima lil Ġona permezz taʼ riefnu fuq il-​baħar u salvataġġ mirakoluż li kien jinvolvi ħuta kbira. Tlett ijiem wara, il-​ħuta kbira qalgħet lil Ġona ħaj fuq bajja. Hu baqaʼ mistagħġeb u sar iktar ubbidjenti u umli.—Ġona, kap. 1, 2.

3. Liema kwalità wera Ġeħova lejn Ġona, iżda liema mistoqsija tqum?

3 Meta Ġeħova ordna lil Ġona jmur Ninwe għat-​tieni darba, il-​profeta b’ubbidjenza rħielha lejn il-​Lvant fuq dan il-​vjaġġ twil. (Aqra Ġona 3:1-​3.) Madankollu, kien hu ħalla d-​dixxiplina taʼ Ġeħova tbiddillu l-​attitudni għalkollox? Pereżempju,  Ġeħova kien wera ħniena miegħu billi ħelsu mill-​għarqa, billi żamm lura milli jikkastigah talli rribella, u billi tah opportunità oħra biex iwettaq dan l-​inkarigu. Wara dan kollu, kien tgħallem Ġona jkun ħanin m’oħrajn? Spiss ikun diffiċli li l-​bnedmin imperfetti juru l-​ħniena. Ejja naraw x’nistgħu nitgħallmu mill-​isfida li kellu Ġona.

Messaġġ taʼ Ġudizzju u Reazzjoni Mhix Mistennija

4, 5. Ġeħova għala rrefera għal Ninwe bħala “l-​belt il-​kbira,” u dan x’jgħallimna dwaru?

4 Ġona ma setax jifhem għala Ninwe kienet tant importanti għal Ġeħova. Naqraw: “Issa Ninwe kienet belt kbira anki f’għajnejn Alla.” (Ġona 3:3) Ir-​rakkont taʼ Ġona tliet darbiet jikkwota lil Ġeħova bħala li qed jirreferi għal “Ninwe l-​belt il-​kbira.” (Ġona 1:2; 3:2; 4:11) Din il-​belt għala kienet kbira, jew importanti, għal Ġeħova?

5 Ninwe kienet belt antika, waħda mill-​ewwel bliet li bena Nimrod wara d-​Dilluvju. Kienet belt enormi li milli jidher kienet  tinkludi bosta bliet oħrajn, u wieħed kien jieħu tlett ijiem sħaħ biex jimxi minn tarf sa ieħor tal-​belt. (Ġen. 10:11; Ġona 3:3) Ninwe kienet impressjonanti, b’tempji kbar u maestużi, swar b’saħħithom, u bini interessanti ieħor. Iżda ma kinux dawn il-​fatturi li għamlu l-​belt importanti għal Alla Ġeħova. Dak li kien jinteressah kien in-​nies. Ninwe kellha popolazzjoni kbira ħafna meta mqabbla maʼ bliet oħrajn. Minkejja l-​ħażen tan-​nies, Ġeħova kien jimpurtah minnhom. Hu jħobb lil kull bniedem individwalment u hija x-​xewqa tiegħu li kulħadd jindem u jitgħallem jagħmel it-​tajjeb.

Ġona ra li Ninwe kienet belt kbira mimlija ħażen

6. (a) Ġona għala setaʼ ħassu mbeżżaʼ minn Ninwe? (Ara wkoll in-​nota taʼ taħt.) (b) X’nitgħallmu dwar Ġona mix-​xogħol tiegħu tal-​ippritkar?

6 Meta finalment Ġona daħal f’Ninwe, il-​popolazzjoni pjuttost kbira taʼ iktar minn 120,000 ruħ setgħet ġegħlitu jibżaʼ saħansitra iktar. * Dam ġurnata sħiħa miexi. Beda riesaq dejjem eqreb lejn il-​qalba tal-​belt fejn ikun hemm il-​geġwiġija tan-​nies. Forsi beda jfittex post adattat u ċentrali fejn setaʼ jxandar il-​messaġġ tiegħu. Kif kien se jikkomunika maʼ dawn in-​nies? Kien tgħallem jitkellem bil-​lingwa Assirjana? Jew kien Ġeħova tah din l-​abbiltà permezz taʼ miraklu? Ma nafux. Jistaʼ jkun li Ġona għamel il-​proklamazzjoni tiegħu bi lsien pajjiżu, l-​Ebrajk, u qabbad lil xi interpretu jispjegaha lin-​Ninwin. Għamel x’għamel, il-​messaġġ tiegħu kien sempliċi u ma tantx kien se jdoqq għal widnejn in-​nies: “Erbgħin jum ieħor biss, u Ninwe taqaʼ.” (Ġona 3:4) Għal darba wara l-​oħra, tkellem bi qlubija. Peress li għamel hekk, hu wera kuraġġ u fidi liema bħalhom, kwalitajiet li l-​Kristjani llum għandhom bżonnhom iktar minn qatt qabel.

Il-messaġġ taʼ Ġona kien sempliċi u ma tantx kien se jdoqq għal widnejn in-nies

7, 8. (a) In-​nies taʼ Ninwe kif irreaġixxew għall-​messaġġ taʼ Ġona? (b) Is-​sultan taʼ Ninwe x’għamel meta semaʼ l-​proklamazzjoni taʼ Ġona?

7 Il-​messaġġ taʼ Ġona ġibed l-​attenzjoni tan-​Ninwin. Bla dubju, hu lesta ruħu għal reazzjoni b’rabja u bi vjolenza mingħand in-​nies. Minflok, ġrat xi ħaġa rimarkevoli. In-​nies bdew jagħtu widen! Malajr ġriet il-​kelma! In-​nies kollha tal-​belt ma damux ma bdew jitkellmu dwar il-​profezija taʼ Ġona dwar il-​kundanna.  (Aqra Ġona 3:5.) Sinjuri jew fqar, f’saħħithom jew dgħajfin, żgħar jew kbar, ilkoll nidmu u lkoll samu. Is-​sultan malajr waslitlu l-​aħbar li n-​nies kienu qed jindmu.

Ġona kien jeħtieġ il-kuraġġ u l-fidi biex jipprietka f’Ninwe

8 Anki s-​sultan nidem meta semaʼ l-​messaġġ taʼ Ġona. Peress li beda jibżaʼ minn Alla, hu qam minn fuq it-​tron tiegħu, neżaʼ l-​ħwejjeġ irjali u lussużi, libes l-​istess ilbies sempliċi li kienu lebsin in-​nies tiegħu, u saħansitra “poġġa fuq l-​irmied.” Flimkien mal-​“kbarat tiegħu,” jew in-​nobbli, hu ħareġ digriet biex is-​sawma jagħmilha uffiċjali. Ordna li kulħadd jilbes l-​ilbies tal-​ixkora, anki l-​annimali domestiċi. * B’umiltà rrikonoxxa li n-​nies tiegħu kienu ħatjin tal-​ħażen u l-​vjolenza. Is-​sultan esprima t-​tama li l-​Alla l-​veru jrattab qalbu meta jara l-​indiema tagħhom billi qal: ‘Min jaf jekk Alla jreġġax lura r-​rabja taħraq tiegħu, u b’hekk ma ngħibux?’—Ġona 3:6-​9.

9. Il-​kritiċi liema dubju għandhom rigward in-​Ninwin, iżda kif nafu li l-​kritiċi għandhom żball?

9 Xi kritiċi għandhom dubju dwar kemm indiema bħal din setgħet isseħħ daqshekk malajr fost in-​Ninwin. Madankollu, l-​istudjużi tal-​Bibbja kitbu li bidla taʼ dan it-​tip ma kinitx xi ħaġa stramba meta tqis in-​natura superstizzjuża li ddur maʼ kull riħ tan-​nies taʼ dawn il-​kulturi fil-​qedem. Iktar minn hekk, nafu li dawn il-​kritiċi għandhom żball għax iktar tard Ġesù Kristu nnifsu rrefera għall-​indiema tan-​Ninwin. (Aqra Mattew 12:41.) Ġesù kien jaf x’inhu jgħid għax kien ħaj fis-​sema biex jara b’għajnejh stess dawn il-​ġrajjiet iseħħu. (Ġw. 8:57, 58) Il-​verità hi li qatt m’għandna nassumu li huwa impossibbli li n-​nies jindmu—ikunu kemm ikunu jidhru mill-​agħar għalina. Ġeħova biss jistaʼ jara x’hemm f’qalb il-​bniedem.

Kuntrast Bejn il-​Ħniena Divina u l-​Ġudizzju Riġidu tal-​Bniedem

10, 11. (a) Ġeħova kif irreaġixxa għall-​indiema tan-​Ninwin? (b) Għala nistgħu nkunu ċerti li l-​ġudizzju taʼ Ġeħova ma kienx żbaljat?

10 Ġeħova kif irreaġixxa għall-​indiema tan-​Ninwin? Iktar tard, Ġona kiteb: “L-​Alla l-​veru ra l-​għemejjel tagħhom, li kienu  daru lura minn triqithom il-​ħażina; u b’hekk l-​Alla l-​veru ddispjaċieh mill-​gwaj li kien qal li se jġib fuqhom; u ma ġabux.”—Ġona 3:10.

11 Ifisser dan li Ġeħova ddeċieda li l-​ġudizzju tiegħu stess fuq Ninwe kien żbaljat? Le. Il-​Bibbja tispjega li l-​ġustizzja taʼ Ġeħova hi perfetta. (Aqra Dewteronomju 32:4.) Ġeħova ma kellux għalfejn jibqaʼ rrabjat għan-​Ninwin. Hu osserva l-​bidla li għamlu dawn in-​nies u ra li l-​kastig li kien beħsiebu jġib fuqhom ma kienx se jkun meħtieġ. Ġeħova ddeċieda li jħenn għalihom.

12, 13. (a) Ġeħova kif juri li hu raġunevoli, flessibbli, u ħanin? (b) Il-​profezija taʼ Ġona għala ma kinitx falza?

12 Żgur li Ġeħova mhuwiex bħall-​Alla riġidu, bla qalb, u saħansitra aħrax kif spiss jimmaġinaw in-​nies minħabba t-​tagħlim tal-​mexxejja reliġjużi. Għall-​kuntrarju, huwa raġunevoli, flessibbli, u ħanin. Meta jiddeċiedi li jġib kastig fuq in-​nies mill-​agħar, l-​ewwel juża lir-​rappreżentanti tiegħu fuq l-​art biex iwissu lin-​nies għax hu ħerqan biex jara lin-​nies mill-​agħar jagħmlu bħan-​Ninwin—jindmu u jduru lura minn triqathom. (Eżek. 33:11) Lill-​profeta tiegħu Ġeremija, Ġeħova qallu: “Jekk jien nitkellem kontra xi saltna u kontra xi ġens biex naqilgħu u nwaqqgħu u neqirdu, u dak il-​ġens fil-​fatt idur lura mill-​ħażen tiegħu li nkun tkellimt kontrih, jien jiddispjaċini mill-​gwaj li nkun ħsibt li nġib fuqu.”—Ġer. 18:7, 8.

Alla jinsab ħerqan biex jara lin-nies mill-agħar jindmu u jduru lura minn triqathom, bħalma għamlu n-Ninwin

13 Kienet falza l-​profezija taʼ Ġona? Le, għax serviet biex twissi lin-​nies x’kien se jiġri jekk ma jindmux. Din it-​twissija kienet ibbażata fuq it-​triqat ħżiena li kienu qabdu n-​Ninwin, li mbagħad kienu daru lura minnhom. Li kieku n-​Ninwin kellhom jerġgħu jibdew jagħmlu l-​ħażen, Alla kien se jġib l-​istess ġudizzju fuqhom. U proprju hekk ġara iktar tard.—Sof. 2:13-​15.

14. Ġona kif irreaġixxa għall-​fatt li Ġeħova ħenn għal Ninwe?

14 Ġona kif irreaġixxa meta l-​qerda ma ġietx fi żmien meta stenna li se tiġi? Naqraw: “Iżda dan xejn m’għoġbu lil Ġona, tant li għadab għall-​aħħar.” (Ġona 4:1) Ġona saħansitra talab b’mod li kien donnu qed jikkoreġi lil Dak li Jistaʼ Kollox! Ġona qal li kien imissu qagħad id-​dar, f’pajjiżu. Hu sostna li kien jaf mill-​bidu li Ġeħova ma kienx se jġib qerda fuq Ninwe, u saħansitra uża dan bħala skuża għax kien ħarab lejn Tarsis. Imbagħad talab biex imut, u qal li l-​mewt tkun aħjar mill-​ħajja.—Aqra Ġona 4:2, 3.

15. (a) X’setaʼ wassal lil Ġona biex iħossu mifni u rrabjat? (b) Ġeħova kif ittratta lill-​profeta tiegħu li kien qed iħossu mifni?

15 X’kien qed ikiddu lil Ġona? Ma nafux eżatt x’għadda minn  moħħu, iżda nafu żgur li Ġona kien ipproklama qerda fuq Ninwe quddiem dawk in-​nies kollha. Kienu emmnuh. U issa, ma kienet ġejja ebda qerda. Beżaʼ li se jgħadduh biż-​żmien jew li se jagħtuh it-​tikketta taʼ profeta falz? Kien x’kien, hu ma feraħx bl-​indiema tan-​nies jew bil-​ħniena li wera Ġeħova. Minflok, donnu mtela bl-​imrar, beda jitħassar lilu nnifsu, u inkwieta li r-​reputazzjoni tiegħu kienet tħassret. Iżda milli jidher, l-​Alla ħanin taʼ Ġona xorta ra t-​tajjeb f’dan il-​profeta li kien qed iħossu mifni. Minflok ma kkastiga lil Ġona għad-​diżrispett tiegħu, Ġeħova sempliċement staqsieh mistoqsija waħda bil-​ħlewwa li ġegħlitu jeżamina lilu nnifsu: “Għandek għalfejn tagħdab daqshekk?” (Ġona 4:4) Ġona wieġbu lura? Il-​Bibbja ma tgħidilniex.

16. Xi wħud b’liema modi għandhom mnejn ma jaqblux m’Alla, u liema lezzjoni nistgħu nitgħallmu mill-​eżempju taʼ Ġona?

16 Huwa faċli li niġġudikaw lil Ġona minħabba l-​kondotta tiegħu, iżda nagħmlu tajjeb li niftakru li mhix l-​ewwel darba li bniedem imperfett ma jaqbilx m’Alla. Xi wħud għandhom mnejn isostnu li Ġeħova missu evita traġedja jew li missu ġab ġudizzju bla dewmien kontra n-​nies mill-​agħar, jew saħansitra li missu diġà ġab tmiem għal din is-​sistema tad-​dinja. L-​eżempju taʼ Ġona jservi taʼ tfakkira li meta ma naqblux m’Alla Ġeħova, dejjem tkun il-​ħarsa tagħna li teħtieġ tiġi aġġustata—u qatt Tiegħu.

Kif Ġeħova Għallem lil Ġona Jkun Ħanin

17, 18. (a) Ġona x’għamel wara li telaq minn Ninwe? (b) Il-​mirakli taʼ Ġeħova li jinvolvu siġra tal-​qargħa bomblija kif effettwaw lil Ġona?

17 Qalbu sewda, il-​profeta telaq minn Ninwe u flok mar lura d-​dar, ġibed lejn il-​Lvant, fejn xi muntanji kienu jagħtu għal fuq ir-​reġjun. Hu bena naqra taʼ għarix fejn setaʼ jistkenn u jistenna b’ħarstu mitfugħa fuq Ninwe. Forsi kien għadu jittama li jaraha tinqered. Ġeħova kif kien se jgħallem lil dan ir-​raġel rasu iebsa biex ikun ħanin?

18 Mal-​lejl, Ġeħova ġiegħel li tikber siġra tal-​qargħa bomblija. Ġona qam u ra din il-​pjanta mill-​isbaħ u tħaddar bil-​weraq kbar tagħha li pprovdietlu ħafna iktar dell milli qatt setaʼ jipprovdilu l-​għarix li kien bena taʼ kafkaf. Kien ferħan se jtir. “Ġona feraħ ferm bis-​siġra,” u forsi qies dan il-​miraklu bħala sinjal tal-​barka u l-​approvazzjoni t’Alla. Madankollu, Ġeħova ma riedx sempliċement jeħilsu mis-​sħana u mir-​rabja tiegħu stess li ma kinitx raġunevoli; ried jagħmel iktar minn hekk. Ried jilħaq qalb Ġona. Għalhekk, Alla wettaq iktar mirakli. Hu bagħat dudu biex  jattakka u joqtol il-​pjanta. Imbagħad bagħat “riħ jaħraq mil-​lvant” sa ma Ġona “beda jħossu ħażin” minħabba s-​sħana. Ġona reġaʼ beda jsewwed qalbu, u għal darb’oħra talab lil Alla biex imut.—Ġona 4:6-​8.

19, 20. Ġeħova kif irraġuna maʼ Ġona dwar is-​siġra tal-​qargħa bomblija?

19 Għal darb’oħra, Ġeħova staqsa lil Ġona għala kien daqshekk mgħaddab, din id-​darba minħabba l-​mewt tas-​siġra tal-​qargħa bomblija. Minflok ma nidem, Ġona ġġustifika ruħu billi qal: “Għandi għalfejn nagħdab daqshekk, tant li rrid immut.” Kien hawnhekk li Ġeħova ħataf l-​opportunità biex isammar il-​musmar fuq rasu.—Ġona 4:9.

Alla uża s-siġra tal-qargħa bomblija biex jgħallem lil Ġona tagħlima dwar il-ħniena

20 Alla rraġuna maʼ Ġona u qal li l-​profeta ħassu dispjaċut minħabba l-​mewt taʼ sempliċi siġra li kienet nibtet matul il-​lejl, siġra li Ġona la kien ħawwel u lanqas ġiegħel li tikber. Imbagħad Alla kkonkluda u qal: “Jien, min-​naħa tiegħi, m’għandux jiddispjaċini għal Ninwe l-​belt il-​kbira, li fiha hemm iktar minn mija u għoxrin elf bniedem li lanqas biss jafu d-​differenza bejn idhom  il-​leminija u x-​xellugija, minbarra li hemm ħafna annimali domestiċi?”—Ġona 4:10, 11. *

21. (a) Ġeħova liema tagħlima uża biex jgħallem lil Ġona? (b) Ir-​rakkont taʼ Ġona kif jistaʼ jgħinna neżaminaw lilna nfusna bl-​onestà kollha?

21 Tifhem x’ried ifisser verament Ġeħova b’din it-​tagħlima? Ġona m’għamel xejn biex jieħu ħsieb dik is-​siġra. Ġeħova, mill-​banda l-​oħra, kien is-​Sors tal-​ħajja tan-​Ninwin u kien sostniehom, bħalma jsostni lill-​ħlejjaq kollha fuq l-​art. Ġona kif setaʼ jgħożż siġra iktar milli jgħożż il-​ħajjiet taʼ 120,000 ruħ flimkien mal-​bhejjem kollha tagħhom? Dan kien għax Ġona ħalla l-​egoiżmu jirkbu. Fil-​fatt, hu ħassu dispjaċut għall-​pjanta għax kienet taʼ gwadann għalih personalment. Ir-​rabja tiegħu għal Ninwe bl-​istess mod ġiet minn motivi egoistiċi—xewqa bi kburija li jipproteġi r-​reputazzjoni tiegħu stess, biex juri li għandu raġun. L-​istorja taʼ Ġona tistaʼ tgħinna neżaminaw lilna nfusna bl-​onestà kollha. Min minna m’għandux tendenzi egoistiċi bħal dawn? Kemm għandna nkunu grati li Ġeħova bil-​paċenzja jgħallimna kif ma nkunux egoisti, kif nagħdru iktar, u kif nuru iktar ħniena—bħalu!

22. (a) Ġona kif ġie effettwat mill-​istruzzjoni għaqlija taʼ Ġeħova dwar il-​ħniena? (b) Liema tagħlima jeħtieġ li lkoll nitgħallmu?

22 Il-​mistoqsija hi, Ġona tgħallem minn din l-​esperjenza? Il-​ktieb li jġorr ismu jispiċċa bil-​mistoqsija taʼ Ġeħova li baqgħet ma twiġbitx. Xi kritiċi jistgħu jsostnu li Ġona qatt ma jwieġeb lura. Iżda fil-​verità t-​tweġiba tiegħu hemm qiegħda. Huwa l-​ktieb innifsu li jservi taʼ tweġiba. L-​evidenza tindika li Ġona stess kiteb il-​ktieb li jġorr ismu. Ipprova immaġina lil dan il-​profeta, li għal darb’oħra kien jinsab għall-​kwiet f’pajjiżu, jikteb dan ir-​rakkont. Nistgħu kważi nġibu quddiem għajnejna raġel ixjeħ, iktar għaref, u iktar umli, ixengel rasu sogħbien hekk kif jiddeskrivi l-​iżbalji tiegħu stess, ir-​ribelljoni tiegħu, u r-​ras iebsa li kellu meta rrifjuta li juri ħniena. B’mod ċar, Ġona ħa tagħlima vitali mill-​istruzzjoni għaqlija taʼ Ġeħova. Tgħallem juri l-​ħniena. Xi ngħidu għalina?—Aqra Mattew 5:7.

^ par. 6 Ġie stmat li s-​Samarija, il-​belt kapitali tas-​saltna taʼ Iżrael b’għaxar tribujiet, setaʼ kellha madwar 20,000 sa 30,000 abitant fi żmien Ġona—inqas minn kwart tal-​popolazzjoni taʼ Ninwe. Meta kienet fl-​aqwa tagħha, Ninwe għandha mnejn kienet l-​ikbar belt fid-​dinja.

^ par. 8 Dan id-​dettall jistaʼ jidher stramb iżda kien diġà ġara hekk fiż-​żminijiet tal-​qedem. L-​istorjografu Grieg Erodotu kiteb li l-​Persjani tal-​qedem kienu jesprimu n-​niket tagħhom minħabba l-​mewt taʼ xi ġeneral li jkun popolari billi jinkludu l-​bhejjem tagħhom fi drawwiethom b’rabta mal-​luttu.

^ par. 20 Il-​fatt li Alla qal li dawn in-​nies ma kinux jagħrfu l-​lemin mix-​xellug jindika kemm b’nuqqas taʼ maturità injoraw il-​livelli t’Alla.