Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU 8

Il-qawwa li jġedded—Ġeħova qed ‘iġedded kollox’

Il-qawwa li jġedded—Ġeħova qed ‘iġedded kollox’

1, 2. Il-familja umana llum x’telfiet iġġarrab, u dawn kif jeffettwawna?

NAQRA taʼ tifel jitlef jew ikisser ġugarell għal qalbu u jinfaqaʼ jibki. Jaqsamlek qalbek tisimgħu jibki! Madankollu, ġieli rajt kif wiċċ tifel jixgħel bil-ferħ malli l-ġenitur tiegħu jsiblu dak li jkun intilef? Forsi ma tkunx xi ħaġa kbira għall-ġenitur li jsib il-ġugarell jew saħansitra jsewwih. Imma t-tifel jibqaʼ mistagħġeb u jifraħ ħafna. Dak li kien jidher mitluf għal dejjem iġġedded!

2 Jehovah, l-aqwa Ġenitur, għandu l-qawwa li jġedded dak li wliedu taʼ l-art għandhom mnejn iqisuh bħala mitluf u li m’hemmx iktar tama għalih. M’għandniex xi ngħidu, hawnhekk m’aħniex nitkellmu fuq sempliċi ġugarelli. F’dan iż-“żmien iebes” ikollna nitilfu affarijiet li huma ħafna iktar serji minn hekk. (2 Timotju 3:1-5) Ħafna mill-affarijiet li n-nies jgħożżu jidhru li jinsabu f’riskju kbir—id-dar, dak li jippossiedu, l-impjieg, saħansitra s-saħħa. Forsi jiddispjaċina wkoll meta naraw l-ambjent jinqered u minħabba f’hekk, ħafna speċi taʼ ħlejjaq ħajjin jgħibu bl-estinzjoni. Madankollu, xejn ma jolqotna bl-ikrah daqskemm tolqotna l-mewt taʼ xi ħadd li nħobbu. Is-sentimenti taʼ telfa u n-nuqqas taʼ kontroll fuq dak li jiġri jistgħu jkunu kbar wisq biex nifilħu għalihom.—2 Samwel 19:1 (18:33, NW).

3. Liema prospett taʼ faraġ jissemma f’Atti 3:21, u Jehovah x’se juża biex iwettqu?

3 Kemm huwa taʼ faraġ, mela, li nitgħallmu dwar il-qawwa taʼ Jehovah li jġedded! Bħalma se naraw, hemm ħafna affarijiet li Alla jistaʼ jġedded u se jġedded għal uliedu fuq l-art. Fil-fatt, il-Bibbja turi li Jehovah għandu f’moħħu “t-tiġdid  kollu.” (Atti 3:21) Biex iwettaq dan, Jehovah se juża s-Saltna Messjanika, immexxija minn Ibnu, Ġesù Kristu. L-evidenza turi li din is-Saltna bdiet taħkem fis-sema fl-1914. * (Mattew 24:3-14) X’se jiġġedded? Ejja nikkunsidraw xi ftit mill-atti grandjużi taʼ tiġdid li għamel Jehovah. Wieħed minnhom diġà qed narawh u nesperjenzawh. Oħrajn se jseħħu fuq skala kbira fil-futur.

It-Tiġdid tal-Qima Pura

4, 5. Xi ġralhom in-nies t’Alla fis-sena 607 Q.E.K., u Jehovah liema tama offrielhom?

4 Xi ħaġa li Jehovah diġà ġedded hija l-qima pura. Sabiex nifhmu dan xi jfisser, ejja neżaminaw fil-qosor l-istorja tas-saltna taʼ Ġuda. Billi nagħmlu dan se nitgħallmu b’mod eċċitanti kif Jehovah uża l-qawwa tiegħu li jġedded.—Rumani 15:4.

5 Immaġina ftit kif ħassewhom il-Lhud leali fis-sena 607 Q.E.K. meta nqerdet Ġerusalemm. Il-belt għażiża tagħhom kienet imħarbta, bis-swar imġarrfin. Jerġaʼ agħar minn hekk, it-tempju glorjuż li Salamun kien bena, l-uniku ċentru fid-dinja kollha għall-qima pura lil Jehovah, tħalla ħerba. (Salm 79:1) In-nies li baqgħu ħajjin ittieħdu fl-eżilju lejn Babilonja, u l-pajjiż li ħallew warajhom sar xagħri għall-annimali salvaġġi. (Ġeremija 9:10 [9:11, NW]) Mill-aspett tal-bniedem, kollox kien jidher mitluf. (Salm 137:1) Imma Jehovah, li żmien twil qabel kien bassar din il-qerda, ipprovda tama li kellu jiġi żmien taʼ tiġdid.

6-8. (a) Liema tema ssemmiet ħafna drabi fil-kitba tal-profeti Ebrej, u dawn il-profeziji kif kellhom l-ewwel twettiq? (b) Fiż-żminijiet moderni, in-nies t’Alla kif esperjenzaw twettiq taʼ ħafna profeziji taʼ tiġdid?

 6 Fil-fatt, it-tema tat-tiġdid issemmiet ħafna drabi fil-kitba tal-profeti Ebrej. * Permezz tagħhom, Jehovah wiegħed art imġedda u mimlija għal darb’oħra bin-nies, fertili, protetta mill-bhejjem salvaġġi u mill-attakki taʼ l-għadu. Hu ddeskriva l-art imġedda tagħhom bħala ġenna taʼ l-art taʼ veru! (Isaija 65:25; Eżekjel 34:25; 36:35) Fuq kollox, il-qima pura kellha titwaqqaf mill-ġdid, u t-tempju kien se jerġaʼ jinbena. (Mikea 4:1-5) Dawn il-profeziji nisslu tama għal-Lhud eżiljati, u għenuhom jissaportu l-jasar taʼ 70 sena li qattgħu f’Babilonja.

7 Sa fl-aħħar, wasal iż-żmien taʼ tiġdid. Meħlusin minn Babilonja, il-Lhud irritornaw Ġerusalemm u hemmhekk reġgħu bnew it-tempju taʼ Jehovah. (Esdra 1:1, 2) Sakemm baqgħu jżommu mal-qima pura, Jehovah berikhom u għamel li arthom tkun għammiela u mimlija ġid. Ipproteġiehom mill-għedewwa u mill-bhejjem salvaġġi li kienu ilhom is-snin jgħixu f’pajjiżhom. Min jaf kemm ferħu bil-qawwa taʼ Jehovah li jġedded! Imma dawk il-ġrajjiet irrappreżentaw biss twettiq primarju u limitat tal-profeziji taʼ tiġdid. Twettiq akbar kellu jiġi “fl-aħħar jiem,” żmienna stess, meta kellu jitqiegħed fuq it-tron il-Werriet tas-Sultan David imwiegħed minn ħafna żmien qabel.—Isaija 2:2-4; 9:5, 6 (9:6, 7, NW).

8 Ftit wara li Ġesù ħa t-tron tas-Saltna tas-sema fl-1914, hu ħa ħsieb il-bżonnijiet spiritwali tal-poplu leali t’Alla fuq l-art. Sewwa sew bħalma l-konkwistatur Persjan Ċiru ħeles lil fdal taʼ Lhud minn Babilonja fis-sena 537 Q.E.K., Ġesù ħeles lil fdal taʼ Lhud spiritwali—is-segwaċi li mxew fuq il-passi tiegħu—mill-influwenza taʼ Babilonja taʼ żmienna, l-imperu dinji taʼ reliġjon falza. (Rumani 2:29; Apokalissi  18:1-5) Mill-1919 ’il quddiem, il-qima pura ngħatat mill-ġdid il-post li jixirqilha fil-ħajjiet taʼ Kristjani ġenwini. (Malakija 3:1-5) Minn dakinhar ’l hawn, in-nies taʼ Jehovah qimuh fit-tempju spiritwali mnaddaf tiegħu—l-arranġament t’Alla għall-qima pura. Dan għala huwa importanti għalina llum?

Tiġdid Spiritwali—Għala Importanti

9. Wara li għadda żmien l-appostli, il-knejjes tal-Kristjaneżmu x’għamlulha l-qima t’Alla, imma Jehovah x’għamel fi żmienna?

9 Ikkunsidra l-ħarsa storika. Il-Kristjani lura fl-ewwel seklu gawdew ħafna barkiet spiritwali. Imma Ġesù u l-appostli bassru li l-qima vera kellha titħassar u tispiċċa. (Mattew 13:24-30; Atti 20:29, 30) Wara żmien l-appostli qam il-Kristjaneżmu. Il-kleru tiegħu adotta tagħlim u prattiċi pagani. Ukoll, dan għamilha tidher li huwa kważi impossibbli li tavviċina lil Alla, billi pinġieh bħala Trinità li ħadd ma jistaʼ jifhimha u għallem lin-nies biex iqerru għand il-qassisin u jitolbu lil Marija u lil diversi “qaddisin” flok lil Jehovah. Issa, wara ħafna sekli taʼ korruzzjoni bħal din, Jehovah x’għamel? F’nofs id-dinja taʼ llum—dinja fgata bil-gideb reliġjuż u mniġġsa bi prattiċi li ma jogħġbux lil Alla—hu ndaħal u ġedded il-qima pura! Mingħajr ma nkunu qed nesaġeraw, nistgħu ngħidu li dan it-tiġdid huwa wieħed mill-iktar żviluppi importanti fi żmienna.

10, 11. (a) Liema żewġ aspetti tinvolvi l-ġenna spiritwali, u dan kif jeffettwak? (b) Jehovah liema tip taʼ nies ġabar fil-ġenna spiritwali, u x’se jkollhom il-privileġġ li jaraw?

10 Għaldaqstant, illum il-Kristjani veri jgawdu ġenna spiritwali. X’tinvolvi din il-ġenna? Primarjament, hemm żewġ aspetti. L-ewwel wieħed huwa l-qima pura taʼ l-Alla veru, Jehovah. Hu berikna b’mod taʼ qima ħieles mill-gideb u t-tagħwiġ. Berikna b’ikel spiritwali. Dan jgħinna biex nitgħallmu dwar Missierna tas-sema, biex nogħġbuh, u biex nersqu qrib lejh. (Ġwanni 4:24) It-tieni aspett tal-ġenna spiritwali jinvolvi lin-nies. Bħalma bassar Isaija, “fl-aħħar jiem,”  Jehovah għallem lill-aduraturi tiegħu t-triqat tal-paċi. Neħħa l-gwerra minn fostna. Minkejja l-imperfezzjonijiet tagħna, hu jgħinna nilbsu “l-bniedem il-ġdid.” Hu jbierek l-isforzi tagħna billi jagħtina l-ispirtu qaddis tiegħu, li jipproduċi fina frott sabiħ. (Efesin 4:22-24; Galatin 5:22, 23) Meta taħdem fi qbil ma’ l-ispirtu t’Alla, tkun verament parti mill-ġenna spiritwali.

11 Jehovah ġabar f’din il-ġenna spiritwali lil dawk it-tip taʼ nies li hu jħobb—nies li jħobbuh, li jħobbu l-paċi, u li huma “konxji tal-bżonn spiritwali tagħhom.” (Mattew 5:3, NW) Dawn se jkunu n-nies li se jkollhom il-privileġġ li jaraw b’għajnejhom tiġdid bil-wisq iktar spettakolari—dak taʼ l-umanità u taʼ l-art kollha.

“Ara, Se Nġedded Kollox”

12, 13. (a) Il-profeziji taʼ tiġdid għala bilfors li jrid ikollhom twettiq ieħor? (b) X’inhu l-iskop taʼ Jehovah għall-art skond kif intwera fl-Għeden, u dan għala jagħtina tama għall-futur?

12 Ħafna mill-profeziji taʼ tiġdid jidhru li jirreferu għal iktar minn sempliċi tiġdid spiritwali. Per eżempju, Isaija kiteb dwar żmien meta l-morda, iz-zopop, l-għomja, u t-torox se jitfejqu u anki l-mewt infisha se tinqered għal dejjem. (Isaija 25:8; 35:1-7) Profeziji bħal dawn ma twettqux b’mod letterali f’Iżrael tal-qedem. U għalkemm fi żmienna rajna twettiq spiritwali taʼ dawn il-wegħdi, hemm kull raġuni għalxiex nemmnu li fil-futur se jkun hemm twettiq letterali u komplet. Dan kif nafuh?

13 Lura fl-Għeden, Jehovah wera ċar x’kien l-iskop tiegħu għall-art: Din kellha tkun abitata minn familja taʼ bnedmin ferħanin, f’saħħithom, u magħqudin. Ir-raġel u l-mara kellhom jieħdu ħsieb l-art u l-ħlejjaq kollha tagħha, u jibdlu l-pjaneta kollha f’ġenna. (Ġenesi 1:28) Dan huwa differenti għall-aħħar minn kif qegħdin l-affarijiet fil-preżent. Ibqaʼ ċert, iżda, li l-iskopijiet taʼ Jehovah qatt ma jfallu. (Isaija 55:10, 11) Ġesù, bħala s-Sultan Messjaniku maħtur minn Jehovah, se jġib din il-Ġenna globali.—Luqa 23:43.

14, 15. (a) Jehovah kif se ‘jġedded kollox’? (b) Il-ħajja kif se tkun fil-Ġenna taʼ l-art, u liema aspett jolqtok l-iktar?

 14 Immaġina li tara l-art kollha mibdula f’Ġenna! Jehovah jgħid hekk dwar dak iż-żmien: “Ara, se nġedded kollox.” (Apokalissi 21:5) Aħseb x’se jkun ifisser dan. Meta Jehovah se jkun lesta milli juża l-qawwa qerridija tiegħu kontra din is-sistema qadima u mill-agħar, se jibqaʼ “smewwiet ġodda u art ġdida.” Dan ifisser li gvern ġdid se jaħkem mis-sema fuq soċjetà dinjija ġdida magħmula minn uħud li jħobbu lil Jehovah u li jagħmlu r-rieda tiegħu. (2 Pietru 3:13) Satana, flimkien mad-demonji tiegħu, se jitpoġġew f’qagħda taʼ inattività. (Apokalissi 20:3) Għall-ewwel darba f’eluf taʼ snin, l-umanità se tkun ħielsa minn din l-influwenza korrotta, malizzjuża, u negattiva. M’hemmx dubju li s-sens taʼ serħan se jkun tassew kbir.

15 Sa fl-aħħar, se nkunu nistgħu nieħdu ħsieb din il-pjaneta sabiħa bħalma suppost kellna nagħmlu fil-bidu. L-art għandha l-abbiltà naturali li ġġedded lilha nfisha. L-għadajjar u x-xmajjar imniġġsa jistgħu jitnaddfu waħedhom jekk jitneħħa s-sors tat-tniġġis; pajsaġġi meqrudin bil-ġlied jistgħu jieħdu r-ruħ mill-ġdid jekk jieqfu l-gwerer. Xi pjaċir se jkun li naħdmu f’armonija ma’ l-art, u ngħinuha tinbidel fi ġnien sabiħ, Għeden globali b’varjetà bla qjies! Minflok ma jeqirdu bl-addoċċ l-ispeċi differenti t’annimali u pjanti, il-bnedmin se jgħixu fil-paċi mal-ħolqien kollu fuq l-art. Lanqas it-tfal m’hu se jkollhom għalfejn jibżgħu mill-annimali salvaġġi.—Isaija 9:5, 6 (9:6, 7, NW); 11:1-9.

16. Fil-Ġenna taʼ l-art, liema tiġdid se jeffettwa lil kull individwu leali?

16 Aħna se nesperjenzaw ukoll tiġdid fuq livell persunali. Wara Armageddon, dawk li jibqgħu ħajjin se jaraw fejqan mirakoluż fuq skala globali. L-istess kif għamel meta kien fuq l-art, Ġesù se juża l-qawwa tiegħu mogħtija minn Alla biex jerġaʼ jagħti d-dawl lill-għomja, is-smigħ lit-torox, u ġisem b’saħħtu liz-zopop u l-morda. (Mattew 15:30) In-nies avanzati fl-età se jitgħaxxqu jaraw lilhom infushom jimtlew  bis-saħħa u l-ħeġġa li kellhom f’żgħożithom. (Ġob 33:25) It-tikmix se jitlaq, l-idejn u r-riġlejn magħtubin se jitranġaw, u l-muskoli se jaħdmu b’qawwa ġdida. Il-bnedmin leali kollha se jindunaw li l-effetti tad-dnub u l-imperfezzjoni qegħdin bil-mod il-mod jonqsu u jgħibu għalkollox. Kemm se nirringrazzjaw lil Alla Jehovah għall-qawwa taʼ l-għaġeb tiegħu li jġedded! Issa ejja niffokaw fuq aspett wieħed taʼ dan iż-żmien eċċitanti taʼ tiġdid li jqawwilna l-qalb b’mod speċjali.

Il-Mejtin Jingħataw il-Ħajja mill-Ġdid

17, 18. (a) Ġesù għala ċanfar lis-Sadduċej? (b) Liema ċirkustanzi wasslu lil Elija biex jitlob lil Jehovah iwettaq irxoxt?

17 Fl-ewwel seklu E.K., xi mexxejja reliġjużi, imsejħin Sadduċej, ma kinux jemmnu fl-irxoxt. Ġesù ċanfarhom b’dan il-kliem: “Kemm sejrin żball, għax la tafu l-Iskrittura u lanqas il-qawwa taʼ Alla!” (Mattew 22:29) Iva, l-Iskrittura turi li Jehovah għandu qawwa li jġedded bħal din. Dan kif?

18 Ġib quddiem għajnejk x’ġara fi żmien Elija. Waħda armla kienet qiegħda żżomm fi ħdanha l-ġisem mitluq taʼ l-uniku iben li kellha. It-tifel kien mejjet. Il-profeta Elija, li għal xi żmien kien għex bħala mistieden fid-dar taʼ l-armla, żgur li baqaʼ maħsud. Xi żmien qabel, hu kien għen biex isalva lil dan it-tifel milli jmut bil-ġuħ. Forsi Elija kien saħansitra rabat qalbu ma’ dan it-tfajjel ċkejken. L-omm kellha qalbha maqsuma. Dan it-tifel kien l-unika tifkira ħajja tar-raġel tagħha li kien miet. Forsi ttamat li binha kien se jieħu ħsiebha meta tixjieħ. Mifxula bin-niket, l-armla beżgħet li kienet qed tiġi kastigata għal xi żball li setgħet għamlet fil-passat. Elija ma felaħx jara din it-traġedja tkompli tikber minħabba din il-ħaġa. Hu ħa bil-ħlewwa l-ġisem minn ħoġor ommu, tellgħu f’kamartu, u talab lil Alla Jehovah biex iġedded ir-ruħ, jew il-ħajja, tat-tifel.—1 Slaten 17:8-21.

19, 20. (a) Abraham kif wera li kellu l-fidi fil-qawwa taʼ Jehovah li jġedded, u x’bażi kien hemm għal fidi bħal din? (b) Jehovah kif bierek il-fidi t’Elija?

19 Elija ma kienx l-ewwel bniedem li emmen fl-irxoxt. Sekli  qabel, Abraham emmen li Jehovah kellu qawwa li jġedded bħal din—u bir-raġun. Meta Abraham kellu 100 sena u Sara kellha 90, Jehovah ġedded il-qawwiet riproduttivi tagħhom li kienu spiċċaw, u b’mod mirakoluż Sara setgħet tiled iben. (Ġenesi 17:17; 21:2, 3) Iktar tard, meta t-tifel kiber u sar raġel, Jehovah talab lil Abraham biex jissagrifika lil ibnu. Abraham wera l-fidi, u qies li Jehovah setaʼ jġedded il-ħajja taʼ l-għażiż tiegħu Iżakk. (Lhud 11:17-19) Fidi qawwija bħal din tistaʼ tgħinna nifhmu għala Abraham, qabel ma telaʼ fuq il-muntanja biex joffri lil ibnu, żgura lill-qaddejja tiegħu li hu u Iżakk kienu se jirritornaw flimkien.—Ġenesi 22:5.

“Ara, ibnek ħaj”

20 Jehovah ma ħalliex lil Iżakk imut, u għalhekk ma kienx hemm bżonn taʼ rxoxt dakinhar. Madankollu, fil-każ t’Elija, bin l-armla kien diġà miet—imma ma kienx se jdum wisq iktar. Jehovah bierek il-fidi tal-profeta billi rxoxta lit-tifel! Imbagħad Elija ta lura t-tifel lil ommu, b’dan il-kliem memorabbli: “Ara, ibnek ħaj.”—1 Slaten 17:22-24.

21, 22. (a) X’kien l-iskop tar-rakkonti taʼ rxoxt li nsibu mniżżlin fil-Bibbja? (b) Fil-Ġenna taʼ l-art, kemm se jkun kbir l-irxoxt, u min se jwettqu?

21 B’hekk, għall-ewwel darba fir-rakkonti tal-Bibbja naraw lil Jehovah juża l-qawwa tiegħu biex iġedded ħajja umana. Iktar tard, Jehovah ta wkoll il-qawwa lil Eliżew, Ġesù, Pawlu, u Pietru biex jagħtu l-ħajja mill-ġdid lil uħud mejtin. M’għandniex xi ngħidu, dawk li ġew irxoxtati reġgħu mietu eventwalment. Minkejja dan, rakkonti Bibliċi bħal dawn jagħtuna ħarsa taʼ l-għaġeb taʼ l-affarijiet li għad iridu jseħħu.

22 Fil-Ġenna taʼ l-art, Ġesù se jwettaq l-irwol tiegħu bħala “l-qawmien u l-ħajja.” (Ġwanni 11:25) Se jirxoxta lil miljuni bla għadd taʼ nies, u jagħtihom l-opportunità li jgħixu għal dejjem f’Ġenna fuq l-art. (Ġwanni 5:28, 29) Immaġina meta ħbieb u qraba għeżież li jkunu ilhom żmien twil mifrudin minħabba l-mewt, jerġgħu jiltaqgħu u jgħannqu lil xulxin,  ferħanin se jtiru! L-umanità kollha se tfaħħar lil Jehovah għall-qawwa tiegħu li jġedded.

23. Liema kienet l-akbar turija tal-qawwa taʼ Jehovah, u din kif tipprovdi garanzija għat-tama tagħna għall-futur?

23 Jehovah ipprovda garanzija soda li tamiet bħal dawn żgur se jseħħu. Fl-akbar turija tal-qawwa tiegħu, hu rxoxta lil Ibnu, Ġesù, bħala ħliqa spirtu setgħana, u tah it-tieni post warajh. Ġesù rxoxtat deher lil mijiet taʼ nies li rawh b’għajnejhom stess. (1 Korintin 15:5, 6) Evidenza bħal din għandha tkun biżżejjed anki għal uħud li jiddubitaw. Jehovah għandu l-qawwa li jġedded il-ħajja.

24. Għala nistgħu nkunu fiduċjużi li Jehovah se jirxoxta lill-mejtin, u liema tama jalla ngħożżu lkoll kemm aħna?

24 Jehovah mhux biss għandu l-qawwa li jġedded lill-mejtin imma għandu wkoll ix-xewqa li jagħmel dan. Ir-raġel leali Ġob ġie mnebbaħ biex jgħid li Jehovah fil-fatt jixxennaq biex iġib lura lill-mejtin. (Ġob 14:15, Saydon) Ma tħossokx miġbud lejn Alla tagħna, li hu ħerqan biex juża b’tant imħabba l-qawwa tiegħu li jġedded? Ftakar, iżda, li l-irxoxt huwa biss aspett wieħed biss mix-xogħol kbir taʼ tiġdid li se jagħmel Jehovah fil-futur. Hekk kif tersaq eqreb lejh, kun żgur li dejjem tgħożż it-tama prezzjuża li int tistaʼ tkun hemm biex tara lil Jehovah ‘iġedded kollox.’—Apokalissi 21:5.

^ par. 3 Iż-żmien tat-“tiġdid kollu” beda meta s-Saltna Messjanika ġiet stabbilita billi tpoġġa werriet tas-Sultan leali David fuq it-tron. Jehovah kien wiegħed lil David li werriet tiegħu kellu jaħkem għal dejjem. (Salm 89:36-38 [89:35-37, NW]) Imma wara li Babilonja qerdet lil Ġerusalemm fis-sena 607 Q.E.K., l-ebda dixxendent uman taʼ David ma poġġa fuq it-tron t’Alla. Meta tqiegħed fuq it-tron fis-sema, Ġesù, li twieled fuq l-art bħala werriet taʼ David, sar is-Sultan imwiegħed minn ħafna żmien qabel.

^ par. 6 Per eżempju, uħud bħal Mosè, Isaija, Ġeremija, Eżekjel, Hosegħa, Ġoel, Għamos, Għabdija, Mikea, u Sofonija kollha żviluppaw din it-tema.