Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU TNEJN U GĦOXRIN

Kien Leali Minkejja l-Provi

Kien Leali Minkejja l-Provi

1, 2. Pietru x’aktarx għal xiex kien qed jittama hekk kif Ġesù tkellem f’Kafarnahum, iżda x’ġara minflok?

PIETRU ħares fiss b’ċerta ansjetà lejn l-​uċuħ taʼ dawk fl-​udjenza li kellu Ġesù. Kienu fis-​sinagoga f’Kafarnahum—il-​belt fejn kien jgħix Pietru u fejn kellu n-​negozju tas-​sajd fuq ix-​xatt tat-​Tramuntana tal-​Baħar tal-​Galilija. Ħafna mill-​ħbieb, mill-​qraba tiegħu, u min-​nies li kien iltaqaʼ magħhom permezz tan-​negozju kienu jgħixu hemmhekk ukoll. Bla dubju, Pietru kien qed jittama li anki n-​nies taʼ raħal twelidu jqisu lil Ġesù bħala l-​Messija u jkunu ferħanin ħafna jitgħallmu dwar is-​Saltna t’Alla mill-​aqwa għalliem. Imma dakinhar mhux hekk ġara.

2 Ħafna wħud ma kinux baqgħu jagħtu widen. Xi nies kienu qed jinstemgħu jgergru għax ma bdewx jaqblu maʼ dak li kien qed jgħid Ġesù. Iżda l-​iktar ħaġa li inkwetat lil Pietru kienet ir-​reazzjoni taʼ xi dixxipli taʼ Ġesù stess. Wiċċhom ma kienx għadu jiddi bil-​ferħ; ma baqgħux japprezzaw il-​veritajiet ġodda li kien għallimhom Ġesù. Issa kellhom bixra taʼ mdejqin, saħansitra rrabjati. Xi wħud tkellmu billi ddeskrivew id-​diskors taʼ Ġesù bħala li jkexkxek. Huma rrifjutaw li jkomplu jagħtu widen u telqu ’l barra mis-​sinagoga u ma baqgħux dixxipli tiegħu.—Aqra Ġwanni 6:60, 66.

3. Il-​fidi taʼ Pietru x’għenitu jagħmel ħafna drabi?

3 Kien żmien diffiċli għal Pietru u għal sħabu l-​appostli. Pietru ma fehemx bis-​sħiħ dak li Ġesù kien qal dakinhar. Bla dubju, setaʼ jara għala kliem Ġesù setaʼ jinstemaʼ offensiv jekk ma jiġix spjegat. Pietru x’kien se jagħmel? Ma kinitx l-​ewwel darba li l-​lealtà lejn Sidu ġiet imġarrba; u lanqas ma kellha tkun l-​aħħar darba. Ejja naraw kif il-​fidi taʼ Pietru għenitu jibqaʼ leali minkejja dawn l-​isfidi.

Leali Meta Ħaddieħor Sar Żleali

4, 5. Ġesù kif aġixxa b’modi li kienu jmorru kontra l-​istennijiet tan-​nies?

4 Pietru spiss kien jibqaʼ mistagħġeb b’dak li kien jgħid Ġesù. Kultant Sidu kien jaġixxi u jitkellem b’mod li kien imur  kontra dak li n-​nies kienu jistennew minnu. Ġurnata biss qabel, Ġesù kien temaʼ b’mod mirakoluż folla taʼ eluf taʼ nies. Min-​naħa tagħhom, kienu pprovaw jagħmluh sultan. Madankollu, ħafna baqgħu mbellhin għax telaqhom u ta istruzzjoni lid-​dixxipli tiegħu biex jitilgħu fuq dgħajsa u jbaħħru lejn Kafarnahum. Xħin id-​dixxipli kienu qed jaqsmu l-​għadira mal-​lejl, Ġesù għal darb’oħra ħalliehom bla kliem billi mexa fuq il-​baħar imqalleb tal-​Galilija, u b’hekk lil Pietru tah lezzjoni importanti dwar il-​fidi.

5 Filgħodu, malajr intebħu li dawk il-​folol tan-​nies kienu segwewhom madwar l-​għadira. Iżda milli jidher, in-​nies kienu xewqanin li Ġesù jitmagħhom b’mod mirakoluż u mhux li jitgħallmu veritajiet spiritwali mingħandu. Ġesù ċanfarhom minħabba l-​attitudni materjalistika tagħhom. (Ġw. 6:25-​27) Din id-​diskussjoni kompliet sejra fis-​sinagoga f’Kafarnahum, fejn Ġesù reġaʼ mar kontra l-​istennijiet tan-​nies biex jgħallimhom verità vitali iżda li huma qisuha bħala li kienet tat-​tkexkix.

6. Ġesù liema tixbiha ta, u s-​semmiegħa tiegħu kif irreaġixxew?

6 Ġesù ried li dawk in-​nies ma jqisuhx bħala sors taʼ sempliċi ikel materjali, imma bħala provvediment spiritwali minn Alla, bħala l-​wieħed li ħajtu u mewtu bħala bniedem kienu se jagħmlu l-​ħajja taʼ dejjem possibbli għall-​bnedmin. Għalhekk, hu ta tixbiha billi qabbel lilu nnifsu mal-​manna, il-​ħobż li niżel mis-​sema fi żmien Mosè. Meta xi wħud oġġezzjonaw, hu uża tixbiha ħajja billi spjega li kien neċessarju li wieħed jieħu mil-​laħam u mid-​demm tiegħu sabiex jikseb il-​ħajja. Meta qal dan, bdew jirrabjaw ħafna. Xi wħud qalu: “Dan id-​diskors ikexkxek; min jiflaħ jisimgħu?” Ħafna mid-​dixxipli taʼ Ġesù stess iddeċidew li ma jibqgħux jimxu warajh. *Ġw. 6:48-​60, 66.

7, 8. (a) Pietru x’kien għadu ma fehemx dwar l-​irwol taʼ Ġesù? (b) Pietru kif wieġeb il-​mistoqsija taʼ Ġesù lill-​appostli?

7 Pietru x’kien se jagħmel? Anki hu ħassu konfuż minħabba d-​diskors taʼ Ġesù. Kien għadu ma fehemx li Ġesù kellu jmut sabiex iwettaq ir-​rieda t’Alla. Tgħid Pietru tħajjar ma jibqax jimxi wara Ġesù bħal dawk id-​dixxipli qishom pinnur li kienu telqu lil Ġesù dakinhar? Le; Pietru kellu kwalità importanti li għamlitu differenti minn dawn l-​irġiel. X’kienet?

8 Ġesù dar lejn l-​appostli tiegħu u qal: “Ma tridux tmorru  intom ukoll, hux?” (Ġw. 6:67) Hu indirizza lit-​12, imma kien Pietru li tkellem. Spiss kien jiġri hekk. Jistaʼ jkun li Pietru kien l-​ikbar wieħed fosthom. Kien x’kien, żgur li kien l-​iktar wieħed taʼ żaqqu f’fommu minnhom kollha; jidher li Pietru rari kien jaħsibha darbtejn biex jgħid dak li kien ikun għaddej minn moħħu. F’dan il-​każ, dak li kien għaddej minn moħħu kien dan il-​kliem sabiħ u memorabbli: “Mulej, għand min tridna mmorru? Int għandek il-​kliem tal-​ħajja taʼ dejjem.”—Ġw. 6:68.

9. Pietru kif wera lealtà lejn Ġesù?

9 Ma jmisslekx qalbek dan il-​kliem? Il-​fidi taʼ Pietru f’Ġesù kienet għenitu jibni kwalità imprezzabbli—il-​lealtà. Pietru ra biċ-​ċar li Ġesù kien l-​uniku Salvatur li Ġeħova kien ipprovda u li Ġesù kien joffri s-​salvazzjoni permezz tat-​tagħlim tiegħu dwar is-​Saltna t’Alla. Pietru kien jaf li anki jekk kien hemm xi affarijiet li ma kienx jifhem, ma kellu mkien ieħor fejn imur jekk ried l-​approvazzjoni t’Alla u l-​barka tal-​ħajja taʼ dejjem.

Jeħtieġ inkunu leali lejn it-​tagħlim taʼ Ġesù, anki meta jmur kontra l-​istennijiet jew il-​preferenzi personali tagħna

10. Illum kif nistgħu nimitaw il-​lealtà taʼ Pietru?

10 Hekk tħossok int? B’sogħba, ħafna nies fid-​dinja tal-​lum jistqarru li jħobbu lil Ġesù iżda mhumiex leali lejh. Il-​lealtà ġenwina lejn Kristu tirrikjedi li jkollna l-​istess ħarsa taʼ Pietru lejn it-​tagħlim taʼ Ġesù. Jeħtieġ nitgħallmuh, nifhmu t-​tifsir tiegħu, u ngħixu fi qbil miegħu—anki meta nibqgħu mistagħġbin għax ma jkunx skont il-​preferenzi personali jew l-​istennijiet tagħna. Huwa biss jekk inkunu leali li nistgħu nittamaw li niksbu l-​ħajja taʼ dejjem li Ġesù jrid għalina.Aqra  Salm 97:10.

Baqaʼ Leali Meta Ġesù Kkoreġieh

11. Ġesù fejn ħadhom lis-​segwaċi tiegħu? (Ara wkoll in-​nota taʼ taħt.)

11 Ftit wara dak iż-​żmien meta kellu ħafna x’jagħmel, Ġesù ħa lill-​appostli tiegħu u lil xi dixxipli fuq vjaġġ twil lejn it-​Tramuntana. Il-​quċċata tal-​Muntanja Ħermon li kienet miksija bis-​silġ, fl-​iktar parti mbiegħda fit-​Tramuntana tal-​Art Imwiegħda, kultant kienet tkun tidher anki mill-​baħar kaħlani tal-​Galilija. Ftit ftit, Ġesù u d-​dixxipli tiegħu kienu qed jivvjaġġaw lejn irħula qrib Ċesarija Filippi u jersqu eqreb lejn il-​Muntanja Ħermon. * F’dan l-​ambjent mill-​isbaħ, b’veduta taʼ parti kbira mill-​Art Imwiegħda lejn in-​Nofsinhar, Ġesù staqsa lis-​segwaċi tiegħu mistoqsija importanti.

12, 13. (a) Ġesù għala ried ikun jaf min il-​folol ħasbu li kien? (b) Fil-​kliem tiegħu lil Ġesù, Pietru kif wera fidi ġenwina?

 12 “Il-​folol min qed jgħidu li jien?” ried ikun jaf hu. Nistgħu nimmaġinaw lil Pietru jħares fl-​għajnejn mimlijin ħrara taʼ Ġesù u jerġaʼ jara l-​qalb tajba u l-​intelliġenza kbira li kellu Sidu. Ġesù ried ikun jaf xi bdew jaħsbu n-​nies dwaru. Id-​dixxipli taʼ Ġesù wieġbu l-​mistoqsija u rripetew xi ideat popolari imma żbaljati li kien hemm dwar l-​identità taʼ Ġesù. Imma Ġesù ried ikun jaf iktar. Kienu l-​iktar segwaċi qrib tiegħu qed jagħmlu l-​istess żbalji? “Iżda intom min tgħidu li jien?” staqsa hu.—Lq. 9:18-​20.

13 Għal darb’oħra, Pietru kien pront biex iwieġeb. Bi kliem ċar u dirett, hu tkellem dwar il-​konklużjoni li kienu waslu għaliha ħafna wħud hemmhekk. Hu qal: “Int il-​Kristu, Bin l-​Alla l-​ħaj.” Nistgħu nimmaġinaw lil Ġesù jagħti lil Pietru tbissima taʼ approvazzjoni hekk kif Hu faħħru bi mħabba. Ġesù fakkar lil Pietru li kien Alla Ġeħova—u mhux kwalunkwe bniedem—li kien għamel din il-​verità vitali tant ċara għal dawk b’fidi ġenwina. Pietru kien ingħata l-​abbiltà li jifhem waħda mill-​ikbar veritajiet li Ġeħova kien qatt irrivela—l-​identità tal-​Messija li kien ilu mwiegħed, jiġifieri, Kristu!—Aqra Mattew 16:16, 17.

14. Ġesù liema privileġġi importanti tah lil Pietru?

14 Dan il-​Kristu kien il-​wieħed li fi profezija tal-​qedem issejjaħ ġebla li l-​bennejja kellhom iwarrbu. (Salm 118:22; Lq. 20:17) B’dawn il-​profeziji f’moħħu, Ġesù rrivela li Ġeħova kellu jistabbilixxi kongregazzjoni proprju fuq il-​blata li Pietru kien għadu kif identifika. Imbagħad ta lil Pietru xi privileġġi importanti ħafna f’dik il-​kongregazzjoni. Hu ma tax lil Pietru xi pożizzjoni iktar onorabbli minn tal-​appostli l-​oħrajn, bħalma assumew ħafna wħud, iżda tah responsabbiltajiet. Hu ta lil Pietru “l-​imfietaħ tas-​saltna.” (Mt. 16:19) Kellu jkun il-​privileġġ taʼ Pietru li joffri t-​tama tas-​Saltna t’Alla lil tliet tipi differenti taʼ nies—l-​ewwel lil-​Lhud, imbagħad lis-​Samaritani, u finalment lill-​Ġentili, jiġifieri, dawk li ma kinux Lhud.

15. X’wassal lil Pietru biex iċanfar lil Ġesù, u b’liema kliem?

15 Madankollu, Ġesù iktar tard qal li dawk li jingħataw ħafna  jintalab ħafna minnhom, u dan il-​kliem kien minnu fil-​każ taʼ Pietru. (Lq. 12:48) Ġesù kompla jirrivela veritajiet vitali dwar il-​Messija, inkluż iċ-​ċertezza tat-​tbatija u l-​mewt tiegħu stess li kien se jġarrab f’Ġerusalemm. Lil Pietru, dawn l-​affarijiet ma daqqewx għal widnejh. Hu ħa lil Ġesù fil-​ġenb u ċanfru billi qallu: “Kun ħanin miegħek innifsek, Mulej; żgur li mhux se jiġrilek dan.”—Mt. 16:21, 22.

16. Ġesù kif ikkoreġieh lil Pietru, u lkoll kemm aħna liema parir prattiku nistgħu nsibu fil-​kliem taʼ Ġesù?

16 Pietru ħaseb li kien qed jgħin lil Ġesù, u għalhekk it-​tweġiba taʼ Ġesù żgur li ma kinitx mistennija. Hu ta dahru lil Pietru, ħares lejn il-​bqija tad-​dixxipli—li wisq probabbli kien għaddej ħsieb simili minn moħħhom—u qal: “Itlaq minn quddiemi, Satana! Int tfixkil għalija, għax m’intix taħseb il-​ħsibijiet t’Alla imma tal-​bnedmin.” (Mt. 16:23; Mk. 8:32, 33) Il-​kliem taʼ Ġesù fih parir prattiku għalina lkoll. Huwa tassew faċli li nħallu l-​ħsieb tal-​bniedem jieħu prijorità fuq il-​ħsieb t’Alla. Jekk nagħmlu hekk, anki bl-​intenzjoni li nkunu t’għajnuna, nistgħu bla ma rridu nsiru wħud li nħeġġu lil ħaddieħor jagħmel affarijiet li jogħġbu lil Satana minflok lil Alla. Iżda Pietru kif wieġeb?

17. Ġesù x’ried ifisser meta ċanfar lil Pietru?

17 Pietru żgur li rrealizza li Ġesù ma kienx qed jgħid li hu mill-​agħar bħal Satana x-​Xitan. Ġesù kien ċaħdu lil Satana. (Mt. 4:10) Imma ma kienx qed jiċħad lil Pietru. Ġesù ra ħafna tajjeb fl-​appostlu, imma sempliċement ikkoreġa l-​ħsieb ħażin taʼ Pietru f’din il-​kwistjoni. Mhuwiex diffiċli tara li Pietru kellu jieqaf jagħmillu l-​bsaten fir-​roti u jibda jappoġġah.

Huwa biss jekk naċċettaw id-​dixxiplina b’umiltà u nitgħallmu minnha li nistgħu nkomplu nersqu eqreb lejn Ġesù Kristu u lejn Missieru, Alla Ġeħova

18. Pietru kif wera l-​lealtà, u kif nistgħu nimitawh?

18 Qagħad Pietru iħaqqaqha, jirrabja, jew idendel il-​geddum? Le; hu aċċetta l-​korrezzjoni b’umiltà. B’hekk reġaʼ wera li hu leali. Dawk kollha li jsegwu lil Kristu, kultant ikollhom bżonn jingħataw korrezzjoni. Huwa biss jekk naċċettaw id-​dixxiplina b’umiltà u nitgħallmu minnha li nistgħu nkomplu nersqu eqreb lejn Ġesù Kristu u lejn Missieru, Alla Ġeħova.—Aqra Proverbji 4:13.

Pietru wera li kien leali anki meta kellu jiġi koreġut

 Ġie Premjat għal-​Lealtà Tiegħu

19. Ġesù liema stqarrija xokkanti għamel, u Pietru x’setaʼ ħaseb?

19 Ġesù ma damx ma għamel stqarrija xokkanti oħra: “Tassew ngħidilkom li xi wħud minn dawk li qegħdin hawnhekk żgur ma jduqux il-​mewt qabel ma jaraw lil Bin il-​bniedem ġej fis-​saltna tiegħu.” (Mt. 16:28) Bla dubju, dan il-​kliem qajjimlu l-​kurżità lil Pietru. Tgħid Ġesù x’ried ifisser? Forsi Pietru ħaseb dwar jekk il-​korrezzjoni qawwija li kien għadu kif irċieva kinitx tfisser li ma kien se jikseb ebda privileġġ speċjali bħal dan.

20, 21. (a) Iddeskrivi l-​viżjoni li ra Pietru. (b) Il-​konversazzjoni bejn il-​figuri fil-​viżjoni kif għenet biex tikkoreġi lil Pietru?

20 Iżda madwar ġimgħa wara, Ġesù ħa lil Ġakbu, Ġwanni, u Pietru fuq “muntanja għolja”—forsi l-​Muntanja Ħermon, li ma kinitx ’il bogħod ħafna. X’aktarx li kien billejl għax it-​tlett irġiel kienu qed jagħmlu ħilithom kollha biex itajru n-​ngħas. Imma xħin Ġesù beda jitlob, ġrat xi ħaġa li neħħitilhom il-​ħedla minn fuqhom.—Mt. 17:1; Lq. 9:28, 29, 32.

 21 Ġesù beda jitbiddel quddiem għajnejhom. Wiċċu beda jleqq u jiddi sakemm sar jixgħel daqs ix-​xemx. Ħwejġu kienu bojod u bdew ileqqu wkoll. Imbagħad feġġew żewġ figuri maʼ Ġesù, wieħed jirrappreżenta lil Mosè u l-​ieħor lil Elija. Bdew jitkellmu miegħu dwar “it-​tluq tiegħu li hu kellu jwettaq f’Ġerusalemm”—milli jidher mewtu u l-​irxoxt tiegħu. Kemm kien ċar li Pietru kien żbaljat meta ħaseb li Ġesù ma kienx se jbati u jmut!—Lq. 9:30, 31.

22, 23. (a) Pietru kif wera spirtu t’entużjażmu u qalb tajba? (b) Pietru, Ġakbu, u Ġwanni liema barka oħra rċivew dak il-​lejl?

22 Pietru xtaq li b’xi mod jieħu sehem f’din il-​viżjoni straordinarja—u forsi jtawwalha. Kien donnu li Mosè u Elija kienu qed iħallu lil Ġesù. Għalhekk, Pietru tkellem: “Mgħallem, kemm hu sew li aħna qegħdin hawnhekk; għalhekk, ħa ntellgħu tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè, u waħda għal Elija.” M’għandniex xi ngħidu, dawn ir-​rappreżentazzjonijiet fil-​viżjoni taʼ tnejn mill-​qaddejja taʼ Ġeħova, li kien ilhom żmien twil mejtin, ma kellhomx bżonn tined. Pietru tassew ma kienx jaf x’inhu jgħid. Iżda ma tħossokx tinġibed lejn dan ir-​raġel għall-​ispirtu t’entużjażmu u l-​qalb tajba tiegħu?—Lq. 9:33.

Flimkien maʼ Ġakbu u Ġwanni, Pietru kien ippremjat b’viżjoni eċċitanti

23 Pietru, Ġakbu, u Ġwanni rċivew barka oħra dak il-​lejl. Ifformat sħaba u bdiet tgħattihom meta kienu fuq il-​muntanja. Minnha nstemaʼ leħen—leħen Alla Ġeħova! Hu qal: “Dan hu Ibni, il-​magħżul. Isimgħu minnu.” Imbagħad intemmet il-​viżjoni, u sabu ruħhom waħedhom maʼ Ġesù fuq il-​muntanja.—Lq. 9:34-​36.

24. (a) Il-​viżjoni tat-​trasfigurazzjoni kif kienet taʼ benefiċċju għal Pietru? (b) Illum kif nistgħu nibbenefikaw mill-​viżjoni tat-​trasfigurazzjoni?

24 X’għotja kienet dik il-​viżjoni tat-​trasfigurazzjoni għal Pietru—u għalina wkoll! Għaxriet taʼ snin wara, hu kiteb dwar il-​privileġġ li kellu dak il-​lejl li proprju jara bil-​quddiem lil Ġesù bħala Sultan glorjuż tas-​sema u li jkun wieħed minn dawk li ‘raw b’għajnejhom stess il-​maestà tiegħu.’ Din il-​viżjoni kkonfermat il-​ħafna profeziji tal-​Kelma t’Alla u saħħet il-​fidi taʼ Pietru għall-​provi li kien għadu se jiffaċċja. (Aqra t-​2 Pietru 1:16-​19.) Tistaʼ tagħmel l-​istess għalina jekk bħal Pietru nibqgħu leali lejn is-​Sid li Ġeħova ħatar fuqna, nitgħallmu minnu, naċċettaw id-​dixxiplina u l-​korrezzjoni tiegħu, u b’umiltà nsegwuh ġurnata wara l-​oħra.

^ par. 6 Nistgħu naraw kemm kienet inkonsistenti l-​opinjoni tan-​nies fis-​sinagoga jekk inqabblu r-​reazzjonijiet tagħhom għad-​diskors taʼ Ġesù hawnhekk maʼ dak li qalu proprju l-​ġurnata taʼ qabel meta b’entużjażmu pproklamawh bħala profeta t’Alla.—Ġw. 6:14.

^ par. 11 Mix-​xtut tal-​Baħar tal-​Galilija, dak il-​vjaġġ taʼ 50 kilometru ħa lill-​grupp minn xi 210 metri taħt il-​livell tal-​baħar sa 350 metru ’l fuq mil-​livell tal-​baħar, minn reġjuni li jpaxxu l-​għajn.