Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU 10

‘Ixbhu lil Alla’ bil-mod kif tużaw il-qawwa

‘Ixbhu lil Alla’ bil-mod kif tużaw il-qawwa

1. Il-bnedmin imperfetti f’liema nassa sottili jaqgħu malajr?

“M’HEMMX qawwa li m’għandhiex xi nassa sottili moħbija xi mkien.” Dan il-kliem taʼ poetessa tas-seklu 19 jiġbed l-attenzjoni għal periklu sottili: l-użu ħażin tal-qawwa. B’sogħba, il-bnedmin imperfetti malajr jaqgħu f’din in-nassa. Tabilħaqq, matul l-istorja ‘l-bniedem ħakem fuq ieħor u għamillu l-ħsara.’ (Koħèlet 8:9) L-użu tal-qawwa mingħajr l-imħabba rriżulta f’sofferenza umana kbira.

2, 3. (a) X’hemm taʼ l-għaġeb fil-mod kif Jehovah juża l-qawwa? (b) Il-qawwa tagħna x’tistaʼ tinkludi, u kif għandna nużawha din il-qawwa kollha?

2 Iżda m’hijiex ħaġa taʼ l-għaġeb li Alla Jehovah, li għandu qawwa bla limitu, qatt ma jużaha ħażin din il-qawwa? Bħalma rajna fil-kapitli taʼ qabel, hu dejjem juża l-qawwa tiegħu—kemm jekk biex joħloq, jeqred, jipproteġi, jew iġedded—fi qbil ma’ l-iskopijiet tiegħu taʼ mħabba. Meta naħsbu dwar il-mod kif juża l-qawwa tiegħu, aħna nitqanqlu biex nersqu qrib lejh. Min-naħa l-oħra, dan jistaʼ jqanqalna biex ‘nixbhu lil Alla’ bil-mod kif nużaw il-qawwa tagħna stess. (Efesin 5:1) Imma aħna liema qawwa għandna bħala bnedmin insinifikanti?

3 Ftakar li l-bniedem inħoloq “fuq is-sura u x-xbieha” t’Alla. (Ġenesi 1:26, 27) Għaldaqstant, aħna wkoll għandna l-qawwa—għallinqas ċertu ammont. Il-qawwa tagħna tistaʼ tinkludi l-ħila li nwettqu ċerti affarijiet, li naħdmu; il-fatt li jkollna kontroll jew awtorità fuq oħrajn; l-abbiltà li ninfluwenzaw lil oħrajn, partikolarment lil dawk li jħobbuna; saħħa fiżika; jew riżorsi materjali. Dwar Jehovah, is-salmista qal: “Għandek hemm l-għajn tal-ħajja.” (Salm 36:10 [36:9, NW]) Għalhekk, b’mod dirett jew indirett, Alla hu s-sors taʼ kwalunkwe  qawwa leġittima li jistaʼ jkollna. Għalhekk, aħna rridu nużawha b’modi li jogħġbuh. Kif nistgħu nagħmlu dan?

L-Imħabba Hija ċ-Ċavetta

4, 5. (a) X’inhi ċ-ċavetta biex wieħed juża tajjeb il-qawwa, u dan kif jidher fl-eżempju t’Alla nnifsu? (b) L-imħabba kif se tgħinna nużaw tajjeb il-qawwa tagħna?

4 Iċ-ċavetta biex wieħed juża tajjeb il-qawwa hija l-imħabba. Ma jidhirx dan fl-eżempju t’Alla nnifsu? Ftakar fid-diskussjoni li kellna f’Kapitlu 1 dwar l-erba’ attributi kardinali t’Alla—il-qawwa, il-ġustizzja, l-għerf, u l-imħabba. Minn dawn l-erba’ kwalitajiet, liema waħda tispikka l-iktar? L-imħabba. “Alla hu mħabba,” jgħid l-1 Ġwanni 4:8. Iva, l-essenza nfisha taʼ Jehovah hija l-imħabba; din tinfluwenza dak kollu li jagħmel. Mela kull turija tal-qawwa tiegħu hija mqanqla mill-imħabba u fl-aħħar mill-aħħar hija għall-ġid taʼ dawk li jħobbuh.

5 L-imħabba wkoll se tgħinna biex nużaw tajjeb il-qawwa tagħna. Wara kollox, il-Bibbja tgħidilna li l-imħabba “tħenn” u “ma tfittixx dak li hu tagħha.” (1 Korintin 13:4, 5) Għaldaqstant, l-imħabba mhix se tħallina naġixxu b’manjiera ħarxa jew krudili ma’ dawk li għandna xi awtorità fuqhom. Minflok, se nittrattaw lil oħrajn bid-dinjità u npoġġu l-bżonnijiet u s-sentimenti tagħhom qabel tagħna.—Filippin 2:3, 4.

6, 7. (a) X’inhu l-biżaʼ t’Alla, u din il-kwalità għala se tgħinna nevitaw l-abbuż tal-qawwa? (b) Spjega b’eżempju r-rabta li hemm bejn il-biżaʼ li ma nogħġbux lil Alla u l-imħabba għal Alla.

6 L-imħabba hija marbuta ma’ kwalità oħra li tistaʼ tgħinna nevitaw l-abbuż tal-qawwa: il-biżaʼ t’Alla. X’inhu l-valur taʼ din il-kwalità? “Bil-biżaʼ tal-Mulej taħrab il-ħażen,” jgħid Proverbji 16:6. L-abbuż tal-qawwa ċertament li jinsab fost l-affarijiet ħżiena li għandna naħarbu minnhom. Il-biżaʼ t’Alla se jżommna lura milli nittrattaw ħażin lil dawk li għandna xi qawwa fuqhom. Għala? Ibda biex, aħna nafu li  rridu nagħtu kont lil Alla għall-mod kif nittrattaw lil uħud bħal dawn. (Neħemija 5:1-7, 15) Imma l-biżaʼ t’Alla jinvolvi iktar minn hekk. It-termini użati fil-lingwa oriġinali għall-kelma “biżaʼ” spiss jirreferu għal riverenza u rispett profond lejn Alla. B’hekk, il-Bibbja torbot il-biżaʼ ma’ l-imħabba lejn Alla. (Dewteronomju 10:12, 13) Din ir-riverenza profonda tinkludi li jkollna biżaʼ xieraq li ma nogħġbux lil Alla—mhux sempliċement għax nibżgħu mill-konsegwenzi imma għax tassew inħobbuh.

7 Biex nagħtu eżempju: Aħseb dwar ir-relazzjoni sabiħa bejn tifel żgħir u missieru. It-tifel jaf li missieru jinteressa ruħu fih għax iħobbu u għandu affezzjoni lejh. Imma t-tifel jaf ukoll x’jistenna minnu missieru, u li jekk ma jġibx ruħu kif suppost, se jiddixxiplinah. It-tifel ma jqattax ħajtu kollha mwerwer minn missieru. Għall-kuntrarju, hu jħobbu ħafna. It-tfajjel jitgħaxxaq jagħmel dawk l-affarijiet li jġibulu l-approvazzjoni taʼ missieru. Hekk ukoll bil-biżaʼ t’Alla. Ladarba nħobbu lil Jehovah, Missierna tas-sema, aħna nibżgħu nagħmlu xi ħaġa li biha ‘nsewdulu qalbu.’ (Ġenesi 6:6) Minflok, nixtiequ ħafna nferrħulu qalbu. (Proverbji 27:11) Huwa għalhekk li rridu nużaw tajjeb il-qawwa tagħna. Ejja nagħtu ħarsa iktar mill-qrib taʼ kif nistgħu nagħmlu dan.

Ġewwa l-Familja

8. (a) L-irġiel miżżewġin x’awtorità għandhom fil-familja, u din kif għandha tintuża? (b) Ir-raġel kif jistaʼ juri li hu jagħti ġieħ lil martu?

8 Ikkunsidra l-ewwel iċ-ċirku tal-familja. “Ir-raġel hu ras il-mara,” jgħid Efesin 5:23. Ir-raġel miżżewweġ kif għandu jeżerċita din l-awtorità mogħtija minn Alla? Il-Bibbja tgħid lill-irġiel miżżewġin biex jgħammru man-nisa tagħhom ‘bl-għaqal u jagħtuhom il-ġieħ li ħaqqhom għax huma iktar dgħajfa.’ (1 Pietru 3:7) In-nom Grieg tradott bħala “ġieħ” ifisser “prezz, valur, . . . rispett.” Forom taʼ din il-kelma huma tradotti “għotjiet” u “prezzjuż.” (Atti 28:10, NW; 1 Pietru 2:7, NW) Raġel li jagħti ġieħ lill-mara tiegħu qatt ma  se jattakkaha fiżikament; lanqas ma se jumiljaha jew iwaqqagħha għaċ-ċajt, u b’hekk iġagħalha tħossha li ma tiswa għal xejn. Għall-kuntrarju, hu jirrikonoxxi l-valur tagħha u jittrattaha bir-rispett. Hu juri bi kliemu u b’għemilu—fil-privat u fil-pubbliku—li hi prezzjuża għalih. (Proverbji 31:28) Raġel bħal dan ma jiksibx biss l-imħabba u r-rispett taʼ martu iżda, iktar importanti minn hekk, jikseb l-approvazzjoni t’Alla.

Irġiel u nisa miżżewġin jużaw tajjeb il-qawwa tagħhom billi jittrattaw lil xulxin bi mħabba u rispett

9. (a) In-nisa miżżewġin liema qawwa għandhom fil-familja? (b) X’jistaʼ jgħin lill-mara biex tuża l-abbiltajiet tagħha ħalli tappoġġa lil żewġha, u b’liema riżultat?

9 In-nisa wkoll għandhom ammont taʼ qawwa fil-familja. Il-Bibbja titkellem dwar nisa devoti li, mingħajr ma marru kontra l-arranġament taʼ l-istat taʼ kap, ħadu l-inizjattiva biex jinfluwenzaw lil żwieġhom b’mod pożittiv jew biex jgħinuhom jevitaw li jieħdu deċiżjonijiet żbaljati. (Ġenesi 21:9-12; 27:46–28:2) Forsi l-mara jkollha moħħha jilħqilha iktar mir-raġel tagħha, jew jistaʼ jkollha abbiltajiet oħra li hu ma jkollux. Madankollu, hi jrid ikollha “rispett profond” għal żewġha u trid ‘tkun sottomessa’ lejh “bħallikieku lejn il-Mulej.” (Efesin 5:22, 33, NW) Jekk il-mara żżomm f’moħħha li trid togħġob lil Alla, hi tkun tistaʼ tuża l-abbiltajiet tagħha biex tappoġġa lil żewġha minflok ma ċċekknu jew tipprova tiddominah. ‘Mara għarfa’ bħal din tikkoopera mill-qrib ma’ żewġha sabiex isaħħu lill-familja. B’hekk tkun qed iżżomm il-paċi m’Alla.—Proverbji 14:1.

10. (a) Alla liema awtorità tahom lill-ġenituri? (b) Xi tfisser il-kelma “dixxiplina,” u kif għandha tingħata? (Ara wkoll in-nota taʼ taħt.)

10 Il-ġenituri wkoll għandhom awtorità mogħtija lilhom minn Alla. Il-Bibbja twissi: “Missirijiet, iġġarrbuhomx iżżejjed lil uliedkom; iżda rabbuhom fid-dixxiplina u t-twiddib tal-Mulej.” (Efesin 6:4) Fil-Bibbja, il-kelma “dixxiplina” tistaʼ tfisser “trobbija, taħriġ, istruzzjoni.” It-tfal jeħtieġu d-dixxiplina; huma jmorru ħafna aħjar jekk ikun hemm gwida, restrizzjonijiet, u limiti ċari. Il-Bibbja tassoċja dixxiplina, jew  istruzzjoni, bħal din ma’ l-imħabba. (Proverbji 13:24) Għalhekk, “il-ħatar tat-twiddib” qatt m’għandu jintuża b’abbuż—f’sens emozzjonali u f’sens fiżiku. * (Qwiel 22:15, Saydon; Proverbji 29:15) Dixxiplina li tkun stretta jew ħarxa mingħajr ebda sens taʼ mħabba hija abbuż taʼ l-awtorità li għandhom il-ġenituri u tistaʼ tifni l-ispirtu taʼ tifel jew tifla. (Kolossin 3:21) Mill-banda l-oħra, dixxiplina bilanċjata mogħtija b’mod xieraq turi lit-tfal li l-ġenituri tagħhom iħobbuhom u jimpurtahom mit-tip taʼ persuna li qed isiru.

11. It-tfal kif jistgħu jużaw tajjeb il-qawwa tagħhom?

11 Xi ngħidu għat-tfal? Kif jistgħu jużaw tajjeb il-qawwa tagħhom? “Il-foħrija taż-żgħażagħ hi saħħithom,” jgħid Proverbji 20:29. Żgur li m’hemmx mod aħjar kif iż-żgħażagħ jużaw is-saħħa u l-qawwa tagħhom milli jaqdu lill-Ħallieq Grandjuż tagħhom. (Koħèlet 12:1) Iż-żgħażagħ jagħmlu tajjeb jekk iżommu f’moħħhom li l-azzjonijiet tagħhom jistgħu jeffettwaw is-sentimenti tal-ġenituri tagħhom. (Proverbji 23:24, 25) Meta t-tfal jobdu lill-ġenituri tagħhom li għandhom il-biżaʼ t’Alla u meta jimxu fit-triq it-tajba, huma jferrħu l-qlub tal-ġenituri tagħhom. (Efesin 6:1) Imġiba bħal din ‘togħġob lill-Mulej.’—Kolossin 3:20.

Ġewwa l-Kongregazzjoni

12, 13. (a) L-anzjani x’ħarsa għandhom ikollhom dwar l-awtorità tagħhom fil-kongregazzjoni? (b) Spjega b’eżempju għala l-anzjani għandhom jittrattaw lill-merħla bit-tenerezza.

12 Jehovah ipprovda indokraturi biex jidderieġu l-kongregazzjoni Kristjana. (Lhud 13:17) Dawn l-irġiel kwalifikati għandhom jużaw l-awtorità li tahom Alla biex jipprovdu għajnuna meħtieġa u biex il-merħla tkompli timxi ’l quddiem. B’din il-pożizzjoni, għandhom l-anzjani xi dritt li  jiddominaw lil ħuthom taʼ l-istess twemmin? Lanqas xejn! L-anzjani jrid ikollhom ħarsa bilanċjata u umli dwar l-irwol tagħhom fil-kongregazzjoni. (1 Pietru 5:2, 3) Il-Bibbja tgħid lill-indokraturi: ‘Irgħu l-kongregazzjoni t’Alla, li xtara bid-demm taʼ Ibnu stess.’ (Atti 20:28, NW) Din hija raġuni qawwija għala kull membru tal-merħla għandu jiġi trattat bit-tenerezza.

13 Nistgħu nġibu eżempju b’dan il-mod. Ħabib tal-qalb jitolbok tiħodlu ħsieb xi ħaġa li tkun għażiża ħafna għalih. Int taf li l-ħabib tiegħek ħallas prezz għoli għal din il-ħaġa. Ma taħsibx li se toqgħod attent b’seba’ għajnejn u tittrattaha b’delikatezza? Bl-istess mod, Alla ta lill-anzjani r-responsabbiltà li jieħdu ħsieb xi ħaġa taʼ valur kbir għalih: il-kongregazzjoni, li l-membri tagħha jitqabblu ma’ nagħaġ. (Ġwanni 21:16, 17) In-nagħaġ taʼ Jehovah huma għeżież għalih—tant għeżież, fil-fatt, li xtrahom bid-demm prezzjuż taʼ l-Iben uniġenitu tiegħu, Ġesù Kristu. Jehovah ma setax ħallas prezz ogħla minn hekk għan-nagħaġ tiegħu. Anzjani umlin iżommu dan f’moħħhom u jittrattaw lin-nagħaġ taʼ Jehovah kif jixraq.

‘Is-Setgħa taʼ l-Ilsien’

14. X’qawwa għandu l-ilsien?

14 “Fis-setgħa taʼ lsien [hemm] il-mewt u l-ħajja,” tgħid il-Bibbja. (Proverbji 18:21) Tabilħaqq, l-ilsien jistaʼ jagħmel ħafna ħsara. Min minna qatt ma ħass it-tingiża taʼ xi kumment bla ħsieb jew li saħansitra ntqal bi tmaqdir? Imma l-ilsien għandu wkoll is-setgħa jew il-qawwa li jirranġa. “Ilsien l-għorrief idewwi,” jgħid Proverbji 12:18. Iva, kliem pożittiv u li jibni jistaʼ jitqabbel ma’ balzmu fuq il-qalb li jikkalma u jfejjaq. Ikkunsidra xi eżempji.

15, 16. B’liema modi nistgħu nużaw l-ilsien biex ninkuraġġixxu lil oħrajn?

15 “Ikkonslaw lill-erwieħ dipressi,” iħeġġeġ l-1 Tessalonikin 5:14 (NW). Iva, anki qaddejja leali taʼ Jehovah jistgħu xi drabi jissieltu mad-dipressjoni. Kif nistgħu ngħinuhom lil uħud bħal dawn?  Faħħarhom b’mod ġenwin għal affarijiet speċifiċi biex tgħinhom jaraw li huma prezzjużi f’għajnejn Jehovah. Aqsam magħhom il-kliem qawwi taʼ versi mill-Bibbja li juru li Jehovah verament jimpurtah minn dawk li għandhom “qalbhom maqsuma” u “ruħhom mifnija,” u jħobbhom. (Salm 34:19 [34:18, NW]) Meta nużaw il-qawwa taʼ lsienna biex nikkonslaw lil oħrajn, inkunu qed nuru li qed nimitaw lill-Alla tagħna li jagħder, u “li jfarraġ lid-dipressi.”—2 Korintin 7:6, New American Standard Bible.

16 Nistgħu nużaw ukoll il-qawwa taʼ lsienna biex nipprovdu lil oħrajn l-inkuraġġiment tant meħtieġ. Hemm xi ħadd minn sħabek taʼ l-istess twemmin li mietlu xi ħadd għażiż? Ftit kliem ħelu biex turih li qed taħseb fih u li jimpurtak minnu jistaʼ jfarraġ qalb imnikkta. Hemm xi ħadd mill-aħwa mdaħħal fiż-żmien li qed iħossu mhux bżonnjuż? Ftit kliem imlissen bil-ħsieb jistaʼ jserraħ moħħ dawn l-uħud anzjani illi huma prezzjużi u apprezzati. Hemm xi ħadd li qed jikkumbatti marda kronika? Billi tgħidlu erba’ kelmiet ħelwin permezz tat-telefon jew billi tmur iżżuru, tistaʼ tgħin ħafna lill-marid biex iħossu aħjar. Min jaf kemm jieħu pjaċir  il-Ħallieq tagħna meta nużaw il-qawwa tad-diskors sabiex illissnu kliem “sewwa li jedifika”!—Efesin 4:29.

Naqsmu l-aħbar tajba—mod eċċellenti kif nużaw il-qawwa tagħna

17. B’liema mod importanti nistgħu nużaw ilsienna biex nagħmlu l-ġid lil oħrajn, u għala għandna nagħmlu hekk?

17 M’hemmx mod iktar importanti kif nużaw il-qawwa taʼ l-ilsien milli naqsmu m’oħrajn l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla. “Min ħaqqu l-ġid tiċħadhulux, meta dan tistaʼ tagħmlu,” jgħid Proverbji 3:27. Aħna għandna l-obbligu li naqsmu magħhom l-aħbar tajba li ssalva l-ħajja. Ma jkunx tajjeb jekk inżommu għalina dan il-messaġġ urġenti li Jehovah tana b’tant ġenerożità. (1 Korintin 9:16, 22) Imma Jehovah sa liema punt jistenna li aħna nieħdu sehem f’dan ix-xogħol?

 Naqdu lil Jehovah bil-‘Qawwa Kollha’ Tagħna

18. Jehovah x’jistenna minna?

18 L-imħabba tagħna għal Jehovah tqanqalna biex ikollna sehem sħiħ fil-ministeru Kristjan. Jehovah x’jistenna minna f’dan ir-rigward? Xi ħaġa li lkoll kemm aħna, hi x’inhi s-sitwazzjoni tagħna fil-ħajja, nistgħu nagħtu: “Kull ma tagħmlu, agħmluh minn qalbkom bħallikieku lill-Mulej u mhux lill-bnedmin.” (Kolossin 3:23) Meta semma l-akbar kmandament, Ġesù qal: “Għandek tħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, b’moħħok kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha.” (Mark 12:30) Iva, Jehovah jistenna li kull wieħed u waħda minna nħobbuh u naqduh b’ruħna kollha.

19, 20. (a) Ladarba r-ruħ tinkludi l-qalb, il-moħħ, u l-qawwa, dawn il-fakultajiet l-oħra għala jissemmew f’Mark 12:30? (b) Xi jfisser li taqdi lil Alla b’ruħek kollha?

19 Xi jfisser li taqdi lil Alla b’ruħek kollha? Ir-ruħ tirreferi għall-persuna kollha kemm hi, bl-abbiltajiet fiżiċi u mentali kollha tagħha. Ladarba r-ruħ tinkludi l-qalb, il-moħħ, u l-qawwa, dawn il-fakultajiet l-oħra għala jissemmew f’Mark 12:30? Ikkunsidra din it-tixbiha. Fiż-żminijiet Bibliċi, individwu setaʼ jbigħ lilu nnifsu (ruħu) bħala lsir. Madankollu, l-ilsir setaʼ ma jaqdix lil sidu b’qalbu kollha; forsi ma jużax saħħtu kollha jew l-abbiltajiet mentali kollha tiegħu biex javanza l-interessi taʼ sidu. (Kolossin 3:22) Għaldaqstant, Ġesù mid-dehra semma dawn il-fakultajiet l-oħra sabiex jenfasizza li aħna ma rridu nżommu xejn lura fis-servizz tagħna lil Alla. Li naqdu lil Alla b’ruħna kollha jfisser li nagħtu minna nfusna, billi nużaw is-saħħa u l-enerġija li għandna sa l-iktar punt possibbli fis-servizz tiegħu.

20 Ifisser il-fatt li naqdu b’ruħna kollha li lkoll kemm aħna rridu nqattgħu l-istess ammont taʼ ħin u enerġija fil-ministeru? Dan ma jistax ikun, għax iċ-ċirkustanzi u l-abbiltajiet ivarjaw minn persuna għal oħra. Per eżempju, żagħżugħ mimli saħħa u enerġija fiżika x’aktarx li jkun jistaʼ  jqattaʼ iktar ħin fl-ippridkar minn individwu li s-saħħa ma tagħtihx minħabba l-età avanzata. Persuna li mhix miżżewġa u m’għandhiex irbit tal-familja forsi tkun tistaʼ tagħmel iktar minn persuna li trid tieħu ħsieb familja. Jekk għandna s-saħħa u ċ-ċirkustanzi li jippermettulna nagħmlu ħafna fil-ministeru, kemm għandna nkunu grati! M’għandniex xi ngħidu, qatt m’għandna nikkritikaw, billi nqabblu lilna nfusna m’oħrajn f’din il-ħaġa. (Rumani 14:10-12) Minflok, għandna nużaw il-qawwa tagħna biex ninkuraġġixxu lil oħrajn.

21. X’inhu l-aħjar u l-iktar mod importanti kif nużaw il-qawwa tagħna?

21 Jehovah ta l-eżempju perfett taʼ kif juża tajjeb il-qawwa tiegħu. Aħna rridu nimitawh bl-aħjar mod li nistgħu bħala bnedmin imperfetti. Nistgħu nużaw tajjeb il-qawwa tagħna billi nittrattaw b’dinjità lil dawk li għandna ammont t’awtorità fuqhom. Flimkien ma’ dan, irridu nwettqu b’ruħna kollha x-xogħol taʼ l-ippridkar li jsalva l-ħajja u li Jehovah tana biex inwettqu. (Rumani 10:13, 14) Ftakar, Jehovah jieħu pjaċir meta tagħti l-aħjar li int—ruħek—tistaʼ tagħti. Ma tqanqlikx qalbek biex tagħmel ħiltek kollha f’li taqdi lil Alla li tant jifhimna u jħobbna? M’hemmx mod aħjar jew iktar importanti kif tuża l-qawwa tiegħek.

^ par. 10 Fiż-żminijiet Bibliċi, il-kelma Ebrajka għal “ħatar” kienet tfisser bastun jew għasluġ, bħal dak li kien juża ragħaj biex imexxi lin-nagħaġ tiegħu. (Salm 23:4) Bl-istess mod, “il-ħatar” taʼ l-awtorità tal-ġenituri jissuġġerixxi gwida bi mħabba, mhux kastigi ħorox jew kefrin.