Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 Id-9 Taqsima

Qimu lil Ġeħova bħala familja

Qimu lil Ġeħova bħala familja

“Qimu lil Dak li għamel is-sema u l-art.”—Rivelazzjoni 14:7

Bħalma tgħallimt minn dan il-browxer, il-Bibbja fiha ħafna prinċipji li se jgħinu lilek u lill-familja tiegħek. Ġeħova jridek tkun ferħan. Hu jwiegħed li jekk tpoġġi l-qima tiegħu l-ewwel, hu se jagħtik dak kollu li għandek bżonn. (Mattew 6:33) Hu tassew jixtieq li int tkun il-ħabib tiegħu. Uża kull opportunità biex issaħħaħ il-ħbiberija tiegħek m’Alla. Dan hu l-akbar privileġġ li bniedem jistaʼ jkollu.—Mattew 22:37, 38.

 1 SAĦĦAĦ IR-RELAZZJONI TIEGĦEK MAʼ ĠEĦOVA

DAK LI TGĦID IL-BIBBJA: “‘Inkun missier għalikom, u intom tkunu għalija wlied subien u bniet,’ jgħid Ġeħova.” (2 Korintin 6:18) Alla jridek issir il-ħabib tal-qalb tiegħu. It-talb hu mod wieħed kif tagħmel dan. Ġeħova jistiednek biex ‘titlob bla waqfien.’ (1 Tessalonikin 5:17) Hu jridek tiftaħ qalbek miegħu u tgħidlu dak li qed jinkwetak. (Filippin 4:6) Meta titlob mal-familja tiegħek, huma se jaraw kemm Alla hu reali għalik.

Minbarra li titkellem m’Alla, jeħtieġ ukoll li tagħtih widen. Tistaʼ tagħmel dan billi tistudja l-Kelma tiegħu u pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-Bibbja. (Salm 1:1, 2) Immedita fuq dak li taqra. (Salm 77:11, 12) Li tismaʼ lil Alla jinvolvi wkoll li tattendi regolarment laqgħat Kristjani.—Salm 122:1-4.

Mod importanti ieħor kif issaħħaħ ir-relazzjoni tiegħek maʼ Ġeħova hu billi titkellem dwaru m’oħrajn. Iktar ma tagħmel hekk, iktar se tħossok qrib tiegħu.—Mattew 28:19, 20.

DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL:

  • Warrab ħin kuljum biex taqra l-Bibbja u biex titlob

  • Kun ċert li fil-familja tiegħek l-attivitajiet spiritwali jiġu qabel id-divertiment u l-ħin taʼ mistrieħ

2 ĦU PJAĊIR FIL-QIMA TAL-FAMILJA TIEGĦEK

DAK LI TGĦID IL-BIBBJA: “Ersqu qrib lejn Alla, u hu jersaq qrib lejkom.” (Ġakbu 4:8) Jeħtieġ li jkollok skeda biex tagħmel il-qima tal-familja regolarment. Imbagħad kun ċert li żżomm magħha. (Ġenesi 18:19) Imma hemm bżonn iktar minn hekk. Alla għandu jkun parti mill-ħajja tiegħek taʼ kuljum. Saħħaħ ir-relazzjoni tal-familja tiegħek m’Alla billi titkellem dwaru “meta toqgħod bil-qiegħda f’darek u meta timxi fit-triq u meta timtedd u meta tqum.” (Dewteronomju 6:6, 7) Agħmilha l-mira tiegħek li tkun bħal Ġożwè, li qal: “Ngħid għalija u għan-nies taʼ dari, aħna se naqdu lil Ġeħova.”—Ġożwè 24:15.

DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL:

  • Agħmel pjanijiet biex tikkunsidra l-bżonnijiet taʼ kull membru tal-familja tiegħek regolarment