Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU 9

“Kristu huwa l-qawwa ta’ Alla”

“Kristu huwa l-qawwa ta’ Alla”

1-3. (a) Id-dixxipli minn liema esperjenza terribbli għaddew fil-Baħar tal-Galilija, u Ġesù x’għamel? (b) Għala jistaʼ jingħad b’mod xieraq li “Kristu huwa l-qawwa taʼ Alla?”

ID-DIXXIPLI kienu mwerwrin. Kienu qed jaqsmu bid-dgħajsa l-Baħar tal-Galilija meta f’daqqa waħda nqabdu f’maltempata. Bla dubju, huma ġieli kienu raw maltemp f’din il-medda kbira taʼ ilma—wara kollox, xi wħud mill-irġiel kienu sajjieda tas-sengħa. * (Mattew 4:18, 19) Imma dan kien “riefnu kbir,” u l-baħar sar ifferoċjat f’daqqa waħda. L-irġiel tħabtu fuq li tħabtu biex jidderieġu d-dgħajsa, imma l-maltemp kien kbir wisq. Il-mewġ “beda tiela’ għal ġod-dgħajsa,” u din bdiet tiblaʼ l-ilma. Minkejja l-għagħa li qamet, Ġesù kien fil-poppa rieqed fil-fond, għajjien mejjet wara ġurnata jgħallem lill-folol tan-nies. Peress li beżgħu li se jmutu, id-dixxipli qajmuh, u talbuh bil-ħrara: “Salvana, Mulej! Se nintilfu!”—Mark 4:35-38; Mattew 8:23-25.

2 Ġesù ma beżax. B’fiduċja sħiħa, hu ċanfar lir-riħ u lill-baħar: “Iskot! Biżżejjed!” Minnufih, ir-riħ u l-baħar obdew—il-maltempata waqfet, il-baħar ikkwieta, u “waqgħet kalma kbira.” Issa d-dixxipli qabadhom biżaʼ mhux tas-soltu. “Dan min hu, mela?” bdew igemgmu bejniethom. Tabilħaqq, liema tip taʼ bniedem setaʼ jċanfar lir-riħ u lill-baħar qisu qed iwiddeb lil xi tifel imqareb?—Mark 4:39-41; Mattew 8:26, 27.

Imma Ġesù ma kienx bniedem komuni. Il-qawwa taʼ  Jehovah aġixxiet għan-nom taʼ Ġesù u dehret permezz taʼ Ġesù b’modi straordinarji. B’ispirazzjoni, meta l-appostlu Pawlu rrefera għal Ġesù hu setaʼ b’mod xieraq jgħid li “Kristu huwa l-qawwa taʼ Alla.” (1 Korintin 1:24) Il-qawwa t’Alla b’liema modi dehret permezz taʼ Ġesù? U l-mod kif Ġesù uża l-qawwa liema influwenza jistaʼ jkollu f’ħajjitna?

Il-Qawwa taʼ l-Iben Uniġenitu t’Alla

4, 5. (a) Jehovah liema qawwa u awtorità tremenda ddelega lill-Iben uniġenitu tiegħu? (b) Dan l-Iben kif kien mgħammar biex iwettaq l-iskopijiet kreattivi taʼ Missieru?

4 Ikkunsidra l-qawwa li Ġesù kellu qabel ma sar bniedem. Jehovah eżerċita s-“setgħa tiegħu taʼ dejjem” meta ħalaq lill-Iben uniġenitu tiegħu, li sar magħruf bħala Ġesù Kristu. (Rumani 1:20; Kolossin 1:15) Wara dan, Jehovah iddelega lil Ibnu qawwa u awtorità tremenda, u inkarigah biex iwettaq l-iskopijiet kreattivi Tiegħu. Dwar l-Iben, il-Bibbja tgħid: “Kollox bih sar, u xejn ma sar mingħajru.”—Ġwanni 1:3.

5 Aħna bilkemm nifhmu l-kobor taʼ dan l-inkarigu. Immaġina x’qawwa kienet meħtieġa biex jinħolqu miljuni t’anġli setgħana, l-univers fiżiku bil-biljuni taʼ galassji, u l-art bil-varjetà kbira taʼ ħajja. Sabiex iwettaq dawn l-inkarigi, l-Iben uniġenitu setaʼ juża l-iktar forza qawwija fl-univers—l-ispirtu qaddis t’Alla. Dan l-Iben ħass ferħ kbir f’li jkun il-Ħaddiem tas-Sengħa, li Jehovah uża biex joħloq l-affarijiet l-oħra kollha.—Proverbji 8:22-31, NW.

6. Wara li miet fuq l-art u rxoxta, Ġesù liema qawwa u awtorità ngħata?

6 Setaʼ l-Iben uniġenitu jirċievi saħansitra iktar qawwa u awtorità? Wara li Ġesù miet fuq l-art u rxoxta, hu qal: “Lili ngħatat kull setgħa fis-sema u fl-art.” (Mattew 28:18) Iva, Ġesù ngħata l-abbiltà u d-dritt li jeżerċita l-qawwa fl-univers kollu. Bħala “Sultan tas-slaten u Sid tas-sidien,” hu ġie awtorizzat biex jeqred “kull ħakma u kull setgħa u kull qawwa”— viżibbli u inviżibbli—li hi kontra Missieru. (Apokalissi 19:16; 1 Korintin 15:24-26) Alla “xejn ma ħalla li ma jkunx imqiegħed taħt” Ġesù—ħlief Jehovah innifsu.—Lhud 2:8; 1 Korintin 15:27.

7. Għala nistgħu nibqgħu ċerti li Ġesù qatt ma se juża ħażin il-qawwa li Jehovah tah f’idejh?

7 Hemm għalfejn ninkwetaw li Ġesù għandu mnejn juża ħażin il-qawwa tiegħu? Assolutament le! Ġesù jħobbu tassew lil Missieru u qatt ma se jagħmel xi ħaġa li ma togħġbux. (Ġwanni 8:29; 14:31) Ġesù jaf tajjeb li Jehovah qatt ma juża ħażin il-qawwa assoluta tiegħu. Ġesù ra b’għajnejh stess kif Jehovah ifittex opportunitajiet biex “isaħħaħ lil dawk li qalbhom marbuta fis-sħiħ miegħu.” (2 Kronaki 16:9) Tabilħaqq, bħal Missieru Ġesù jħobb lill-bnedmin, u għalhekk nistgħu nserrħu rasna li Ġesù dejjem se juża l-qawwa tiegħu għall-ġid. (Ġwanni 13:1) Il-fatti kollha juru li Ġesù qatt ma żbalja f’dan ir-rigward. Ejja nikkunsidraw il-qawwa li kellu waqt li kien fuq l-art u kif tqanqal biex jużaha.

“Setgħan . . . fil-Kliem”

8. Wara d-dlik tiegħu, Ġesù x’qawwa ngħata, u kif użaha l-qawwa tiegħu?

8 Evidentement, Ġesù ma wettaq l-ebda miraklu meta kien għadu qed jikber f’Nazaret. Imma l-affarijiet inbidlu wara li tgħammed fis-sena 29 E.K., meta kellu madwar 30 sena. (Luqa 3:21-23) Il-Bibbja tgħidilna li ‘Alla kkonsagrah bl-Ispirtu s-Santu u bil-qawwa, u hu għadda jagħmel il-ġid u jfejjaq lil dawk kollha li kienu maħkuma mix-xitan.’ (Atti 10:38) “Jagħmel il-ġid”—ma jindikax dan li Ġesù uża l-qawwa tiegħu b’mod tajjeb? Wara d-dlik tiegħu, hu sar “profeta setgħan fl-għemil u fil-kliem.”—Luqa 24:19.

9-11. (a) Ġesù fejn għallem l-iktar, u liema sfida kellu? (b) Il-folol tan-nies għala baqgħu mistagħġbin bil-mod kif għallem Ġesù?

9 Ġesù kif kien setgħan fil-kliem? Hu spiss kien jgħallem  fil-beraħ—f’xatt il-baħar u fuq l-għoljiet u kif ukoll fit-toroq u fis-swieq. (Mark 6:53-56; Luqa 5:1-3; 13:26) Is-semmiegħa tiegħu setgħu sempliċement jaqbdu u jitilqu ’l hemm jekk kliemu ma kienx jolqothom. Fiż-żmien meta ma kienx hemm kotba stampati, dawk is-semmiegħa li kienu japprezzaw kliemu kellhom jibqgħu jżommu kliemu f’moħħhom u f’qalbhom. Għalhekk, it-tagħlim taʼ Ġesù kellu jkun tagħlim li verament jiġbed l-attenzjoni, jinftiehem b’mod ċar, u ħafif biex is-semmiegħa jibqgħu jiftakruh. Imma din l-isfida ma kinitx problema għal Ġesù. Ħu, per eżempju, il-Priedka tiegħu taʼ fuq il-Muntanja.

10 Għodwa waħda fis-sena 31 E.K., folla nies inġabret fuq għolja ħdejn il-Baħar tal-Galilija. Xi wħud kienu ġew mil-Lhudija u minn Ġerusalemm, minn 100 sa 110 kilometri ’l bogħod. Oħrajn kienu ġew mill-inħawi tal-kosta taʼ Tir u Sidon, fit-tramuntana. Ħafna nies morda resqu qrib Ġesù biex imissuh, u hu fejjaqhom ilkoll. Meta ma kien għad fadal lanqas bniedem wieħed fosthom marid serjament, hu beda jgħallem. (Luqa 6:17-19) Meta waqaf jitkellem ftit ħin wara, in-nies baqgħu mistagħġbin b’dak li kienu semgħu. Għala?

11 Xi snin wara, wieħed li kien semaʼ dik il-priedka kiteb: “In-nies baqgħu mistagħġba bit-tagħlim tiegħu, għax hu kien jgħallimhom bħal wieħed li għandu s-setgħa.” (Mattew 7:28, 29) Ġesù tkellem b’ċerta qawwa li setgħu jħossuha. Hu tkellem f’isem Alla u saħħaħ it-tagħlim tiegħu permezz taʼ l-awtorità tal-Kelma t’Alla. (Ġwanni 7:16) Il-kliem taʼ Ġesù kien ċar, it-twiddib tiegħu kien persważiv, u r-raġunar li qajjem ma setaʼ jmerih ħadd. Kliemu laqat il-qofol tal-kwistjonijiet u laqat ukoll qlub is-semmiegħa tiegħu. Hu għallimhom kif isibu l-hena, kif jitolbu, kif ifittxu s-Saltna t’Alla, u kif jibnu għal futur fiż-żgur. (Mattew 5:3–7:27) Kliemu qanqal il-qlub taʼ dawk li kienu bil-ġuħ għall-verità u  s-sewwa. Uħud bħal dawn kienu lesti li ‘jiċħdu’ lilhom infushom u jabbandunaw kollox sabiex jimxu warajh. (Mattew 16:24; Luqa 5:10, 11) X’evidenza kienet din tal-qawwa li kellu kliem Ġesù!

“Setgħan fl-Għemil”

12, 13. Ġesù f’liema sens kien “setgħan fl-għemil,” u l-mirakli tiegħu kif kienu differenti minn xulxin?

12 Ġesù kien ukoll “setgħan fl-għemil.” (Luqa 24:19) L-Evanġelji jirrapportaw iktar minn 30 miraklu speċifiku mwettqin minnu—kollha permezz tal-“qawwa tal-Mulej.” * (Luqa 5:17) Il-mirakli taʼ Ġesù effettwaw il-ħajjiet t’eluf taʼ nies. Biss biss, żewġ mirakli minnhom—meta temaʼ 5,000 raġel u iktar tard 4,000 raġel “barra n-nisa u t-tfal”—involvew folol taʼ nies li x’aktarx kienu jgħoddu ma’ l-20,000 persuna!—Mattew 14:13-21; 15:32-38.

“Raw lil Ġesù miexi fuq il-baħar”

13 Il-mirakli taʼ Ġesù kienu differenti ħafna minn xulxin. Hu kellu awtorità fuq id-demonji, u setaʼ jkeċċihom faċilment. (Luqa 9:37-43) Kellu qawwa fuq elementi fiżiċi, u biddel l-ilma fi nbid. (Ġwanni 2:1-11) Bi stagħġib kbir għad-dixxipli tiegħu, hu mexa fuq il-baħar imqalleb tal-Galilija. (Ġwanni 6:18, 19) Kellu awtorità fuq il-mard, u fejjaq difetti fil-ġisem, mard kroniku, u mard li kien taʼ periklu għall-ħajja. (Mark 3:1-5; Ġwanni 4:46-54) Hu wettaq dan il-fejqan b’diversi modi. Xi wħud tfejqu mill-bogħod, filwaqt li oħrajn ħassew lil Ġesù stess imisshom. (Mattew 8:2, 3, 5-13) Xi wħud fiequ minnufih, oħrajn bil-mod il-mod.—Mark 8:22-25; Luqa 8:43, 44.

14. Ġesù f’liema ċirkustanzi wera li kellu l-qawwa li jġib il-mewt fix-xejn?

14 Ħaġa taʼ l-għaġeb, Ġesù kellu l-qawwa li jġib il-mewt fix-xejn. Fi tliet okkażjonijiet li tniżżlu bil-miktub, hu qajjem lill-mejtin— meta ta lura tifla taʼ 12-il sena lill-ġenituri tagħha, l-uniku iben lil ommu li kienet armla, u raġel maħbub ħafna lil ħutu l-bniet. (Luqa 7:11-15; 8:49-56; Ġwanni 11:38-44) L-ebda ċirkustanza ma kienet diffiċli wisq għalih. Hu qajjem lit-tifla taʼ 12-il sena ftit wara li kienet għadha kif mietet fuq sodditha. Irxoxta lit-tifel taʼ l-armla minn ġol-katalett, mingħajr dubju dakinhar stess li miet. U qajjem lil Lazzru mill-qabar wara li kien ilu mejjet erbat ijiem.

Użu tal-Qawwa Mingħajr Egoiżmu, bid-Dehen, u b’Konsiderazzjoni

15, 16. Liema evidenza turi li Ġesù uża l-qawwa tiegħu mingħajr egoiżmu?

15 Tistaʼ timmaġina x’abbuż setaʼ jsir li kieku l-qawwa li kellu Ġesù kellha tingħata lil ħakkiem imperfett? Imma Ġesù kien bla dnub. (1 Pietru 2:22) Hu rrifjuta li jittabba’ bl-egoiżmu, bl-ambizzjoni, u bir-regħba li jġagħlu lil nies imperfetti jużaw il-qawwa tagħhom sabiex jagħmlu ħsara lil ħaddieħor.

16 Ġesù ma kienx egoist meta uża l-qawwa tiegħu, u qatt ma użaha għall-benefiċċju tiegħu nnifsu. Meta kien bil-ġuħ, hu rrifjuta li jbiddel il-ġebel f’ħobż biex jieklu. (Mattew 4:1-4) Il-ftit affarijiet li kellu wrew biċ-ċar li hu m’għamilx xi qligħ materjali mill-użu tal-qawwa tiegħu. (Mattew 8:20) Hemm provi oħra li juru li l-għemejjel setgħana tiegħu ma ġewx imqanqlin minn motivi egoistiċi. Meta wettaq il-mirakli, hu għamel hekk avolja dan kien jinkludi sagrifiċċju min-naħa tiegħu. Meta kien ifejjaq lill-morda, il-qawwa kienet toħroġ minn ġo fih. Hu kien jinduna b’din il-qawwa ħierġa minnu, anki meta kien jagħmel fejqan wieħed biss. (Mark 5:25-34) Madankollu, hu kien iħalli lil folol taʼ nies imissuh, u lkoll kienu jfiqu. (Luqa 6:19) Xi spirtu mingħajr egoiżmu kien dak!

17. Ġesù kif wera d-dehen bil-mod kif uża l-qawwa tiegħu?

17 Ġesù uża l-qawwa tiegħu bid-dehen. Hu qatt ma wettaq  għemejjel setgħana biex jiffanfra quddiem kulħadd jew jagħmel wirja bla skop. (Mattew 4:5-7) Hu ma kienx lest li jwettaq xi sinjal sempliċement biex jaqtaʼ l-kurżità t’Erodi li kellu motivi żbaljati. (Luqa 23:8, 9) Minflok ma qagħad idoqq it-trombi dwar il-qawwa li kellu, Ġesù spiss kien jgħid lil dawk li jfejjaq biex ma jgħidu lil ħadd. (Mark 5:43; 7:36) Hu ma riedx li n-nies jaslu għal konklużjonijiet dwaru fuq il-bażi taʼ rapporti sensazzjonali.—Mattew 12:15-19.

18-20. (a) X’influwenza lil Ġesù biex juża l-qawwa tiegħu kif użaha? (b) Kif tħossok dwar il-mod li bih Ġesù fejjaq lil wieħed raġel trux?

18 Dan il-bniedem taʼ qawwa kbira, Ġesù, kien differenti ħafna minn dawk il-mexxejja li użaw il-qawwa mingħajr ma taw l-ebda kas il-bżonnijiet u t-tbatija t’oħrajn. Ġesù kien jimpurtah min-nies. Malli saħansitra kien jara lil xi ħadd muġugħ, tant kien iħoss għalih li kien jitqanqal biex itaffilu l-uġigħ tiegħu. (Mattew 14:14) Hu kien jimpurtah mis-sentimenti u l-bżonnijiet tan-nies, u dan l-interess teneru influwenzah fil-mod kif uża l-qawwa tiegħu. Eżempju kommoventi nsibuh f’Mark 7:31-37.

19 F’din l-okkażjoni, folol kbar taʼ nies sabu lil Ġesù u ġabulu ħafna morda, u hu fejjaqhom kollha. (Mattew 15:29, 30) Imma Ġesù għażel raġel wieħed u tah attenzjoni speċjali. Ir-raġel kien trux u bilkemm setaʼ jitkellem. Ġesù għandu mnejn induna li dan il-bniedem partikulari kien qed jistħi jew iħossu nervuż. B’mogħdrija, Ġesù ħa lir-raġel waħdu—lil hinn mill-folla—f’post għall-kwiet. Imbagħad Ġesù għamel xi sinjali biex juri lir-raġel x’kien se jagħmel. Hu “daħħal subgħajh f’widnejh u messlu lsienu bir-riq tiegħu.” * (Mark 7:33) Imbagħad, Ġesù ħares ’il fuq lejn is-sema u tniehed waqt li talab. B’dawn l-azzjonijiet, hu kien qed jgħid lir-raġel,  ‘Dak li se nagħmillek minn hawn u ftit ieħor huwa permezz tal-qawwa mingħand Alla.’ Fl-aħħar, Ġesù qal: “Infetaħ.” (Mark 7:34) Malli qal hekk, ir-raġel reġaʼ beda jismaʼ, u setaʼ jitkellem normali.

20 Kemm huwa kommoventi meta noqogħdu naħsbu li anki meta kien juża l-qawwa mogħtija minn Alla biex ifejjaq lill-morda, Ġesù kien jagħti kas is-sentimenti tagħhom u jagħdirhom! M’hijiex xi ħaġa rassiguranti li nkunu nafu li Jehovah ħalla s-Saltna Messjanika f’idejn Ħakkiem li tant jimpurtah u jagħder?

Sinjal taʼ l-Affarijiet li Jridu Jseħħu

21, 22. (a) Il-mirakli taʼ Ġesù taʼ xiex kienu sinjal? (b) Ladarba Ġesù għandu kontroll fuq il-forzi naturali, x’nistgħu nistennew taħt il-ħakma tiegħu tas-Saltna?

21 L-għemejjel setgħana li Ġesù wettaq fuq l-art kienu biss stampa bil-quddiem taʼ barkiet saħansitra akbar li kellhom iseħħu taħt ir-renju tiegħu. Fid-dinja l-ġdida t’Alla, Ġesù se jerġaʼ jagħmel il-mirakli—imma fuq skala globali! Ikkunsidra xi ftit mill-prospetti eċċitanti li għandna quddiemna.

22 Ġesù se jerġaʼ jġib l-ekoloġija taʼ l-art f’bilanċ perfett. Ftakar li hu wera kontroll fuq il-forzi naturali billi kkalma maltempata. M’hemmx dubju, allura, li taħt il-ħakma tas-Saltna minn Kristu, il-bnedmin mhux se jkollhom għalfejn jibżgħu li se jweġġgħu minħabba uragani, terremoti, żbroffi taʼ vulkani, jew diżastri naturali oħra. Ladarba Ġesù hu l-Ħaddiem tas-Sengħa li Jehovah uża biex joħloq l-art u l-ħajja kollha taʼ ġo fiha, hu jifhem għalkollox kif inhi magħmula l-art. Hu jaf kif juża sew ir-riżorsi tagħha. Taħt il-ħakma tiegħu, din l-art kollha se tinbidel f’Ġenna.—Luqa 23:43.

23. Bħala Sultan, Ġesù kif se jissodisfa l-bżonnijiet tal-bnedmin?

23 Xi ngħidu għall-bżonnijiet tal-bnedmin? L-abbiltà taʼ Ġesù li jitmaʼ lil eluf taʼ nies sakemm jixbgħu, sempliċement minn ħażna żgħira taʼ ikel, tassigurana li l-ħakma tiegħu se  ġġib ħelsien mill-ġuħ. Tabilħaqq, abbundanza taʼ ikel, imqassam b’mod indaqs u ġust, se ttemm il-ġuħ għal dejjem. (Salm 72:16) L-awtorità tiegħu fuq il-mard turina li n-nies morda, għomja, torox, immankati, u z-zopop se jfiqu—kompletament u għal dejjem. (Isaija 33:24; 35:5, 6) L-abbiltà tiegħu li jirxoxta lill-mejtin tiżgurana li s-setgħa li se jkollu bħala Sultan fis-sema tinkludi l-qawwa li jirxoxta lil miljuni bla għadd taʼ nies illi Missieru jixtieq ħafna li jiftakar fihom.—Ġwanni 5:28, 29.

24. Hekk kif nirriflettu fuq il-qawwa taʼ Ġesù, x’għandna nżommu f’moħħna, u għala?

24 Hekk kif nirriflettu fuq il-qawwa taʼ Ġesù, ejja nżommu f’moħħna li dan l-Iben jimita lil Missieru b’mod perfett. (Ġwanni 14:9) B’hekk, il-mod kif Ġesù juża l-qawwa jagħtina stampa ċara taʼ kif Jehovah juża l-qawwa. Per eżempju, aħseb fil-mod teneru kif Ġesù fejjaq lil ċertu raġel imġiddem. Peress li tħassru, Ġesù mess lir-raġel u qallu: “Irrid.” (Mark 1:40-42) Permezz taʼ rakkonti bħal dan, Jehovah qiegħed fil-fatt jgħid, ‘Jien hekk nużaha l-qawwa tiegħi!’ Ma tħossokx imqanqal li tfaħħar lill-Alla tagħna li jistaʼ kollox u troddlu ħajr talli juża l-qawwa tiegħu b’tant imħabba?

^ par. 1 Fil-Baħar tal-Galilija hija xi ħaġa komuni li jqum il-maltemp f’daqqa waħda. Minħabba li dan jinsab fil-baxx (mal-200 metru taħt il-livell tal-baħar), l-arja hemmhekk hija iktar sħuna mill-inħawi taʼ madwar, u dan joħloq taqlib fl-atmosfera. Irjieħ qawwijin jinżlu jiġru mill-Muntanja Ħermon li tinsab fit-tramuntana għall-Wied tal-Ġordan. It-temp sabiħ malajr jistaʼ jinbidel f’maltempata qalila.

^ par. 12 Flimkien ma’ dan, xi drabi l-Evanġelji jiġbru diversi mirakli u jsemmuhom f’rakkont wieħed ġenerali. Per eżempju, darba minnhom marret tarah “belt,” u hu fejjaq “ħafna” nies morda.—Mark 1:32-34.

^ par. 19 Li wieħed jobżoq kien mezz jew sinjal taʼ fejqan aċċettat kemm mil-Lhud kif ukoll mill-Ġentili, u l-użu tar-riq fil-fejqan huwa dokumentat f’kitbiet rabbiniċi. Ġesù għandu mnejn beżaq sempliċement biex juri lir-raġel li dalwaqt kien se jfiq. Kien x’kien il-każ, Ġesù ma kienx qed juża r-riq tiegħu bħala rimedju naturali taʼ fejqan.