Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 Ir-4 Taqsima

Kif tqassmu l-flus

Kif tqassmu l-flus

“L-għerf qiegħed maʼ dawk li jikkonsultaw flimkien.”—Proverbji 13:10

Ilkoll neħtieġu l-flus biex lill-familji tagħna nipprovdulhom l-affarijiet li għandhom bżonn. (Proverbji 30:8) Wara kollox, “il-flus huma protezzjoni.” (Ekkleżjasti 7:12) Bħala koppja, jistaʼ jkun diffiċli li titkellmu dwar il-flus, imma tħalluhomx joħolqu problemi fiż-żwieġ tagħkom. (Efesin 4:32) Koppja għandhom jafdaw lil xulxin u jaħdmu flimkien meta jiddeċiedu kif se jonfqu l-flus.

 1 IPPJANAW TAJJEB

DAK LI TGĦID IL-BIBBJA: “Min minnkom li jrid jibni torri ma joqgħodx l-ewwel bil-qiegħda u jikkalkula l-ispejjeż, biex jara jekk għandux biżżejjed biex ilestih?” (Luqa 14:28) Huwa importanti ferm li tippjanaw flimkien dwar kif se tużaw il-flus tagħkom. (Għamos 3:3) Iddeċiedu x’teħtieġu tixtru u kemm taffordjaw tonfqu. (Proverbji 31:16) Is-sempliċi fatt li jkollkom il-flus biex tixtru xi ħaġa, ma jfissirx li għandkom tixtruha bilfors. Evitaw li tidħlu fid-dejn. Tonfqux iktar milli għandkom.—Proverbji 21:5; 22:7.

DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL:

  • Jekk jifdlilkom xi ħaġa tal-flus fl-aħħar tax-xahar, iddeċiedu flimkien x’se tagħmlu bihom

  • Jekk tispiċċaw minn taħt, agħmlu pjanijiet biex tnaqqsu l-ispejjeż tagħkom. Pereżempju, forsi tistgħu ssajru xi ħaġa d-dar minflok ma tmorru tieklu barra

 2 KUNU ONESTI U REALISTIĊI

DAK LI TGĦID IL-BIBBJA: ‘Ipprovdi onestament mhux biss quddiem Ġeħova imma wkoll quddiem il-bnedmin.’ (2 Korintin 8:21) Kunu onesti maʼ xulxin dwar kemm taqilgħu u tonfqu.

Dejjem tkellmu maʼ xulxin qabel tieħdu deċiżjonijiet kbar dwar il-finanzi. (Proverbji 13:10) Il-komunikazzjoni dwar il-flus se tgħin biex iżżomm il-paċi fiż-żwieġ tiegħek. Tqisx il-flus li taqlaʼ bħala li huma flusek, imma bħala li huma l-flus tal-familja.—1 Timotju 5:8.

DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL:

  • Aqblu fuq l-ammont taʼ kemm tistgħu tonfqu flus mingħajr ma jkun hemm bżonn li tgħidu lil xulxin

  • Toqogħdux tistennew li tqum problema biex titkellmu dwar il-flus