Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU 1

“Dan hu Alla tagħna”

“Dan hu Alla tagħna”

1, 2. (a) Liema mistoqsijiet tixtieq tistaqsi lil Alla? (b) Mosè xi staqsieh lil Alla?

TISTAʼ timmaġina lilek innifsek titkellem m’Alla? Anki l-istess ħsieb jimliek bi stagħġib kbir—is-Sovran taʼ l-univers jitkellem miegħek! Għall-ewwel tibda taħsibha, imma mbagħad jirnexxilek twieġbu. Hu jisimgħek, iwieġbek lura, u saħansitra jġagħlek tħossok liberu li tistaqsi kull mistoqsija li tixtieq. Kieku int x’mistoqsija tistaqsih?

2 Żmien twil ilu, kien hemm raġel li sab ruħu proprju f’din is-sitwazzjoni. Kien jismu Mosè. Madankollu, forsi tibqaʼ sorpriż bil-mistoqsija li hu għażel li jistaqsi lil Alla. Hu ma staqsiex xi ħaġa dwaru nnifsu, dwar il-futur tiegħu, jew saħansitra dwar l-istat imwiegħer taʼ l-umanità. Minflok, ried ikun jaf x’inhu l-isem t’Alla. Għandek mnejn taraha mistoqsija stramba, ladarba Mosè diġà kien jaf x’inhu l-isem persunali t’Alla. Il-mistoqsija tiegħu, allura, bilfors li kienet tfisser iktar minn hekk. Fil-fatt, din kienet l-iktar mistoqsija importanti li Mosè qatt setaʼ jistaqsi. It-tweġiba teffettwana lkoll. Tistaʼ tgħinek biex tieħu pass li huwa vitali sabiex tersaq qrib lejn Alla. B’liema mod? Ejja nagħtu ħarsa lejn dik il-konversazzjoni notevoli.

3, 4. Liema ġrajjiet wasslu għall-konversazzjoni li Mosè kellu m’Alla, u x’kien il-qofol tagħha?

3 Mosè kellu 80 sena. Hu kien qattaʼ erbgħin sena eżiljat minn niesu, l-Iżraelin, li kienu lsiera fl-Eġittu. Darba waħda, waqt li kien qiegħed jirgħa l-imrieħel taʼ ħatnu, ra dehra stramba u taʼ l-għaġeb. Ra l-għollieq jaqbad bin-nar, imma ma kienx qed jinħaraq u jintemm. Dan sempliċement baqaʼ jaqbad u jiddi bħal fanal mal-ġenb tal-muntanja. Mosè resaq qrib biex jittawwal. Min jaf kif inħasad meta semaʼ leħen ikellmu minn qalb in-nar! Imbagħad, Alla u Mosè kellhom  konversazzjoni twila permezz taʼ kelliemi anġeliku. U bħalma forsi taf, hemmhekk Alla kkmanda lil Mosè, li kien kemxejn beżgħan, biex jitlaq il-ħajja kwieta li kellu u jmur lura l-Eġittu biex jeħles lill-Iżraelin mill-jasar.—Eżodu 3:1-12.

4 F’dak il-mument, Mosè setaʼ staqsa lil Alla kwalunkwe mistoqsija li ried. Innota, iżda, x’mistoqsija għażel li jistaqsi: “Ara, jiena mmur għand ulied Iżrael u ngħidilhom: ‘Alla taʼ missirijietkom bagħatni għandkom,’ u huma jistaqsuni, ‘X’jismu?’ Jiena xi ngħidilhom?”—Eżodu 3:13.

5, 6. (a) Il-mistoqsija taʼ Mosè tgħallimna liema verità sempliċi u vitali? (b) Liema ħaġa inaċċettabbli saret bl-isem persunali t’Alla? (ċ) Għala huwa tant sinifikanti li Alla rrivela ismu lill-umanità?

5 L-ewwel u qabel kollox, dik il-mistoqsija tgħallimna li Alla għandu isem. Din il-verità sempliċi m’għandniex niħduha ħafif ħafif. Madankollu, ħafna hekk jagħmlu. L-isem persunali t’Alla tneħħa minn għadd kbir taʼ traduzzjonijiet tal-Bibbja u minfloku ntużaw titli, bħalma huma “Mulej” u “Alla.” Din hija waħda mill-iktar affarijiet koroh u inaċċettabbli li saru f’isem ir-reliġjon. Wara kollox, x’inhi l-ewwel ħaġa li tagħmel meta tiltaqaʼ ma’ xi ħadd? Mhux tistaqsih x’jismu? L-istess biex insiru nafu lil Alla. Hu mhux xi esseri bla isem u maqtugħ għalih, mingħajr ħadd ma jistaʼ jsir jafu jew jifhmu. Għalkemm ma jidhirx, hu persuna, u għandu isem—Jehovah.

6 Barra minn hekk, meta Alla jirrivela l-isem persunali tiegħu, ikun ifisser li ġejja xi ħaġa straordinarja u eċċitanti. Hu jkun qed jistidinna biex insiru nafuh. Iridna nagħmlu l-aħjar għażla li nistgħu f’ħajjitna—li nersqu qrib lejh. Imma Jehovah ma qalilniex biss x’jismu. Hu għallimna wkoll dwar il-persuna li għandha dan l-isem.

Xi Jfisser l-Isem t’Alla

7. (a) X’inhu mifhum li jfisser l-isem persunali t’Alla? (b) Mosè x’ried ikun jaf tassew meta staqsa x’inhu l-isem t’Alla?

7 Jehovah innifsu għażel ismu, isem mimli tifsir. Hu mifhum  li “Jehovah” ifisser “Hu Jġiegħel li Jsir.” Hu uniku fl-univers kollu, għax hu ħalaq l-affarijiet kollha li jeżistu, u jġiegħel l-iskopijiet kollha tiegħu jitwettqu. Dan il-fatt inissel riverenza profonda. Imma hemm xi tifsir ieħor għall-isem t’Alla? Milli jidher, Mosè xtaq ikun jaf iktar. Il-fatt hu li kien jaf li Jehovah hu l-Ħallieq u kien jaf x’inhu l-isem t’Alla. L-isem divin ma kienx ġdid. In-nies kienu ilhom sekli sħaħ jużawh. Meta Mosè staqsa x’inhu l-isem t’Alla, hu fil-fatt kien qiegħed jistaqsi dwar il-persuna li dak l-isem jirrappreżenta. Fi kliem ieħor, kien qed jgħid: ‘X’nistaʼ ngħidlu dwarek lill-poplu tiegħek Iżrael li se jsaħħaħlu l-fidi fik, u li se jikkonvinċih li int tassew se teħilsu?’

8, 9. (a) Jehovah kif wieġeb il-mistoqsija taʼ Mosè, u għala huwa inkorrett il-mod kif taʼ spiss tiġi tradotta t-tweġiba Tiegħu? (b) Xi tfisser l-istqarrija “Jien se nsir dak li se nsir”?

8 Biex iwieġbu, Jehovah irrivela aspett eċċitanti tal-personalità tiegħu, xi ħaġa li għandha x’taqsam mat-tifsir taʼ ismu. Hu qal lil Mosè: “Jien se nsir dak li rrid insir.” (Eżodu 3:14, New World Translation) F’ħafna traduzzjonijiet tal-Bibbja hawnhekk insibu: “Jien li jien.” Imma l-mod kif l-isem ġie tradott bl-attenzjoni f’verżjonijiet differenti juri li Alla ma kienx qiegħed sempliċement jikkonferma li hu jeżisti. Minflok, Jehovah kien qed jgħallem lil Mosè—u nistgħu ngħidu lilna wkoll—li hu kien ‘se jsir,’ jew jagħżel li jsir, dak kollu li kien meħtieġ sabiex iwettaq il-wegħdi Tiegħu. Fit-traduzzjoni taʼ J. B. Rotherham, il-punt f’dan il-vers joħroġ ċar: “Jien Se Nsir dak kollu li jogħġobni.” Espert dwar l-Ebrajk Bibliku jispjega din il-frażi b’dan il-mod: “Tkun xi tkun is-sitwazzjoni jew ħtieġa . . . , Alla se ‘jsir’ is-soluzzjoni għal dik il-ħtieġa.”

9 Dan x’kien ifisser għall-Iżraelin? Li jkun xi jkun l-ostaklu li kienu se jsibu quddiemhom, u tkun kemm tkun diffiċli s-sitwazzjoni li setgħu jsibu ruħhom fiha, Jehovah kien se jsir dak kollu li kien hemm bżonn sabiex jeħlishom mill-jasar u jdaħħalhom fl-Art Imwiegħda. Żgur li dak l-isem  nissel fiduċja f’Alla. U jistaʼ jagħmel l-istess ħaġa għalina llum. (Salm 9:11 [9:10, NW]) Għala?

10, 11. L-isem taʼ Jehovah kif iqanqalna naħsbu fih bħala l-aqwa Missier u l-iktar wieħed flessibbli li nistgħu nimmaġinaw? Agħti eżempju.

10 Biex nagħtu eżempju: Il-ġenituri jafu kemm iridu jkunu flessibbli u jaddattaw skond is-sitwazzjoni meta jieħdu ħsieb uliedhom. F’ġurnata waħda, ġenitur abbli jkollu jagħmilha taʼ infermier, kok, għalliem, wieħed li jżomm id-dixxiplina, imħallef, u ħafna iktar minn hekk. Ħafna wħud jaqtgħu qalbhom b’din il-varjetà kbira taʼ rwoli li suppost ikollhom. Huma jinnotaw kif uliedhom għandhom fiduċja sħiħa fihom, għax ma jkollhom l-ebda dubju li l-papà jew il-mamà tistaʼ ttaffilhom l-uġigħ, issolvi kull tilwima, issewwi l-ġugarelli kollha li jinkisru, u twieġeb kwalunkwe mistoqsija li tiġihom f’moħħhom mimli kurżità. Xi ġenituri jħossu li ma jistħoqqilhomx din il-fiduċja kollha u xi drabi jimtlew bid-dwejjaq minħabba l-limitazzjonijiet li għandhom. Huma jħossu li m’humiex kapaċi jwettqu ħafna minn dawn l-irwoli.

11 Jehovah ukoll hu ġenitur li jħobb. Madankollu, mingħajr ma jikser il-livelli perfetti tiegħu stess, m’hemm xejn li hu ma jistax isir għal uliedu fuq l-art sabiex jieħu ħsiebhom bl-aqwa mod possibbli. Għaldaqstant ismu, Jehovah, iqanqalna naħsbu fih bħala li hu l-aqwa Missier li qatt nistgħu nimmaġinaw. (Ġakbu 1:17) Mosè u l-Iżraelin leali l-oħra kollha malajr tgħallmu kif Jehovah verament hu dak li jfisser ismu. Huma bi stagħġib rawh hekk kif hu ġiegħel lilu nnifsu li jsir Kmandant Militari invinċibbli, is-Sid taʼ l-elementi naturali kollha, u uniku bħala Leġislatur, Imħallef, Perit, Provditur taʼ l-ikel u l-ilma, Preservatur tal-ħwejjeġ u ż-żraben—u ħafna iktar.

12. L-attitudni taʼ Fargħun lejn Jehovah kif kienet differenti minn dik taʼ Mosè?

12 B’dan il-mod, Alla għarraf l-isem persunali tiegħu, irrivela affarijiet eċċitanti dwar il-persuna li għandha dan l-isem,  u saħansitra wera li dak li jgħid dwaru nnifsu hu minnu. Bla dubju, Alla jixtieq li aħna nsiru nafuh. X’se nagħmlu aħna? Mosè ried ikun jafu lil Alla. Dik ix-xewqa qawwija sawret il-ħajja taʼ Mosè u wasslitu biex jersaq qrib ħafna lejn Missieru tas-sema. (Numri 12:6-8; Lhud 11:27) B’sogħba, ftit kienu n-nies fi żmien Mosè li kellhom l-istess xewqa. Meta Mosè semma lil Jehovah b’ismu quddiem il-Fargħun, dak il-monarka Eġizzjan kburi rrisponda: “Min hu [“Jehovah,” NW]?” (Eżodu 5:2) Fargħun ma riedx isir jaf iktar dwar Jehovah. Minflok, hu injora b’mod sarkastiku lill-Alla taʼ Iżrael bħala xi ħaġa li m’hix importanti jew bla siwi. Din il-ħarsa hija komuni ħafna llum il-ġurnata. Lin-nies ma tħallihomx jaraw waħda mill-iktar veritajiet importanti li jeżistu—Jehovah hu l-Mulej Sovran.

Il-Mulej Sovran Jehovah

13, 14. (a) Jehovah għala jingħata ħafna titli fil-Bibbja, u x’inhuma xi ftit minnhom? (Ara l-kaxxa  f’paġna 14.) (b) Għala Jehovah biss jikkwalifika biex jissejjaħ il-“Mulej Sovran”?

13 Jehovah tant hu flessibbli, tant jaddatta skond is-sitwazzjoni, li bix-xieraq għandu ħafna titli fl-Iskrittura. Dawn ma jikkompetux ma’ l-isem persunali tiegħu; minflok, jgħallmuna iktar dwar x’jirrappreżenta ismu. Per eżempju, hu jissejjaħ “Mulej Sovran.” (Atti 4:24, NW) Dan it-titlu kbir, li jidher mijiet taʼ drabi fit-test oriġinali tal-Bibbja, jgħidilna x’inhi l-pożizzjoni taʼ Jehovah. Hu biss għandu d-dritt li jkun il-Ħakkiem taʼ l-univers kollu. Ikkunsidra għala.

14 Jehovah hu uniku bħala l-Ħallieq. Apokalissi 4:11 jgħidilna: “Jistħoqqlok, Mulej Alla tagħna, li tilqaʼ l-glorja u l-ġieħ u s-setgħa, għax int ħlaqt il-ħlejjaq kollha, u huma kienu u nħolqu bir-rieda tiegħek.” Dan il-kliem maestuż ma jistaʼ japplika għal ebda esseri ieħor. Kull ħaġa fl-univers taf l-eżistenza tagħha lil Jehovah! Mingħajr ebda dubju, Jehovah jistħoqqlu s-setgħa, il-glorja, u l-ġieħ li bix-xieraq jappartjenu lill-Mulej Sovran u Ħallieq taʼ kollox.

15. Jehovah għala jissejjaħ “Sultan taʼ dejjem”?

 15 Titlu ieħor li jintuża b’mod esklużiv għal Jehovah hu “Sultan taʼ dejjem.” (1 Timotju 1:17; Rivelazzjoni 15:3, NW) Dan xi jfisser? Huwa diffiċli għall-imħuħ limitati tagħna biex jifhmu, imma Jehovah hu taʼ dejjem f’żewġ aspetti—passat u futur. Salm 90:2 jgħid: “Minn dejjem taʼ dejjem int, o Alla!” Mela Jehovah qatt ma kellu bidu; hu kien minn dejjem. Hu bix-xieraq jissejjaħ “ix-Xiħ fl-għomor”—hu eżista għal eternità qabel ma xi ħadd jew xi ħaġa oħra fl-univers bdiet teżisti! (Danjel 7:9, 13, 22) Min għandu xi raġuni valida biex iqajjem xi dubju li hu għandu d-dritt ikun il-Mulej Sovran?

16, 17. (a) Għala ma nistgħux narawh lil Jehovah, u għala m’għandniex nistagħġbu b’dan? (b) F’liema sens Jehovah hu iktar reali minn kwalunkwe ħaġa li nistgħu naraw jew immissu?

16 Madankollu, xi wħud jiddubitawh dan id-dritt, bħalma għamel Fargħun. Parti mill-problema hi li l-bnedmin imperfetti jafdaw iżżejjed fuq dak li jistgħu jaraw b’għajnejhom. Aħna ma nistgħux narawh lill-Mulej Sovran. Hu esseri spirtu, inviżibbli għall-għajnejn umani. (Ġwanni 4:24) Barra minn hekk, li kieku bniedem tad-demm u l-laħam kellu jsib ruħu eżatt quddiem il-preżenza t’Alla Jehovah, din l-esperjenza kienet tkun fatali għalih. Jehovah innifsu qal lil Mosè: “Int ma tistax tara ’l wiċċi, għax ebda bniedem ma jarani u jibqaʼ ħaj.”—Eżodu 33:20; Ġwanni 1:18.

17 M’għandniex għalfejn nistagħġbu b’dan. Mosè rnexxielu jara biss parti mill-glorja taʼ Jehovah, evidentement permezz taʼ rappreżentant anġeliku. X’kien ir-riżultat? Wiċċ Mosè baqaʼ ‘jiddi’ għal xi ħin wara. L-Iżraelin saħansitra beżgħu jħarsu dirett f’wiċċ Mosè. (Eżodu 33:21-23; 34:5-7, 29, 30) M’hemmx dubju, allura, li l-ebda bniedem komuni ma jistaʼ jħares lejn il-Mulej Sovran innifsu fil-glorja kollha tiegħu! Ifisser dan li hu m’huwiex reali daqs kwalunkwe ħaġa li nistgħu naraw u mmissu? Le. Aħna naċċettaw bla diffikultà r-realtà taʼ ħafna affarijiet li ma nistgħux naraw,  bħal per eżempju r-riħ, l-elettriku, u l-ħsibijiet. Barra minn hekk, Jehovah hu permanenti, u ma jiġix effettwat mill-mogħdija taż-żmien, saħansitra biljuni bla għadd taʼ snin! F’dan is-sens, hu ħafna iktar reali minn kwalunkwe ħaġa li nistgħu mmissu jew naraw, għax il-qasam fiżiku hu suġġett għaż-żmien u t-taħsir. (Mattew 6:19) Madankollu, għandna aħna nqisuh sempliċement bħala xi forza astratta u bla personalità jew l-Ewwel Kawża li ma tistax tinftiehem? Ejja naraw.

Alla b’Personalità

18. Liema viżjoni ngħata Eżekjel, u x’jissimbolizzaw l-erba’ wċuħ tal-“ħlejjaq ħajjin” ħdejn Jehovah?

18 Għalkemm ma nistgħux naraw lil Alla, fil-Bibbja nsibu rakkonti eċċitanti li jagħtuna ħjiel tas-smewwiet infushom. Eżempju wieħed huwa l-ewwel kapitlu t’Eżekjel. Eżekjel ngħata viżjoni taʼ l-organizzazzjoni taʼ Jehovah fis-sema, u din raha bħala karru ċelestjali immens. Deskrizzjoni impressjonanti ħafna hija dik tal-ħlejjaq spirti setgħana madwar Jehovah. (Eżekjel 1:4-10) Dawn il-“ħlejjaq ħajjin” għandhom x’jaqsmu ħafna ma’ Jehovah, u d-dehra tagħhom tgħidilna xi ħaġa importanti dwar l-Alla li huma jaqdu. Kull wieħed minnhom għandu erba’ wċuħ—dak t’għoġol, taʼ ljun, t’ajkla, u taʼ bniedem. Dawn evidentement jissimbolizzaw l-erba’ kwalitajiet straordinarji tal-personalità taʼ Jehovah.—Apokalissi 4:6-8, 10.

19. Liema kwalità hija rappreżentata minn (a)wiċċ l-għoġol? (b) wiċċ l-iljun? (ċ) wiċċ l-ajkla? (d) wiċċ il-bniedem?

19 Fil-Bibbja, l-għoġol, jew il-barri, spiss jirrappreżenta l-qawwa, u bix-xieraq, għax huwa annimal b’saħħtu ħafna. Mill-banda l-oħra, spiss l-iljun jagħti stampa tal-ġustizzja, għax il-ġustizzja vera teħtieġ il-kuraġġ, kwalità li l-iljuni huma magħrufin għaliha. L-ajkli huma msemmijin għall-vista tajba li għandhom, għax jirnexxilhom jaraw saħansitra oġġetti żgħar li jkunu kilometri ’l bogħod. Mela wiċċ  l-ajkla jagħti stampa tajba taʼ l-għerf t’Alla li kapaċi jara fil-bogħod. U wiċċ il-bniedem? Sewwa, il-bniedem, magħmul fuq xbieha t’Alla, huwa uniku fl-abbiltà tiegħu li jirrifletti l-kwalità dominanti t’Alla—l-imħabba. (Ġenesi 1:26) Dawn l-aspetti tal-personalità taʼ Jehovah—il-qawwa, il-ġustizzja, l-għerf, u l-imħabba—tant jiġu enfasizzati fl-Iskrittura li nistgħu nirreferu għalihom bħala l-attributi kardinali, jew ewlenin, t’Alla.

20. Għandna għalfejn ninkwetaw li l-personalità taʼ Jehovah setgħet tbiddlet, u għala twieġeb hekk?

20 Għandna ninkwetaw li Alla forsi setaʼ tbiddel matul l-eluf taʼ snin li għaddew minn mindu ġie deskritt fil-Bibbja? Le, il-personalità t’Alla ma tinbidilx. Hu jgħidilna: “Jien, il-Mulej, ma tbiddiltx.” (Malakija 3:6) Minflok ma jitbiddel kif ifettillu, Jehovah juri li hu Missier ideali bil-mod kif jirreaġixxi għal kull sitwazzjoni. Hu juri dawk l-aspetti tal-personalità tiegħu li jkunu l-iktar xierqa. Minn dawk l-erba’ kwalitajiet, l-iktar waħda li tispikka hija l-imħabba. Din tidher f’dak kollu li jagħmel Alla. Hu jeżerċita l-qawwa, il-ġustizzja, u l-għerf tiegħu bi mħabba. Fil-fatt, il-Bibbja tgħid xi ħaġa straordinarja dwar Alla u din il-kwalità. Tgħid: “Alla hu  mħabba.” (1 Ġwanni 4:8) Innota li din ma tgħidx li Alla għandu l-imħabba jew li Alla jħobb. Minflok, tgħid li Alla hu mħabba. L-imħabba, l-essenza nfisha tiegħu, timmotivah f’dak kollu li jagħmel.

“Dan Hu Alla Tagħna”

21. Kif se nħossuna iktar ma nsiru nafu l-kwalitajiet taʼ Jehovah?

21 Ġieli rajt xi tifel ċkejken flimkien ma’ ħbiebu u, kollu kburi u bl-akbar innoċenza, jipponta lejn missieru bil-ferħ u jgħidilhom, “Dak il-papà tiegħi”? L-aduraturi t’Alla għandhom kull raġun biex iħossuhom bl-istess mod dwar Jehovah. Il-Bibbja tbassar żmien meta nies leali se jgħajtu: “Dan hu Alla tagħna.” (Isaija 25:8, 9) Iktar ma tikseb dehen dwar il-kwalitajiet taʼ Jehovah, iktar se tħoss li int għandek l-aqwa Missier li tistaʼ timmaġina.

22, 23. Il-Bibbja kif tpinġih lil Missierna tas-sema, u kif nafu li hu jridna nkunu qribu?

22 Dan il-Missier m’huwiex xi wieħed bla emozzjonijiet, maqtugħ għalih, jew ’il bogħod minn kulħadd—minkejja dak li għallmu xi reliġjonisti u filosfi riġidi. Ma tantx nistgħu nħossuna qrib Alla kieku kien daqshekk biered, u l-Bibbja ma tpinġihx hekk lil Missierna tas-sema. Għall-kuntrarju, din issejjaħlu “l-Alla hieni.” (1 Timotju 1:11, NW) Għandu emozzjonijiet qawwija u anki emozzjonijiet teneri. Hu ‘jsewwed qalbu’ meta l-ħlejjaq intelliġenti tiegħu jiksru l-linji taʼ gwida li jipprovdilhom għall-ġid tagħhom. (Ġenesi 6:6) Imma meta naġixxu bil-għaqal skond il-Kelma tiegħu, aħna ‘nferrħulu qalbu.’—Proverbji 27:11.

23 Missierna jixtieq li aħna nkunu qribu. Il-Kelma tiegħu tħeġġiġna biex ‘infittxu lil Alla u forsi nħossuh b’idejna u nsibuh; u tassew, hu m’huwiex ’il bogħod minn kull wieħed minna.’ (Atti 17:27) Iżda, kif inhu possibbli għal sempliċi bnedmin li jersqu qrib lejn il-Mulej Sovran taʼ l-univers?