Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU 30

Ibqgħu “Imxu fl-Imħabba”

Ibqgħu “Imxu fl-Imħabba”

1-3. X’jirriżulta meta nimitaw lil Jehovah u nuru l-imħabba bħalu?

“MIN jagħti hu aktar hieni minn min jieħu.” (Atti 20:35) Dan il-kliem taʼ Ġesù jenfasizza din il-verità importanti: L-imħabba mingħajr egoiżmu hija premjanti fiha nfisha. Għalkemm hemm ħafna hena f’li tieħu l-imħabba, hemm hena ħafna akbar f’li tagħti, jew turi, imħabba lil oħrajn.

2 Dan ħadd ma jafu aħjar minn Missierna tas-sema. Bħalma rajna fil-kapitli taʼ qabel f’din it-taqsima, Jehovah hu l-eżempju suprem taʼ l-imħabba. Ħadd qatt ma wera mħabba b’modi daqshekk kbar jew matul perijodu tant twil taʼ żmien daqskemm wera hu. Hija xi ħaġa taʼ l-għaġeb, allura, li Jehovah jissejjaħ “l-Alla hieni”?—1 Timotju 1:11, NW.

3 Alla tagħna li jħobbna jixtieqna nipprovaw inkunu bħalu, speċjalment meta niġu biex nuru mħabba. Efesin 5:1, 2 jgħidilna: “Kunu, mela, tixbhu lil Alla, bħala wlied maħbuba, u imxu fl-imħabba.” Meta nimitaw lil Jehovah u nuru l-imħabba bħalu, nesperjenzaw l-hena akbar li jirriżulta meta nagħtu. Ikollna wkoll is-sodisfazzjon li nkunu nafu li qed nogħġbu lil Jehovah, għax il-Kelma tiegħu tħeġġiġna biex ‘inħobbu lil xulxin.’ (Rumani 13:8) Imma jerġaʼ hemm raġunijiet oħra għala għandna nibqgħu ‘nimxu fl-imħabba.’

Għala l-Imħabba Hi Essenzjali

4, 5. Għala huwa importanti li nuru mħabba mhix egoista ma’ sħabna fit-twemmin?

4 Għala huwa importanti li nuru mħabba ma’ sħabna fit-twemmin? Fi kliem sempliċi, l-imħabba hi l-essenza tal-Kristjanità vera. Mingħajr l-imħabba ma jistax ikollna rabta intima ma’ sħabna l-Kristjani, u iktar importanti, ma nkunu niswew xejn f’għajnejn Jehovah. Ikkunsidra kif il-Kelma t’Alla tenfasizza dawn il-veritajiet.

 5 Fl-aħħar lejl tal-ħajja tiegħu fuq l-art, Ġesù qal lis-segwaċi tiegħu: “Nagħtikom kmandament ġdid, li tħobbu lil xulxin. Bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin. Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom.” (Ġwanni 13:34, 35) “Bħalma ħabbejtkom jien”—iva, aħna kmandati li nuru l-istess tip taʼ mħabba li wera Ġesù. F’Kapitlu 29, innotajna li Ġesù ta eżempju mill-aqwa f’li juri mħabba mhix egoista, billi poġġa l-bżonnijiet u l-interessi t’oħrajn qabel tiegħu. Aħna wkoll irridu nuru mħabba mingħajr egoiżmu, u dan tant irridu nagħmluh b’mod ċar li l-imħabba tagħna trid tkun evidenti anki għal dawk li jinsabu barra l-kongregazzjoni Kristjana. Tabilħaqq, l-imħabba mhix egoista murija ma’ l-aħwa hija l-marka li biha nintgħarfu bħala s-segwaċi veri taʼ Kristu.

6, 7. (a) Kif nafu li l-Kelma taʼ Jehovah tenfasizza ħafna l-importanza taʼ li nuru mħabba? (b) Il-kliem taʼ Pawlu mniżżel fl-1 Korintin 13:4-8 fuq liema aspett taʼ l-imħabba jiffoka?

X’jiġri jekk m’hemmx imħabba fina? L-appostlu Pawlu qal illi kieku hu ‘ma kellux l-imħabba, kien ikun qisu strument tar-ram iżarżar jew platti jċekċku.’ (1 Korintin 13:1) Il-platti jċekċku jagħmlu ħoss qawwi. Xi ngħidu għal strument tar-ram iżarżar? Verżjonijiet oħra jgħidu “qanpiena storbjuża” jew “qanpiena tidwi.” X’tixbihat addattati! Persuna mingħajr imħabba hija bħal strument mużikali li jagħmel ħoss qawwi u jżarżar, u li jdejqek flok tieħu pjaċir bih. Persuna bħal din kif jistaʼ jkollha relazzjoni intima m’oħrajn? Pawlu qal ukoll: “Kieku kelli l-fidi tiegħi sħiħa li nqanqal il-muntanji, imma ma kellix imħabba, jiena ma kont inkun xejn.” (1 Korintin 13:2) Immaġina ftit, persuna mingħajr imħabba ‘m’hi ħadd u hi bla siwi,’ minkejja dak kollu li tistaʼ tagħmel! (The Amplified Bible) M’huwiex ċar li l-Kelma taʼ Jehovah tenfasizza ħafna l-importanza taʼ li nuru mħabba?

7 Kif, iżda, nistgħu nuru din il-kwalità fil-mod kif nimxu m’oħrajn? Biex insibu t-tweġiba, ejja neżaminaw il-kliem taʼ Pawlu fl-1 Korintin 13:4-8 (NW ). L-enfasi f’dawn il-versi la  qiegħda fuq l-imħabba li Alla għandu għalina u lanqas m’hi fuq l-imħabba li aħna għandna għal Alla. Minflok, Pawlu ffoka fuq kif aħna għandna nuru mħabba ma’ xulxin. Hu ddeskriva ċerti affarijiet li għandha l-imħabba u ċerti affarijiet li m’għandhiex.

X’Inhi l-Imħabba

8. Is-sabar fit-tul kif jistaʼ jgħinna meta jinqalgħulna xi affarijiet żgħar m’oħrajn?

8 “L-imħabba tistabar fit-tul.” Li nistabru fit-tul ifisser li nissaportu bil-paċenzja lil oħrajn. (Kolossin 3:13) M’għandniex bżonnha paċenzja bħal din? Ladarba aħna ħlejjaq imperfetti li qed naqdu spalla ma’ spalla, hija ħaġa realistika illi nistennew li minn żmien għal żmien, ħutna l-Kristjani jistgħu jirritawna u aħna nirritaw lilhom. Imma bil-paċenzja u s-sabar, aħna nistgħu nkampaw man-nuqqas taʼ ftehim u t-tilwim  żgħir li jistgħu jinqalgħulna m’oħrajn—mingħajr ma nħarbtu l-paċi fil-kongregazzjoni.

9. B’liema modi nistgħu nuru qalb tajba m’oħrajn?

9 “L-imħabba . . . qalbha tajba.” Qalb tajba tintwera permezz t’atti t’għajnuna u kliem taʼ mogħdrija. L-imħabba tqanqalna biex insibu modi kif nuru qalb tajba, speċjalment ma’ dawk li jinsabu fil-bżonn ħafna. Per eżempju, forsi hemm ħu jew oħt imdaħħla fiż-żmien li tinsab waħedha u li għandha bżonn lil min iżurha u jinkuraġġiha ftit. Nistgħu nagħtu l-għajnuna lil xi oħt li qed trabbi lit-tfal waħedha, jew inkella lil oħt li tgħix f’dar maqsuma reliġjożament. Għandu mnejn li hemm xi ħadd li hu marid jew għaddej minn xi problemi, u jagħmillu tajjeb jekk xi ħabib leali jżuru u jgħidlu erba’ kelmiet taʼ inkuraġġiment. (Proverbji 12:25; 17:17) Meta nieħdu l-inizjattiva biex nuru qalb tajba b’modi bħal dawn, inkunu qed nuru kemm hi ġenwina l-imħabba tagħna.—2 Korintin 8:8.

10. L-imħabba kif tgħinna nappoġġaw u ngħidu l-verità, anki meta ma nsibuhiex faċli?

10 “L-imħabba . . . tithenna bil-verità.” Verżjoni oħra tgħid: “L-imħabba . . . iżżomm bil-ferħ mal-verità.” L-imħabba tqanqalna biex nappoġġaw il-verità u ‘ngħidu s-sewwa lil xulxin.’ (Żakkarija 8:16) Jekk, per eżempju, xi ħadd għażiż għalina ġie involut fi dnub serju, l-imħabba għal Jehovah—u għall-wieħed li dineb—se tgħinna biex inżommu mal-livelli t’Alla minflok ma nipprovaw naħbu, niskużaw, jew saħansitra nigdbu dwar l-aġir ħażin li jkun sar. Veru, nistgħu nsibuha diffiċli biex naċċettaw il-fatti. Imma jekk lill-midneb verament nixtiqulu l-aħjar, żgur li nixtiequ narawh jirċievi u jaħdem fuq id-dixxiplina kollha mħabba li jagħtih Alla. (Proverbji 3:11, 12) Bħala Kristjani li nħobbu, nixtiequ wkoll li “nġibu ruħna bl-onestà f’kollox.”—Ebrej 13:18, NW.

11. Ladarba l-imħabba “kollox tiflaħ,” x’għandna nistinkaw li nagħmlu rigward in-nuqqasijiet taʼ sħabna fit-twemmin?

11 “L-imħabba . . . kollox tiflaħ.” Din l-espressjoni tfisser letteralment “l-affarijiet kollha qiegħda tgħatti.” (Kingdom  Interlinear) L-ewwel Pietru 4:8 jgħid: “L-imħabba tgħatti kotra taʼ dnubiet.” Iva, Kristjan li jħalli l-imħabba tiggwidah m’huwiex ħerqan biex jikxef l-imperfezzjonijiet u n-nuqqasijiet kollha taʼ ħutu l-Kristjani. F’ħafna każi, l-iżbalji u d-difetti taʼ sħabna fit-twemmin ma jkunux affarijiet kbar u nistgħu ngħattu kollox bl-imħabba.—Proverbji 10:12; 17:9.

L-imħabba tqanqalna biex nuru fiduċja f’ħutna

12. L-appostlu Pawlu kif wera li kien jemmen fl-aħjar li setaʼ joffri Filemon, u x’nistgħu nitgħallmu mill-eżempju taʼ Pawlu?

12 “L-imħabba . . . kollox temmen.” It-traduzzjoni taʼ Moffatt tgħid li l-imħabba hija “dejjem ħerqana li temmen fl-aħjar.” Aħna ma noqogħdux qisna seqer fuq ħutna u niddubitaw kull motiv li jkollhom. L-imħabba tgħinna biex ‘nemmnu fl-aħjar’ li jistgħu joffru ħutna u biex nafdawhom. * Innota eżempju wieħed fl-ittra taʼ Pawlu lil Filemon. Pawlu kien qiegħed jikteb biex iħeġġeġ lil Filemon ħalli b’qalb tajba jilqaʼ lura lill-ilsir Oneżimu, li kien ħarab u li sadanittant kien sar Kristjan. Minflok ma pprova jisforza lil Filemon, Pawlu talbu biex jagħmel dan f’ġieħ l-imħabba. Hu wera fiduċja li Filemon kien se jaġixxi b’mod tajjeb, billi qal: “Ktibtlek għax jiena żgur li int tismaʼ minni, anzi jiena naf li se tagħmel aktar minn hekk.” (Vers 21) Meta l-imħabba tqanqalna biex nuru fiduċja bħal din f’ħutna, inkunu qed noħorġu t-tajjeb li hemm fihom.

13. Kif nistgħu nuru li nixtiqulhom l-aħjar lil ħutna?

13 “L-imħabba . . . kollox tittama.” L-istess bħalma l-imħabba turi fiduċja, din turi wkoll tama. Imqanqlin mill-imħabba, aħna nixtiqulhom l-aħjar lil ħutna. Per eżempju, jekk ħu jagħmel “xi pass falz qabel ma jinduna,” it-tama tagħna tkun li hu jirreaġixxi għall-isforzi li jsiru bi mħabba sabiex jiġi aġġustat mill-ġdid. (Galatin 6:1, NW ) Nittamaw ukoll li dawk li huma dgħajfin fil-fidi jirkupraw. Aħna nuru l-paċenzja ma’ wħud bħal dawn, u nagħmlu kulma nistgħu biex ngħinuhom jissaħħu fil-fidi. (Rumani 15:1; 1 Tessalonikin 5:14) Anki jekk  xi ħadd għażiż joħroġ mit-triq it-tajba, aħna ma niqfux nittamaw li xi darba, dan il-wieħed jiġi f’sensih u jirritorna għand Jehovah, bħall-iben il-ħali fit-tixbiha taʼ Ġesù.—Luqa 15:17, 18.

14. Ġewwa l-kongregazzjoni, b’liema modi jistaʼ jkollna l-provi biex nissaportu, u l-imħabba kif se tgħinna nirreaġixxu?

14 “L-imħabba . . . kollox tissaporti.” L-issaportar jgħinna nżommu sod meta niffaċċjaw diżappunti jew tbatija. Il-provi biex nissaportu ma jiġux biss minn barra l-kongregazzjoni. Xi drabi, nistgħu nġarrbu provi minn ġewwa. Minħabba l-imperfezzjoni, ħutna jistgħu xi kultant jiddiżappuntawna. Xi ħadd jistaʼ jweġġgħalna s-sentimenti tagħna billi jagħmel kumment bla ħsieb. (Proverbji 12:18) Forsi jkun hemm kwistjoni fil-kongregazzjoni li ma tiġix trattata kif naħsbu li għandha tiġi. Forsi ddejjaqna l-kondotta taʼ xi ħu rispettat, u ġġagħalna nistaqsu, ‘Kif jistaʼ Kristjan jaġixxi b’dan il-mod?’ Meta nsibu ruħna f’sitwazzjonijiet bħal dawn, se nitilqu mill-kongregazzjoni u nieqfu naqdu lil Jehovah? Mhux jekk għandna l-imħabba! Iva, l-imħabba ma tħalliniex nagħmew sal-punt li, minħabba n-nuqqasijiet taʼ xi ħu, ma nibqgħu naraw xejn tajjeb fih jew fil-kongregazzjoni b’mod ġenerali. L-imħabba tgħinna biex nibqgħu nuru fedeltà lejn Alla u nappoġġaw il-kongregazzjoni minkejja dak li jistaʼ jgħid jew jagħmel xi bniedem imperfett ieħor.—Salm 119:165.

X’Mhix l-Imħabba

15. X’inhi l-għira, u l-imħabba kif tgħinna nevitaw din l-emozzjoni qerrieda?

15 “L-imħabba ma tgħirx.” L-għira ħażina tistaʼ ġġagħalna nimtlew b’invidja għal dak li għandu ħaddieħor—l-affarijiet, il-barkiet, jew l-abbiltajiet tiegħu. Għira bħal din hija emozzjoni egoista u qerrieda, u jekk ma tiġix kontrollata, din tistaʼ tfixkel il-paċi fil-kongregazzjoni. X’se jgħinna biex nirreżistu t-“tendenza għall-għira”? (Ġakbu 4:5, NW ) F’kelma waħda, l-imħabba. Din il-kwalità prezzjuża tistaʼ tgħinna biex nifirħu ma’ dawk li jidhru li għandhom ċerti vantaġġi fil-ħajja illi aħna m’għandniex. (Rumani 12:15) L-imħabba tgħinna  biex ma niħduhiex bħala offiża persunali meta xi ħadd jiġi mfaħħar għal xi abbiltà eċċezzjonali li għandu jew għax irnexxa f’xi ħaġa.

16. Jekk verament inħobbu lil ħutna, għala nevitaw li niftaħru b’dak li qed nagħmlu fis-servizz taʼ Jehovah?

16 “L-imħabba . . . ma tiftaħarx, ma tintefaħx.” L-imħabba żżommna lura milli niffanfraw bit-talenti tagħna jew b’dak li jirnexxilna nagħmlu fil-ħajja. Jekk verament inħobbu lil ħutna, kif nistgħu noqogħdu l-ħin kollu niftaħru bis-suċċess li għandna fil-ministeru jew bil-privileġġi tagħna fil-kongregazzjoni? Ftaħir bħal dan jistaʼ jiskuraġġixxi lil oħrajn, u jġagħalhom iħossuhom inqas minnek. L-imħabba ma tħalliniex niftaħru b’dak li Alla jħallina nagħmlu fis-servizz tiegħu. (1 Korintin 3:5-9) Wara kollox, l-imħabba “ma tintefaħx,” jew kif tgħid The New Testament in Modern English, din ma “tgħożżx ideat minfuħa dwar l-importanza tagħha nfisha.” L-imħabba żżommna lura milli nkunu minfuħin wisq bina nfusna.—Rumani 12:3.

17. L-imħabba liema konsiderazzjoni tqanqalna nuru lejn oħrajn, u b’hekk liema kondotta se nevitaw?

17 “L-imħabba . . . ma ġġibx ruħha b’mod indeċenti.” Persuna li ġġib ruħha b’mod indeċenti taġixxi b’mod mhux xieraq ferm jew offensiv. Aġir bħal dan m’huwiex turija taʼ mħabba, għax juri nuqqas kbir taʼ rispett lejn is-sentimenti u l-benesseri t’oħrajn. B’kuntrast, fl-imħabba hemm ċerta grazzja li tqanqalna biex nuru konsiderazzjoni lejn ħaddieħor. L-imħabba tinkuraġġixxi l-manjieri tajbin, kondotta li togħġob lil Alla, u rispett għal sħabna fit-twemmin. B’hekk, l-imħabba ma tħalliniex nieħdu sehem fi mġiba taʼ mistħija—tabilħaqq, kwalunkwe mġiba li tixxokkja jew toffendi lil ħutna l-Kristjani.—Efesin 5:3, 4.

18. Bniedem li jħobb għala ma jinsistix li kollox isir kif irid hu?

18 “L-imħabba . . . ma tfittixx l-interessi tagħha.” Ir-Revised Standard Version hawnhekk tgħid: “L-imħabba ma tinsistix li tgħaddi tagħha.” Bniedem li jħobb ma jinsistix li kollox isir  kif irid hu, bħallikieku l-opinjonijiet tiegħu huma dejjem tajbin. Hu ma jimmanipulax lil nies oħra, billi jagħmel ħiltu biex jipperswadi lil dawk li għandhom opinjoni differenti ħalli jaqtgħu qalbhom. Jekk xi ħadd iwebbes rasu b’dan il-mod ikun qed juri li hu kemxejn imkabbar, u l-Bibbja tgħid: “Qabel il-qerda tiġi l-kburija.” (Proverbji 16:18) Jekk verament inħobbu lil ħutna, se nirrispettaw l-opinjonijiet tagħhom, u fejn ikun possibbli, nuru li aħna lesti li nċedu. Jekk inċedu nkunu qed naġixxu fi qbil mal-kliem taʼ Pawlu: “Ħadd ma għandu jqis qjiesu biss, iżda qjies ħaddieħor.”—1 Korintin 10:24.

19. L-imħabba kif tgħinna nirreaġixxu meta oħrajn joffenduna?

19 “L-imħabba . . . ma tiġix provokata . . . , ma żżommx kont tal-ħsara.” L-imħabba ma tiġix provokata malajr b’dak li jgħid jew jagħmel ħaddieħor. Veru, hija ħaġa naturali li niddejqu meta oħrajn joffenduna. Imma anki jekk ikollna raġun nirrabjaw, l-imħabba ma tħalliniex nibqgħu provokati. (Efesin 4:26, 27) M’aħniex se nżommu kont tal-kliem jew l-aġir li xi ħadd weġġagħna bih, qisna qed niktbuhom f’xi reġistru biex ma ninsewhomx. Minflok, l-imħabba tqanqalna biex nimitaw lill-Alla tagħna taʼ mħabba. Bħalma rajna f’Kapitlu 26, Jehovah jaħfer meta jkun hemm bażi soda biex jagħmel dan. Meta jaħfrilna, jinsa, jiġifieri, ma jerġax jaqlgħalna dawk id-dnubiet f’xi żmien fil-futur. M’aħniex grati li Jehovah ma jżommx kont tal-ħsara?

20. Kif għandna nirreaġixxu jekk xi ħadd minn ħutna jaqaʼ f’xi dnub u minħabba f’hekk ibati?

20 “L-imħabba . . . ma tithenniex bl-inġustizzja.” The New English Bible hawnhekk tgħid: “L-imħabba . . . ma tiħux pjaċir bid-dnubiet taʼ ħaddieħor.” It-traduzzjoni taʼ Moffatt tgħid: “L-imħabba ma tifraħx meta oħrajn jiżbaljaw.” L-imħabba ma tara l-ebda gost fl-inġustizzja, u għalhekk aħna ma nagħlqu għajnejna għall-ebda tip taʼ immoralità. Kif nirreaġixxu jekk xi ħadd minn ħutna jaqaʼ f’xi dnub u minħabba f’hekk ibati? L-imħabba ma tħalliniex nifirħu, bħallikieku ngħidu ‘Aħjar għalih! Ħaqqu!’ (Proverbji 17:5)  Madankollu, aħna nifirħu meta xi ħu li jkun żbalja jieħu passi pożittivi biex jirkupra mill-waqgħa spiritwali tiegħu.

“Triq li Tgħaddihom Ilkoll”

21-23. (a) Pawlu x’ried ifisser meta qal li “l-imħabba ma tbatti qatt”? (b) X’se jiġi kunsidrat fl-aħħar kapitlu?

21 “L-imħabba ma tbatti qatt.” Pawlu x’ried ifisser b’dan il-kliem? Kif muri fil-kuntest, hu kien qed jiddiskuti l-għotjiet taʼ l-ispirtu li kienu preżenti fost il-Kristjani tal-bidu. Dawn l-għotjiet servew bħala sinjali illi l-kongregazzjoni li kienet għadha kif ġiet ifformata kellha l-approvazzjoni t’Alla. Imma mhux il-Kristjani kollha setgħu jfejqu, jipprofetizzaw, jew jitkellmu bil-lingwi. Madankollu, dan ma kienx jimporta; l-għotjiet mirakolużi xorta kienu se jieqfu maż-żmien. Iżda, kien hemm xi ħaġa li kienet se tibqaʼ, xi ħaġa li kull Kristjan  setaʼ jikkultiva. Din kienet tispikka iktar, u sservi iktar, minn kwalunkwe għotja mirakoluża. Fil-fatt, Pawlu sejħilha “triq li tgħaddihom ilkoll.” (1 Korintin 12:31) X’kienet din it-“triq li tgħaddihom ilkoll”? Din kienet it-triq taʼ l-imħabba.

In-nies ta’ Jehovah jintgħarfu mill-imħabba ta’ bejniethom

22 Tabilħaqq, l-imħabba Kristjana li ddeskriva Pawlu “ma tbatti qatt,” jiġifieri, din qatt ma se tispiċċa. Sal-ġurnata taʼ llum, is-segwaċi veri taʼ Ġesù jintgħarfu mill-imħabba mhix egoista illi juru ma’ xulxin bħall-aħwa. M’aħniex naraw evidenza taʼ mħabba bħal din fil-kongregazzjonijiet taʼ l-aduraturi taʼ Jehovah madwar id-dinja? Din l-imħabba se tibqaʼ għal dejjem, għax Jehovah iwiegħed ħajja taʼ dejjem għall-qaddejja tiegħu taʼ fedeltà. (Salm 37:9-11, 29) Jalla nkomplu nagħmlu ħilitna kollha biex nibqgħu ‘nimxu fl-imħabba.’ Billi nagħmlu dan, nistgħu nesperjenzaw l-hena akbar li jirriżulta meta nagħtu. Iktar minn hekk, nistgħu nibqgħu ngħixu—iva, nibqgħu nħobbu—għall-eternità kollha, bħall-Alla tagħna taʼ mħabba, Jehovah.

23 B’dan il-kapitlu għalaqna t-taqsima dwar l-imħabba, u fih iddiskutejna kif nistgħu nuru mħabba ma’ xulxin. Imma meta nqisu kemm hemm modi kif nistgħu nibbenefikaw mill-imħabba taʼ Jehovah—kif ukoll mill-qawwa, il-ġustizzja, u l-għerf tiegħu—nagħmlu tajjeb li nistaqsu, ‘Kif nistaʼ nuri lil Jehovah li verament inħobbu?’ Din il-mistoqsija se nikkunsidrawha fl-aħħar kapitlu.

^ par. 12 M’għandniex xi ngħidu, l-imħabba Kristjana bl-ebda mod ma tiblaʼ kollox. Il-Bibbja tħeġġiġna: ‘Oqogħdu attenti minn dawk li jġibu l-firda u t-tfixkil . . . u żommu ’l bogħod minnhom.’—Rumani 16:17.