Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 It-8 Taqsima

Meta sseħħ xi traġedja

Meta sseħħ xi traġedja

“Qed tithennew ħafna, għalkemm issa, għal ftit żmien, jekk għandu jkun hekk, qed titnikktu b’diversi provi.”—1 Pietru 1:6

Minkejja li tagħmel l-aħjar li tistaʼ biex ikollok żwieġ u familja ferħana, jistgħu jinqalgħu xi affarijiet mhux mistennijin li jagħmluhielek diffiċli biex tibqaʼ ferħan. (Ekkleżjasti 9:11) Alla bi mħabba jipprovdilna għajnuna meta niffaċċjaw diffikultajiet. Jekk tapplika l-prinċipji Skritturali li ġejjin, int u l-familja tiegħek se tkunu tistgħu tkampaw, anki meta tħabbtu wiċċkom mal-iktar sitwazzjonijiet diffiċli.

 1 STRIEĦ FUQ ĠEĦOVA

DAK LI TGĦID IL-BIBBJA: ‘Itfaʼ l-ansjetà kollha tiegħek fuqu, għax hu jimpurtah minnek.’ (1 Pietru 5:7) Dejjem ftakar li qatt mhu t-tort t’Alla meta jkollok xi inkwiet. (Ġakbu 1:13) Hekk kif tersaq qrib lejh, hu se jgħinek bl-aħjar mod possibbli. (Isaija 41:10) ‘Ferraʼ qalbek quddiemu.’—Salm 62:8.

Se ssib taʼ faraġ ukoll li taqra u tistudja l-Bibbja kuljum. B’hekk, se tesperjenza kif Ġeħova “jfarraġna fit-tribulazzjoni kollha tagħna.” (2 Korintin 1:3, 4; Rumani 15:4) Hu jwiegħed li jagħtik “il-paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb.”—Filippin 4:6, 7, 13.

DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL:

  • Itlob lil Ġeħova biex jgħinek tibqaʼ kalm u taħseb b’mod ċar

  • Ikkunsidra l-għażliet tiegħek kollha u agħżel l-aħjar waħda għalik

2 ĦU ĦSIEB TIEGĦEK INNIFSEK U TAʼ FAMILTEK

DAK LI TGĦID IL-BIBBJA: “Qalb dak li għandu l-abbiltà li jifhem tikseb l-għarfien, u widnet l-għorrief tipprova ssib l-għarfien.” (Proverbji 18:15) Ikseb il-fatti kollha. Sir af x’jeħtieġ kull membru tal-familja tiegħek. Tkellem magħhom u ismagħhom.—Proverbji 20:5.

Xi ngħidu jekk imut xi ħadd għażiż? Toqgħodx tiddejjaq tesprimi kif qed tħossok. Ftakar li anki “Ġesù qabiżlu d-dmugħ.” (Ġwanni 11:35; Ekkleżjasti 3:4) Li tistrieħ u torqod biżżejjed hu importanti wkoll. (Ekkleżjasti 4:6) Dan se jagħmilhielek iktar faċli biex tkampa maʼ sitwazzjoni stressanti.

DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL:

  • Tistenniex li sseħħ xi traġedja biex tiħodha drawwa li tikkomunika maʼ familtek. B’hekk, meta jinqalgħu xi problemi, se jħossuhom komdi jitkellmu miegħek

  • Tkellem m’oħrajn li forsi għaddew minn sitwazzjoni simili

 3 FITTEX L-GĦAJNUNA LI GĦANDEK BŻONN

DAK LI TGĦID IL-BIBBJA: “Ħabib veru jħobb il-ħin kollu; huwa ħu mwieled għal meta jkun hemm in-niket.” (Proverbji 17:17) Ħbiebek ikunu jridu jgħinuk imma forsi ma jkunux jafu x’għandhom jagħmlu. Iżżommx lura milli tgħidilhom dak li verament għandek bżonn. (Proverbji 12:25) Ukoll, fittex għajnuna spiritwali mingħand dawk li għandhom fehma tajba tal-Bibbja. Il-gwida li jistgħu jagħtuk mill-Bibbja se tgħinek.—Ġakbu 5:14.

Se ssib l-għajnuna li għandek bżonn meta tissieħeb regolarment maʼ nies li tassew għandhom fidi f’Alla u li jafdaw fil-wegħdi tiegħu. Se ssib faraġ kbir ukoll meta tgħin lil oħrajn li għandhom bżonn l-inkuraġġiment. Aqsam magħhom il-fidi li għandek f’Ġeħova u fil-wegħdi tiegħu. Żomm ruħek okkupat billi tgħin lil nies fil-bżonn, u tinqatax għalik waħdek imma ibqaʼ qrib taʼ dawk li jħobbuk u jimpurtahom minnek.—Proverbji 18:1; 1 Korintin 15:58.

DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL:

  • Tkellem maʼ ħabib tal-qalb u ħallih jgħinek

  • Kun speċifiku u onest dwar dak li għandek bżonn