Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 Is-7 Taqsima

Kif tgħallmu lil uliedkom

Kif tgħallmu lil uliedkom

“Dan il-kliem li qed nikkmandak illum irid ikun f’qalbek; u daħħlu sew f’qalb ibnek.”—Dewteronomju 6:6, 7

Meta Ġeħova għamel l-arranġament tal-familja, hu inkariga lill-ġenituri biex jieħdu ħsieb lil uliedhom. (Kolossin 3:20) Hija r-responsabbiltà tiegħek bħala ġenitur li tgħin lil uliedek isiru jħobbu lil Ġeħova u jsiru adulti responsabbli. (2 Timotju 1:5; 3:15) Jeħtieġ ukoll li ssir taf x’hemm f’qalb uliedek. Naturalment, l-eżempju tiegħek stess hu importanti ħafna. Il-Kelma taʼ Ġeħova l-ewwel trid tkun f’qalbek stess biex tkun tistaʼ tgħallimha lil uliedek.—Salm 40:8.

 1 AGĦMILHA FAĊLI GĦAL ULIEDEK BIEX IKELLMUK

DAK LI TGĦID IL-BIBBJA: ‘Kun ħafif biex tismaʼ, tqil biex titkellem.’ (Ġakbu 1:19) Int trid li t-tfal tiegħek iħossuhom komdi jkellmuk. Huma jridu jkunu jafu li int lest li toqgħod tismagħhom meta jkunu jridu jitkellmu. Agħmel ċert li t-tfal ma jibżgħux jiftħu qalbhom miegħek. (Ġakbu 3:18) Jekk jaħsbu li se tkun iebes magħhom jew li se tiġġudikahom, għandhom mnejn ma jgħidulekx kollox. Kun paċenzjuż mat-tfal tiegħek, u spiss aċċertahom li tħobbhom.—Mattew 3:17; 1 Korintin 8:1.

DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL:

  • Kun disponibbli meta t-tfal tiegħek ikunu jridu jkellmuk

  • Tkellem mat-tfal regolarment, mhux biss meta jkun hemm il-problemi

2 IPPROVA IFHEM XI JKUNU JRIDU JGĦIDU VERAMENT

DAK LI TGĦID IL-BIBBJA: “Min qed juri d-dehen fi kwistjoni se jsib it-tajjeb.” (Proverbji 16:20) Xi kultant, biex tifhem verament dak li jkunu qed iħossu wliedek, m’għandekx biss tqis il-kliem li jgħidu. Huwa normali li t-tfal jesaġeraw jew jgħidu xi ħaġa bla ma jaħsbuha. “Meta xi ħadd iwieġeb qabel ma jismaʼ l-kwistjoni, dan ikun bluha.” (Proverbji 18:13) Tirrabjax malajr.—Proverbji 19:11.

DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL:

  • Jgħidu x’jgħidu t-tfal, agħmel ċert li ma taqbiżx fin-nofs jew tagħmilhom bi kbar

  • Ipprova ftakar kif kont tħossok int u x’kien jidher importanti għalik meta kont tal-età tagħhom

 3 IĠBDU ĦABEL WIEĦED

DAK LI TGĦID IL-BIBBJA: “Ibni, ismaʼ mid-dixxiplina taʼ missierek, u titlaqx il-liġi t’ommok.” (Proverbji 1:8) Ġeħova ta l-awtorità fuq it-tfal kemm lill-missier kif ukoll lill-omm. Jeħtieġ li tgħallmu lil uliedkom jirrispettawkom u jobdukom. (Efesin 6:1-3) It-tfal jistgħu jindunaw jekk il-ġenituri tagħhom ma jkunux “magħqudin kif jixraq b’fehma waħda.” (1 Korintin 1:10) Jekk ma taqblux, aħjar jekk ma turux dan quddiem uliedkom għax dan jistaʼ jnaqqas ir-rispett tagħhom lejkom bħala ġenituri.

DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL:

  • Iddiskutu u aqblu dwar kif se tiddixxiplinaw lil uliedkom

  • Jekk int u r-raġel jew il-mara tiegħek għandkom opinjoni differenti dwar kif għandkom tgħallmu lil uliedkom, ipprovaw ifhmu l-ħarsa taʼ xulxin

 4 ĦEJJU PJAN

DAK LI TGĦID IL-BIBBJA: “Ħarreġ tifel skond it-triq xierqa għalih.” (Proverbji 22:6) It-tfal tiegħek mhux se jiġu mgħallmin sew b’kumbinazzjoni. Jeħtieġ li jkollkom pjan, u dan għandu jinkludi d-dixxiplina. (Salm 127:4; Proverbji 13:1) Id-dixxiplina ma tfissirx biss kastig, imma tinvolvi li tgħin lil uliedek jifhmu għala għandhom ċerti regoli. (Proverbji 28:7) Ukoll, għallimhom iħobbu l-Kelma taʼ Ġeħova u għallimhom jagħrfu l-prinċipji tagħha. (Salm 1:2) Dan se jgħinhom biex jiżviluppaw kuxjenza taʼ min joqgħod fuqha.—Ebrej 5:14.

DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL:

  • Agħmel ċert li wliedek iqisu lil Alla bħala Persuna reali, xi ħadd li jistgħu jafdawh

  • Għinhom jindunaw bil-perikli morali u jevitawhom, bħal dawk li jkun hemm fuq l-Internet u n-netwerks soċjali. Għallimhom kif jevitaw lil dawk li jabbużaw mit-tfal sesswalment

“Ħarreġ tifel skond it-triq xierqa għalih”