Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU 6

Il-qawwa qerridija—Ġeħova hu “gwerrier”

Il-qawwa qerridija—Ġeħova hu “gwerrier”

1-3. (a) Liema theddida ffaċċjaw l-Iżraelin mingħand l-Eġizzjani? (b) Jehovah kif tqabad għall-poplu tiegħu?

L-IŻRAELIN kienu jinsabu daharhom mal-ħajt—maqbudin bejn irdumijiet muntanjużi tal-biżaʼ u baħar li bl-ebda mod ma setgħu jgħaddu minnu. L-armata Eġizzjana, bħal magna kiefra li teqred kulma ssib quddiemha, kienet ġejja għal warajhom determinata li teqridhom minn fuq wiċċ l-art. * Xorta waħda, Mosè ħeġġeġ lin-nies t’Alla biex ma jaqtgħux qalbhom. “Il-Mulej jitqabad għalikom,” hu assigurahom.—Eżodu 14:14.

2 Minkejja dan, Mosè mid-dehra sejjaħ lil Jehovah, u Alla wieġbu: “Għax issejjaħ lili? . . . Għolli l-ħatar tiegħek, u midd idek fuq il-baħar u oforqu.” (Eżodu 14:15, 16) Immaġina ftit kif żvolġew l-affarijiet. Jehovah jikkmanda minnufih lill-anġlu tiegħu, u l-kolonna tas-sħab tiċċaqlaq u tmur toqgħod wara Iżrael, billi forsi tinfirex bħal ħajt u tfixkel il-pjan li kellhom l-Eġizzjani biex jattakkaw. (Eżodu 14:19, 20; Salm 105:39) Mosè jmidd idu. Bis-saħħa taʼ riħ qawwi, il-baħar jinferaq fi tnejn. B’xi mod l-ilmijiet jagħqdu u jieqfu dritt bħal ħitan, filwaqt li jħallu passaġġ wiesa’ biżżejjed biex jgħaddi l-ġens kollu!—Eżodu 14:21; 15:8.

3 X’ħin jara din it-turija taʼ qawwa quddiem wiċċu, il-Fargħun suppost li jordna lit-truppi tiegħu jirtiraw. Minflok, l-imkabbar Fargħun jordna attakk. (Eżodu 14:23) L-Eġizzjani jerħulha b’kemm għandhom saħħa għal wara l-Iżraelin  f’qiegħ il-baħar, imma l-attakk tagħhom malajr jinbidel f’konfużjoni għax ir-roti tal-karrijiet tagħhom jibdew jinqalgħu. Ladarba l-Iżraelin jaslu n-naħa l-oħra qawwijin u sħaħ, Jehovah jikkmanda lil Mosè: “Midd idek fuq il-baħar, u l-ilma jerġaʼ lura fuq l-Eġizzjani, bil-karrijiet u r-rikkieba tagħhom.” Il-ħitan taʼ l-ilma jinżlu u jidfnu lill-Fargħun u l-eżerċti tiegħu!—Eżodu 14:24-28; Salm 136:15.

Fil-Baħar l-Aħmar, Jehovah wera li kien “gwerrier”

4. (a) Jehovah x’wera li hu fil-Baħar l-Aħmar? (b) Xi wħud kif jistgħu jirreaġixxu għal din id-deskrizzjoni taʼ Jehovah?

4 Il-ħelsien tal-ġens taʼ Iżrael fil-Baħar l-Aħmar kien ġrajja sinifikanti fl-istorja taʼ kif Alla mexa mal-bnedmin. Hemmhekk Jehovah wera li hu “gwerrier.” (Eżodu 15:3) Madankollu, int kif tirreaġixxi għal din id-deskrizzjoni taʼ Jehovah? Irridu nammettu li l-gwerer ġabu ħafna wġigħ u miżerja fuq il-bnedmin. Jistaʼ jagħti l-każ li l-fatt li Alla juża l-qawwa qerridija donnu jservi iktar biex ibiegħdek minnu milli jressqek qrib lejh?

Il-Gwerer Divini Differenti mill-Konflitti Umani

5, 6. (a) Alla għala jissejjaħ b’mod xieraq Jehovah “ta’ l-eżerċti”? (b) Il-gwerer divini kif inhuma differenti mill-gwerer tal-bnedmin?

5 Kważi tliet mitt darba fl-Iskrittura Ebrajka u darbtejn fl-Iskrittura Griega Kristjana, Jehovah jingħata t-titlu Jehovah “ta’ l-eżerċti.” (1 Samwel 1:11) Bħala l-Ħakkiem Sovran, Jehovah jikkmanda eżerċtu kbir taʼ forzi anġeliċi. (Ġożwè 5:13-15; 1 Slaten 22:19) Il-potenzjal qerriedi taʼ din l-armata huwa taʼ l-għaġeb. (Isaija 37:36) Il-qerda tal-bnedmin m’hijiex xi ħaġa sabiħa biex toqgħod taħseb fuqha. Madankollu, irridu niftakru li l-gwerer t’Alla m’humiex bħall-konflitti bla sens tal-bnedmin. Jistaʼ jkun li l-mexxejja militari u politiċi jsostnu li għandhom motivi nobbli meta jagħmlu xi attakk. Iżda  jibqaʼ l-fatt li l-gwerer tal-bnedmin dejjem jinvolvu r-regħba u l-egoiżmu.

6 B’kuntrast, Jehovah ma jaġixxix b’għajnejh magħluqa skond l-emozzjonijiet li jħoss. Dewteronomju 32:4 jiddikjara: “Hu l-Blata tagħna; perfett għemilu; u lkoll ġusti t-triqat tiegħu. Alla taʼ kelmtu u ma jqarraqx; kollu ħaqq u kollu sewwa.” Il-Kelma t’Alla tikkundanna r-rabja, il-ħruxija, u l-vjolenza bla rażan. (Ġenesi 49:7; Salm 11:5) Mela Jehovah qatt ma jaġixxi bla raġuni. Hu juża l-qawwa qerridija tiegħu bil-qjies u fil-każ li ma jkunx hemm triq oħra x’jagħżel. Huwa eżatt bħalma qal permezz tal-profeta tiegħu Eżekjel: “‘Forsi jien togħġobni l-mewt tal-bniedem il-ħażin?’ oraklu taʼ Sidi l-Mulej; ‘m’hux aktar jogħġobni li jerġaʼ lura minn triqatu u jgħix?’”—Eżekjel 18:23.

7, 8. (a) Ġob xi kkonkluda b’mod żbaljat dwar is-sofferenzi tiegħu? (b) Eliħu kif ikkoreġa r-raġunar taʼ Ġob dwar din il-ħaġa? (ċ) Liema lezzjoni nistgħu nitgħallmu mill-esperjenza taʼ Ġob?

7 Allura, Jehovah għala juża l-qawwa qerridija? Qabel inwieġbu, nistgħu niftakru fil-bniedem ġust Ġob. Satana qajjem l-isfida jekk Ġob—u jekk niġu f’dan, kull bniedem—kienx se jżomm l-integrità tiegħu fil-prova. Jehovah wieġeb għal dik l-isfida billi ħalla lil Satana jittestja l-integrità taʼ Ġob. B’riżultat t’hekk, Ġob sofra l-mard, tilef ġidu, u tilef lil uliedu. (Ġob 1:1–2:8) Peress li Ġob ma kienx jaf bil-kwistjonijiet involuti, hu kkonkluda b’mod żbaljat li s-sofferenza tiegħu kienet kastig inġust mingħand Alla. Ġob staqsa lil Alla għala Hu kien għamlu l-“mira,” u l-“għadu” tiegħu.—Ġob 7:20; 13:24.

8 Żagħżugħ jismu Eliħu wera fejn ir-raġunar taʼ Ġob kien ħażin, billi qal: “[Int] tgħid: ‘Jien għandi raġun, mhux Alla.’” (Ġob 35:2) Iva, ma tkunx ħaġa għaqlija jekk naħsbu li aħna nafu iktar minn Alla jew jekk nassumu li hu aġixxa b’mod inġust. “Ma jistax ikun li Alla jagħmel id-deni, li Xaddaj jagħmel dak li hu ħażin,” iddikjara Eliħu. Iktar tard,  hu qal: “Xaddaj li jistaʼ kollox aħna ma nilħquhx; Hu għoli fil-qawwa u l-ħaqq, Hu sid il-ġustizzja, m’għandux iwieġeb.” (Ġob 34:10; 36:22, 23; 37:23) Nistgħu nibqgħu ċerti li meta Alla jiggwerra, hu jkollu raġuni tajba biex jagħmel hekk. B’dan f’moħħna, ejja neżaminaw xi ftit mir-raġunijiet għala xi kultant l-Alla tal-paċi jieħu l-irwol taʼ gwerrier.—1 Korintin 14:33.

Għala l-Alla tal-Paċi Jkollu Jiggwerra

9. L-Alla tal-paċi għala jiggwerra?

9 Wara li faħħar lil Alla bħala “gwerrier,” Mosè ddikjara: “Min hu bħalek, Mulej, fost l-allat? Min hu bħalek? Int kbir fil-qdusija.” (Eżodu 15:11) Bl-istess mod il-profeta Ħabakkuk kiteb: “Int għajnejk safja wisq biex tara l-ħażen, inti ma tiflaħx tħares lejn id-deni.” (Ħabakkuk 1:13) Għalkemm Jehovah hu Alla taʼ mħabba, hu wkoll Alla taʼ qdusija, sewwa, u ġustizzja. Xi drabi, hu jkollu juża l-qawwa qerridija tiegħu minħabba kwalitajiet bħal dawn. (Isaija 59:15-19; Luqa 18:7) Mela Alla ma jtebbax il-qdusija tiegħu meta jiggwerra. Minflok, hu jiggwerra għax hu qaddis.—Levitiku 19:2.

10. (a) Meta u kif qam għall-ewwel darba l-bżonn li Alla jiggwerra? (b) Kif biss setgħet tissolva l-mibegħda mbassra f’Ġenesi 3:15, u b’liema benefiċċji għall-bnedmin ġusti?

10 Ikkunsidra s-sitwazzjoni li qamet wara li Adam u Eva, l-ewwel koppja umana, irribellaw kontra Alla. (Ġenesi 3:1-6) Li kieku ttollera l-ħażen tagħhom, Jehovah kien ikun qed idgħajjef il-pożizzjoni tiegħu stess bħala Sovran Universali. Bħala Alla ġust, hu kellu jikkastigahom bil-mewt. (Rumani 6:23) Fl-ewwel profezija Biblika, hu bassar li kellha teżisti mibegħda bejn il-qaddejja tiegħu stess u s-segwaċi tas-“Serp,” Satana. (Apokalissi 12:9; Ġenesi 3:15) Fl-aħħar mill-aħħar, din il-mibegħda setgħet tissolva biss billi jisħaq lil Satana. (Rumani 16:20) Imma dak l-att taʼ ġudizzju kien se jirriżulta f’barkiet kbar għall-bnedmin ġusti, billi jeħles l-art  mill-influwenza taʼ Satana u jiftaħ it-triq għal ġenna ma’ l-art kollha. (Mattew 19:28) Sakemm jasal dak iż-żmien, dawk li jżommu ma’ Satana kellhom ikunu taʼ theddida kontinwa għall-benesseri fiżiku u spiritwali tal-poplu t’Alla. Xi kultant, Jehovah kien se jkollu jindaħal.

Alla Jaġixxi biex Ineħħi l-Ħażen

11. Alla għala ħass li kellu jġib dilluvju globali?

11 Id-Dilluvju taʼ żmien Noè kien każ taʼ ndħil bħal dan. Ġenesi 6:11, 12 jgħid: “L-art tħassret quddiem Alla u mtliet bil-vjolenza. U Alla ħares lejn l-art, u ra li kienet imħassra, għax kull ħliqa ħajja kienet għawwġet triqtha fuq l-art.” Kien Alla se jħalli lill-ħżiena jeqirdu l-aħħar traċċi taʼ moralità li kien fadal fuq l-art? Le. Jehovah ħass li kellu jġib dilluvju globali biex jeħles l-art minn dawk li kienu mogħtijin għall-vjolenza u l-immoralità.

12. (a) Jehovah x’bassar dwar in-‘nisel’ t’Abraham? (b) L-Amurrin għala kellhom jitkeċċew?

12 L-istess ħaġa ġrat bil-ġudizzju t’Alla kontra l-Kangħanin. Jehovah wera li minn Abraham kellu joħroġ ‘nisel’ li permezz tiegħu kellhom jitbierku t-tribujiet kollha taʼ l-art. Fi qbil ma’ dak l-iskop, Alla ried li n-nisel t’Abraham jingħata l-art taʼ Kangħan, art li fiha kienu jgħixu nies imsejħin l-Amurrin. X’raġuni tajba setaʼ jkollu Alla biex ikeċċi bil-forza lil dawn in-nies minn arthom? Jehovah bassar li t-tkeċċija ma kellhiex isseħħ qabel ma jgħaddu 400 sena—sakemm “il-ħażen taʼ l-Amurrin” ikun ‘laħaq l-aqwa tiegħu.’ * (Ġenesi 12:1-4a [12:1-3, NW]; 13:14, 15; 15:13, 16; 22:18) Matul dak il-perijodu taʼ żmien, l-Amurrin komplew jgħoddsu iktar u iktar fit-taħsir morali. Kangħan saret art taʼ idolatrija, tixrid taʼ demm, u prattiċi sesswali baxxi. (Eżodu  23:24; 34:12, 13; Numri 33:52) L-abitanti taʼ dak il-pajjiż kienu saħansitra joqtlu u jaħarqu lit-tfal bħala sagrifiċċju. Setaʼ Alla qaddis jesponi lill-poplu tiegħu għal ħażen bħal dan? Le! Hu ddikjara: “Tkasbret l-art, u jien ikkastigajtha minħabba ħżunitha,u beżqet ’il barra lil min kien jgħammar fiha.” (Levitiku 18:21-25) Madankollu, Jehovah ma qatilx lin-nies bl-addoċċ. Kangħanin li kellhom attitudni xierqa, bħal Raħab u l-Gibgħonin, baqgħu ħajjin.—Ġożwè 6:25; 9:3-27.

Jiggwerra Minħabba Ismu

13, 14. (a) Jehovah għala kellu jqaddes lil ismu? (b) Jehovah kif naddaf lil ismu minn kull tmaqdir?

13 Ladarba Jehovah hu qaddis, ismu hu qaddis. (Levitiku 22:32) Ġesù għallem lid-dixxipli tiegħu jitolbu: “Jitqaddes ismek.” (Mattew 6:9) L-irvell fl-Għeden kasbar l-isem t’Alla, billi qajjem dubji dwar ir-reputazzjoni t’Alla u l-mod kif imexxi. Jehovah ma setaʼ qatt jinjora kalunnja u ribelljoni bħal dawn. Hu kellu jnaddaf lil ismu minn kull tmaqdir.—Isaija 48:11.

14 Ikkunsidra għal darb’oħra lill-Iżraelin. Sakemm kienu għadhom ilsiera fl-Eġittu, il-wegħda t’Alla lil Abraham li permezz tan-Nisel tiegħu t-tribujiet kollha taʼ l-art kienu se jitbierku kienet tidher vojta. Imma billi ħelishom u għamilhom nazzjon, Jehovah naddaf lil ismu minn kull tmaqdir. Għaldaqstant, il-profeta Danjel ftakar f’dan fit-talba tiegħu: “Alla Sidna, int . . . b’id setgħana ħriġt lill-poplu tiegħek mill-art taʼ l-Eġittu u għamilt isem.”—Danjel 9:15.

15. Jehovah għala ħeles lil-Lhud mill-jasar f’Babilonja?

15 Taʼ interess, Danjel talab b’dan il-mod fi żmien meta l-Lhud kellhom bżonn li Jehovah jerġaʼ jaġixxi għal darb’oħra minħabba Ismu. Il-Lhud diżubbidjenti kienu jinsabu fil-jasar, din id-darba f’Babilonja. Il-belt kapitali tagħhom, Ġerusalemm, kienet tinsab f’ħerba. Danjel kien  jaf li jekk il-Lhud jiġu restawrati lejn arthom, isem Jehovah kien se jitfaħħar bil-kbir. B’hekk, Danjel talab: “Sidi, aħfrilna; Sidi, agħtina widen u ddumx ma tagħmel xi ħaġa għalina, Alla tiegħi, għall-ġieħ tiegħek stess, għax int għandek ismek fuq il-belt u l-poplu tiegħek.”—Korsiv tagħna; Danjel 9:18, 19.

Jiggwerra Minħabba l-Poplu Tiegħu

16. Spjega għala l-fatt li Jehovah jinteressah f’li jiddefendi lil ismu ma jfissirx li hu egoist u bla sentimenti.

16 Ifisser li Jehovah hu egoist u bla sentimenti sempliċement għax jinteressah f’li jiddefendi lil ismu? Le, għax billi jaġixxi fi qbil mal-qdusija tiegħu u l-imħabba li għandu għall-ġustizzja, hu jipproteġi lin-nies tiegħu. Ikkunsidra Ġenesi kapitlu 14. Hemmhekk naqraw dwar erba’ slaten li għamlu invażjoni u ħatfu lin-neputi t’Abraham, Lot, flimkien mal-familja taʼ Lot. Bl-għajnuna t’Alla, Abraham rebaħ b’mod impressjonanti lil armati bil-wisq superjuri minn tiegħu! X’aktarx li r-rakkont taʼ din ir-rebħa kien l-ewwel wieħed li ddaħħal fi “Ktieb il-Gwerer tal-Mulej,” li mid-dehra kien ktieb li fih ġew ukoll dokumentati xi gwerer li ma jissemmewx fil-Bibbja. (Numri 21:14) Wara din ir-rebħa kellu jkun hemm ħafna iktar rebħiet.

17. X’juri li Jehovah tqabad għall-Iżraelin wara li daħlu fl-art taʼ Kangħan? Agħti eżempji.

17 Ftit qabel ma l-Iżraelin daħlu fl-art taʼ Kangħan, Mosè assigurahom: “Il-Mulej, Alla tagħkom, jimxi quddiemkom, u hu stess jitqabad għalikom bħalma għamel magħkom fl-Eġittu.” (Dewteronomju 1:30; 20:1) Billi beda minn żmien is-suċċessur taʼ Mosè, Ġożwè, u kompla matul il-perijodu taʼ l-Imħallfin u l-ħakmiet tas-slaten leali taʼ Ġuda, Jehovah tabilħaqq tqabad għall-poplu tiegħu, u tahom ħafna rebħiet spettakolari fuq l-għedewwa tagħhom.—Ġożwè 10:1-14; Mħallfin 4:12-17; 2 Samwel 5:17-21.

18. (a) Għala nistgħu nkunu grati li Jehovah ma nbidilx? (b) X’se jiġri meta l-mibegħda deskritta f’Ġenesi 3:15 tilħaq il-quċċata tagħha?

 18 Jehovah ma nbidilx; u lanqas ma nbidel l-iskop tiegħu li jagħmel din il-pjaneta ġenna taʼ l-art mimlija paċi. (Ġenesi 1:27, 28) Alla għadu jobgħod il-ħażen. Fl-istess ħin, hu jħobbu ħafna lill-poplu tiegħu u dalwaqt se jaġixxi minħabba fih. (Salm 11:7) Fil-fatt, fil-futur qarib il-folja trid tinqaleb b’mod drammatiku u qawwi inkwantu għall-mibegħda deskritta f’Ġenesi 3:15. Sabiex iqaddes lil ismu u jipproteġi lill-poplu tiegħu, għal darb’oħra Jehovah se jsir “gwerrier”!—Żakkarija 14:3; Apokalissi 16:14, 16.

19. (a) Uri kif il-qawwa qerridija li juża Alla tistaʼ tressaqna eqreb lejh. (b) X’effett għandu jħalli fuqna l-fatt li Alla hu lest li jiggwerra?

19 Ikkunsidra din it-tixbiha: Nagħtu każ li jkun hemm raġel li l-familja tiegħu tkun qed tiġi attakkata minn annimal feroċi u hu jidħol f’nofs it-taqbida u joqtol lill-bhima vjolenti. Taħseb li l-mara u wliedu se jiħduha kontrih talli jkun aġixxa b’dan il-mod? Għall-kuntrarju, iktar tistenna li jħossuhom imqanqlin bl-imħabba bla egoiżmu li jkun wera għalihom. Bl-istess mod, aħna m’għandniex niħduha kontra Alla għax juża l-qawwa qerridija. Minflok, għandna nsiru  nħobbuh iktar meta naraw kemm hu lest li jiggwerra biex jipproteġina. Ir-rispett tagħna għall-qawwa bla limitu tiegħu għandu jiżdied ukoll. B’hekk, inkunu nistgħu “nagħtuh il-qima li togħġbu bil-ġieħ u bil-biżaʼ.”—Lhud 12:28.

Ersaq Qrib Lejn il-“Gwerrier”

20. Meta naqraw rakkonti Bibliċi taʼ gwerer divini li forsi ma nkunux nistgħu nifhmuhom għalkollox, kif għandna nirreaġixxu, u għala?

20 M’għandniex xi ngħidu, il-Bibbja ma tispjegax f’kull każ id-dettalji kollha tad-deċiżjonijiet li jieħu Jehovah fejn jidħlu l-gwerer tiegħu. Imma dwar dan nistgħu nibqgħu dejjem ċerti: Jehovah qatt ma jeżerċita l-qawwa qerridija b’mod inġust, malizzjuż, jew krudil. Ħafna drabi, jekk nikkunsidraw il-kuntest taʼ xi rakkont Bibliku jew inkella xi tagħrif dwar l-isfond tal-ġrajja, inkunu nistgħu nifhmu sew x’kienet is-sitwazzjoni f’dak il-każ partikulari. (Proverbji 18:13) Anki meta ma jkollniex id-dettalji kollha, jekk sempliċement nitgħallmu iktar dwar Jehovah u nimmeditaw fuq il-kwalitajiet prezzjużi tiegħu, inkunu nistgħu nneħħu kwalunkwe dubji li forsi jkollna. Meta nagħmlu hekk, nirrealizzaw kemm tassew għandna għalfejn nafdaw f’Alla tagħna, Jehovah.—Ġob 34:12.

21. Filwaqt li xi drabi jkun “gwerrier,” Jehovah kif inhu fil-fond taʼ qalbu?

21 Għalkemm Jehovah ikun “gwerrier” meta s-sitwazzjoni titlob hekk, dan ma jfissirx li fil-fond taʼ qalbu hu jħobb il-gwerra. Fil-viżjoni t’Eżekjel tal-karru ċelestjali, Jehovah jidher lest biex jiggwerra kontra l-għedewwa tiegħu. Madankollu, Eżekjel ra lil Alla mdawwar b’qawsalla—simbolu taʼ paċi. (Ġenesi 9:13; Eżekjel 1:27b, 28 [1:28, NW]; Apokalissi 4:3) B’mod ċar, Jehovah hu kalm u paċifiku. “Alla hu mħabba,” kiteb l-appostlu Ġwanni. (1 Ġwanni 4:8) Il-kwalitajiet kollha taʼ Jehovah jeżistu f’bilanċ perfett. Kemm aħna privileġġati, mela, li nistgħu nersqu qrib lejn Alla daqshekk qawwi iżda li jħobb!

^ par. 1 Skond l-istorjografu Lhudi Ġużeppi Flavju, wara l-Lhud kienu marru “600 karru flimkien ma’ 50,000 raġel fuq iż-żwiemel u suldati bil-mixi armati sa snienhom li ammontaw għal 200,000 ruħ.”—Jewish Antiquities, II, 324 [xv, 3].

^ par. 12 Mid-dehra, il-kelma “Amurrin” hawnhekk tinkludi lin-nies kollha taʼ Kangħan.—Dewteronomju 1:6-8, 19-21, 27; Ġożwè 24:15, 18.