Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU 28

“Int Biss Leali”

“Int Biss Leali”

1, 2. Għala jistaʼ jingħad li n-nuqqas taʼ lealtà ma kienx xi ħaġa ġdida għas-Sultan David?

IN-NUQQAS taʼ lealtà ma kienx xi ħaġa ġdida għas-Sultan David. F’perijodu minnhom matul il-ħakma tiegħu mimlija komplotti, nies min-nazzjon tiegħu stess ikkonfoffaw kontrih. Barra minn hekk, David ġie tradut minn xi wħud li kont taħsibhom li huma ħbiebu tal-qalb. Ejja nieħdu lil Mikal, l-ewwel mara taʼ David. Għall-ewwel, hi “kienet tħobb lil David,” u żgur li kienet tappoġġah fil-qadi tiegħu bħala sultan. Madankollu, iktar tard, hi “stmerritu f’qalbha,” u saħansitra qieset lil David bħal ‘raġel bla ġieħ.’—1 Samwel 18:20; 2 Samwel 6:16, 20.

2 Imbagħad kien hemm Aħitofel, il-wieħed li kien jagħti l-pariri lil David. Il-pariri tiegħu kienu stmati bħallikieku kienu ġejjin dirett mingħand Jehovah. (2 Samwel 16:23) Imma, maż-żmien, dan il-ħabib intimu u fdat sar traditur u ssieħeb fi rvell organizzat kontra David. U min kien il-bniedem wara din il-konfoffa? Absalom, bin David stess! Dan il-bniedem li pprova jinqeda b’kull opportunità “seraq qalb in-nies taʼ Iżrael,” u ħatar lilu nnifsu bħala sultan rivali. Ir-rewwixta li qajjem Absalom tant ħraxet li s-Sultan David kellu jaħrab biex isalva ġildu.—2 Samwel 15:1-6, 12-17.

3. David x’fiduċja kellu?

3 Kien hemm xi ħadd li baqaʼ leali lejn David? Matul l-inkwiet kollu li għadda minnu, David kien jaf li xi ħadd kien hemm. Min? Ħadd ħlief Alla Jehovah. “Ma’ min hu tajjeb [“leali,” NW], int timxi bit-tajjeb [“bil-lealtà,” NW],” qal David dwar Jehovah. * (2 Samwel 22:26) X’inhi  l-lealtà, u Jehovah kif jipprovdi l-aqwa eżempju taʼ din il-kwalità?

X’Inhi l-Lealtà?

4, 5. (a) X’inhi l-“lealtà”? (b) Il-lealtà kif inhi differenti mill-fedeltà?

4 Il-kelma “lealtà” kif tintuża fl-Iskrittura Ebrajka hija qalb tajba li bi mħabba tintrabat m’oġġett u ma titilqux sakemm jitwettaq l-iskop tagħha fi qbil ma’ dak l-oġġett. Hemm iktar involut mill-fedeltà. Wara kollox, persuna tistaʼ turi fedeltà għal xi ħaġa sempliċement minħabba s-sens t’obbligu. B’kuntrast, il-lealtà toriġina mill-imħabba. Ħaġa oħra, ukoll, il-kelma “fidil” tistaʼ tintuża għal affarijiet bla ħajja. Per eżempju, is-salmista sejjaħ lill-qamar “xhud fidil fis-sema” peress li jidher b’mod regulari kull lejl. (Salm 89:37, ) Imma l-qamar ma jistax jiġi deskritt bħala li hu leali. Għala? Għax il-lealtà hija espressjoni taʼ mħabba—xi ħaġa li l-affarijiet bla ħajja ma jistgħux juruha.

Il-qamar jissejjaħ xhud fidil, imma ħlejjaq ħajjin u intelliġenti biss jistgħu verament jirriflettu l-lealtà ta’ Jehovah

5 Fis-sens Skritturali, il-lealtà hija sentiment qawwi li ġej mill-qalb. It-turija nfisha tal-lealtà tindika li teżisti relazzjoni bejn il-persuna li turi din il-kwalità u l-persuna l-oħra li lilha qed tintwera. Lealtà bħal din ma toqgħodx tilgħab. M’hijiex  bħall-mewġ tal-baħar li jmur fejn jieħdu r-riħ. Għall-kuntrarju, il-lealtà, jew l-imħabba leali, għandha l-istabbilità u s-saħħa li tegħleb l-iktar ostakli diffiċli.

6. (a) Kemm hija rari l-lealtà fost il-bnedmin, u dan kif inhu indikat fil-Bibbja? (b) Liema hu l-aħjar mod biex nitgħallmu x’tinvolvi l-lealtà, u għala?

6 Veru, lealtà bħal din hija rari llum. Spiss jiġri li jkun hemm “ħbieb taʼ l-isem biss.” Iktar ma jgħaddi ż-żmien iktar qed nisimgħu b’każi taʼ nies li jabbandunaw lis-sieħeb jew sieħba tagħhom. (Proverbji 18:24; Malakija 2:14-16) It-tradimenti tant saru komuni li nistgħu naslu biex nirrepetu l-kliem tal-profeta Mikea: “Għab il-bniedem twajjeb [“leali,” NW] mill-pajjiż.” (Mikea 7:2) Għalkemm il-bnedmin spiss jonqsu li juru qalb tajba bl-imħabba, il-lealtà hija kwalità li tispikka ħafna f’Jehovah. Fil-fatt, l-aħjar mod biex nitgħallmu x’tinvolvi eżatt il-lealtà huwa li neżaminaw kif Jehovah juri dan l-aspett grandjuż taʼ l-imħabba tiegħu.

Il-Lealtà li M’Hawnx Bħalha taʼ Jehovah

7, 8. Kif jistaʼ jingħad li Jehovah biss hu leali?

7 Il-Bibbja tgħid dwar Jehovah: “Int biss leali.” (Rivelazzjoni 15:4, NW ) Dan kif jistaʼ jkun? Ma kienx hemm bnedmin u anġli wkoll li xi drabi wrew lealtà li tispikka? (Ġob 1:1; Apokalissi 4:8) U xi ngħidu għal Ġesù Kristu? M’huwiex hu l-iktar “wieħed leali” t’Alla? (Salm 16:10, NW ) Allura, kif jistaʼ jingħad li Jehovah biss hu leali?

8 L-ewwel ħaġa, ftakar li l-lealtà hija aspett taʼ l-imħabba. Ladarba “Alla hu mħabba”—billi hu l-personifikazzjoni nfisha taʼ din il-kwalità—min jistaʼ juri l-lealtà b’mod iktar komplet minn Jehovah? (1 Ġwanni 4:8) Veru, l-anġli u l-bnedmin jistgħu jirriflettu l-attributi t’Alla, imma Jehovah biss hu leali b’mod suprem. Bħala x-“Xiħ fl-għomor,” hu ilu  juri l-qalb tajba bl-imħabba għal ħafna iktar żmien minn kwalunkwe ħliqa, fis-sema jew fl-art. (Danjel 7:9) B’hekk, Jehovah hu l-essenza nfisha tal-lealtà. Hu juri din il-kwalità b’tali mod li l-ebda ħliqa ma tistaʼ titqabbel miegħu. Ikkunsidra xi eżempji.

9. Jehovah kif inhu ‘leali f’dak kollu li jagħmel’?

9 Jehovah hu “twajjeb [“leali,” NW] f’dak kollu li għamel.” (Salm 145:17) B’liema mod? Salm 136 jipprovdi tweġiba. Hemmhekk jissemmew diversi atti taʼ salvazzjoni mwettqin minn Jehovah, inkluż il-ħelsien drammatiku taʼ l-Iżraelin mill-Baħar l-Aħmar. B’mod sinifikanti, f’kull vers taʼ dan is-salm issir enfasi bil-frażi: “Għax għal dejjem it-tjieba [“qalb tajba bl-imħabba,” NW, jew, lealtà] tiegħu.” Dan is-salm hu inkluż fil-Mistoqsijiet għall-Meditazzjoni f’paġna 289. Int u taqra dawn il-versi, ma tistax ma tibqax impressjonat bil-ħafna modi li bihom Jehovah wera qalb tajba bl-imħabba mal-poplu tiegħu. Iva, Jehovah juri l-lealtà mal-qaddejja leali tiegħu billi jismaʼ l-krib tagħhom għall-għajnuna u billi jieħu azzjoni fiż-żmien xieraq. (Salm 34:7 [34:6, NW]) L-imħabba leali taʼ Jehovah għall-qaddejja tiegħu ma tinbidilx sakemm huma jibqgħu leali lejh.

10. Jehovah kif juri l-lealtà fejn jidħlu l-livelli tiegħu?

10 Flimkien ma’ dan, Jehovah juri l-lealtà mal-qaddejja tiegħu billi jżomm sod mal-livelli tiegħu. Kuntrarju għal xi bnedmin li m’humiex konsistenti u li jimxu fuq dak li jħossu u jfettlilhom, Jehovah ma joqgħodx ibiddel fehemtu fuq x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. Matul il-millennji taʼ snin, il-ħarsa tiegħu dwar affarijiet bħall-ispiritiżmu, l-idolatrija, u l-qtil ma nbidlitx. “Sa xjuħitkom jien dejjem hu,” hu qal permezz tal-profeta Isaija. (Isaija 46:4) Għaldaqstant, jistaʼ jkollna l-fiduċja li se nibbenefikaw jekk nimxu fuq id-direzzjoni morali ċara li nsibu fil-Kelma t’Alla.—Isaija 48:17-19.

11. Agħti eżempji biex turi li Jehovah hu leali billi jżomm kelmtu dwar il-wegħdi li jagħmel.

 11 Jehovah juri wkoll il-lealtà billi jżomm kelmtu rigward il-wegħdi li jagħmel. Meta jbassar xi ħaġa, dejjem isseħħ. Jehovah b’hekk qal: “Kelmti . . . toħroġ minn fommi, u ma terġax lura vojta, imma tagħmel dak li jogħġob lili, u ttemm dak li nkun bgħattha tagħmel.” (Isaija 55:11) Billi jżomm kelmtu, Jehovah juri l-lealtà mal-poplu tiegħu. Hu ma jħallihomx jistennew fuq ix-xwiek għal xi ħaġa li mhux bi ħsiebu jagħmilha. Ir-reputazzjoni taʼ Jehovah tant hija perfetta f’din il-ħaġa li l-qaddej tiegħu Ġożwè setaʼ jgħid: “Ebda kelma taʼ ġid ma kien baqaʼ li ma seħħitx skond ma kien wiegħed il-Mulej lid-dar taʼ Iżrael. Kollox seħħ!” (Ġożwè 21:45) Nistgħu nkunu fiduċjużi, mela, li qatt ma se noħorġu diżappuntati minħabba li Jehovah jonqos li jwettaq il-wegħdi li jagħmel.—Isaija 49:23; Rumani 5:5.

12, 13. Il-qalb tajba bl-imħabba taʼ Jehovah b’liema modi hi “għal dejjem”?

12 Bħalma ntwera qabel, il-Bibbja tgħidilna li l-qalb tajba bl-imħabba taʼ Jehovah hi “għal dejjem.” (Salm 136:1) Dan kif inhu minnu? Ħaġa waħda hi li Jehovah jaħfer id-dnubiet darba għal dejjem. Kif ġie diskuss f’Kapitlu 26, Jehovah ma jerġax jaqlaʼ dnubiet tal-passat ladarba lill-persuna jkun ħafrilha. Minħabba li “l-bnedmin kollha dinbu u ċċaħħdu mill-glorja taʼ Alla,” kull wieħed minna għandu jkun grat li l-qalb tajba bl-imħabba taʼ Jehovah hi għal dejjem.—Rumani 3:23.

13 Imma l-qalb tajba bl-imħabba taʼ Jehovah hi għal dejjem f’sens ieħor ukoll. Il-Kelma tiegħu tgħid li l-bniedem ġust se jsir “bħal siġra mħawwla ħdejn nixxigħat taʼ l-ilma li tagħmel il-frott fi żmienha, u l-weraq tagħha ma jidbielx; hu jirnexxi f’kull ma jagħmel.” (Salm 1:3) Immaġina siġra b’saħħitha li l-weraq tagħha qatt ma jidbiel! Hekk ukoll aħna, jekk l-għaxqa tagħna tkun fil-Kelma t’Alla,  ħajjitna se tkun waħda twila, mimlija paċi u riżultati sbieħ. Il-barkiet li Jehovah jagħti b’mod leali lill-qaddejja leali tiegħu huma dejjiema. Verament, fid-dinja ġdida u ġusta li se jġib Jehovah, il-bnedmin ubbidjenti se jesperjenzaw il-qalb tajba bl-imħabba tiegħu għal dejjem.—Apokalissi 21:3, 4.

Jehovah ‘Ma Jitlaqx lil-Leali Tiegħu’

14. Jehovah kif juri apprezzament għal-lealtà tal-qaddejja tiegħu?

14 Jehovah wera l-lealtà tiegħu ħafna drabi. Ladarba Jehovah hu konsistenti b’mod perfett, il-lealtà li juri mal-qaddejja leali tiegħu qatt ma tonqos. Is-salmista kiteb: “Kont żagħżugħ, u issa xjeħt, u qatt ma rajt il-ġust minsi, jew uliedu jittallbu ħobżhom. Għax il-Mulej iħobb is-sewwa, u ma jitlaqx it-twajbin [“leali,” NW] tiegħu.” (Salm 37:25, 28) Veru, bħala l-Ħallieq, Jehovah jistħoqqlu l-qima tagħna. (Apokalissi 4:11) Madankollu, għax hu leali, Jehovah jgħożż l-atti tagħna taʼ fedeltà.—Malakija 3:16, 17.

15. Spjega kif il-mod li bih Jehovah mexa ma’ Iżrael jenfasizza l-lealtà Tiegħu.

15 Minħabba l-qalb tajba bl-imħabba tiegħu, Jehovah darba wara l-oħra jgħin lill-poplu tiegħu meta dan jgħaddi mill-problemi. Is-salmista jgħidilna: “Iħares il-ħajja taʼ ħbiebu [“l-uħud leali tiegħu,” NW], jeħlishom minn idejn il-ħżiena.” (Salm 97:10) Aħseb ftit dwar kif mexa mal-ġens taʼ Iżrael. Wara l-ħelsien mirakoluż tagħhom mill-Baħar l-Aħmar, l-Iżraelin kantaw lil Jehovah: “Bi tjubitek [“qalb tajba bl-imħabba tiegħek,” NW] mexxejt dan il-poplu li int fdejt.” (Eżodu 15:13) Il-ħelsien fil-Baħar l-Aħmar żgur li kien att taʼ qalb tajba bl-imħabba, jew imħabba leali, min-naħa taʼ Jehovah. B’hekk, Mosè qal lill-Iżraelin: “Il-Mulej tgħaxxaq bikom u għażilkom, mhux għax kontu kbar fil-għadd iżjed minn kull poplu ieħor, għax intom l-iċken fil-għadd fost il-popli  kollha, iżda l-Mulej għażilkom għax ħabbkom, u għax ried iżomm il-ħalfa li ħalef lil missirijietkom; kien għalhekk li l-Mulej, b’id qawwija, ħariġkom u fdiekom minn dar il-jasar, minn id il-Fargħun, is-sultan taʼ l-Eġittu.”—Dewteronomju 7:7, 8.

16, 17. (a) Liema nuqqas kbir t’apprezzament urew l-Iżraelin, u madankollu Jehovah kif wera mogħdrija magħhom? (b) Il-biċċa l-kbira mill-Iżraelin kif urew li “ma setgħux jeħilsuha aktar,” u dan x’eżempju taʼ twissija jipprovdilna?

16 M’għandniex xi ngħidu, bħala ġens l-Iżraelin naqsu li juru apprezzament għall-qalb tajba bl-imħabba taʼ Jehovah, għax wara l-ħelsien tagħhom ‘komplew jidinbu kontra Jehovah, qamu kontra Alla.’ (Salm 78:17) Matul is-sekli, huma rribellaw għal darba wara l-oħra, billi telqu lil Jehovah u daru għal allat foloz u prattiċi pagani li ma ġabu xejn ħlief tkasbir. Xorta waħda, Jehovah ma kisirx il-patt tiegħu. Minflok, permezz tal-profeta Ġeremija, Jehovah talab bil-ħniena lill-poplu tiegħu: “Erġaʼ lura, ja Iżrael taʼ rasha iebsa . . . Ma nħarisx aktar b’wiċċ imqarras lejk, għax jien ħanin [“leali,” NW].” (Ġeremija 3:12) Madankollu, bħalma rajna f’Kapitlu 25, il-biċċa l-kbira mill-Iżraelin ma tqanqlux biex jinbidlu. Fil-fatt, “huma kienu jiddieħku bil-mibgħutin tiegħu, imaqdru kliemu, u jkasbru l-profeti tiegħu.” X’kien ir-riżultat? Fl-aħħarnett, “saħnet il-korla tal-Mulej għall-poplu tiegħu, hekk li ma setgħux jeħilsuha aktar.”—2 Kronaki 36:15, 16.

17 X’nitgħallmu minn dan? Li l-lealtà taʼ Jehovah la hi għamja u lanqas tiblaʼ kollox. Veru, Jehovah hu “kbir fit-tjieba [“qalb tajba bl-imħabba,” NW],” u jieħu pjaċir juri ħniena meta jkun hemm raġuni għalfejn. Imma x’jiġri jekk persuna li tidneb bl-ebda mod ma tkun trid tieqaf tagħmel il-ħażin? F’każ bħal dan, Jehovah iżomm mal-livelli ġusti tiegħu stess u jagħmel ħaqq kontra dik il-persuna. Bħalma ntqal lil Mosè, “[Jehovah] ma jħalli xejn għaddej.”—Eżodu 34:6, 7.

18, 19. (a) Il-kastig taʼ Jehovah fuq il-ħżiena kif inhu fih innifsu att taʼ lealtà? (b) Jehovah b’liema mod se juri l-lealtà ma’ dawk il-qaddejja tiegħu li ġew persegwitati sal-punt tal-mewt?

 18 Il-kastig t’Alla fuq il-ħżiena huwa fih innifsu att taʼ lealtà. Kif? Indikazzjoni waħda tinsab fil-ktieb taʼ l-Apokalissi fil-kmandi li Jehovah jagħti lis-seba’ anġli: “Morru, ferrgħu s-seba’ bwieqi tal-korla taʼ Alla fuq l-art.” Meta t-tielet anġlu jferra’ l-bieqja tiegħu “fuq ix-xmajjar u l-għejun taʼ l-ilmijiet,” dawn isiru demm. Imbagħad l-anġlu jgħid lil Jehovah: “Ġust int, int li hu u li kien, [“il-Leali,” NW], għax għamilt ħaqq minn dawn; għax huma xerrdu demm il-qaddisin u l-profeti, u lilhom tajthom demm x’jixorbu: hekk ħaqqhom.”—Apokalissi 16:1-6.

Jehovah b’mod leali se jiftakar u jirxoxta lil dawk li baqgħu leali saħansitra sal-mewt

19 Innota li waqt li jwassal dan il-messaġġ taʼ ġudizzju, l-anġlu jirreferi għal Jehovah bħala “l-Leali.” Għala? Għax billi jeqred lill-ħżiena, Jehovah ikun qed juri lealtà mal-qaddejja tiegħu, li ħafna minnhom ġew persegwitati sal-punt tal-mewt. B’mod leali, Jehovah iżommhom ħajjin ferm fil-memorja tiegħu. Hu jixtieq ħafna li jerġaʼ jara lil dawn l-uħud leali li mietu, u l-Bibbja tikkonferma li l-iskop tiegħu  hu li jippremjahom bl-irxoxt. (Ġob 14:14, 15) Jehovah ma jinsiex lill-qaddejja leali tiegħu sempliċement għax dawn m’għadhomx jgħixu iktar. Għall-kuntrarju, dawn “kollha ħajjin għalih.” (Luqa 20:37, 38, NW ) L-iskop taʼ Jehovah li jerġaʼ jagħti l-ħajja lil dawk li jinsabu fil-memorja tiegħu huwa evidenza qawwija tal-lealtà tiegħu.

Bernard Luimes (fuq) u Wolfgang Kusserow (fin-nofs) inqatlu min-Nazi

Moses Nyamussua nqatel minn grupp politiku

L-Imħabba Leali taʼ Jehovah Tiftaħ it-Triq tas-Salvazzjoni

20. Min huma l-“oġġetti tal-ħniena,” u Jehovah kif juri lealtà magħhom?

20 Matul l-istorja, Jehovah wera lealtà li ma bħalha mal-bnedmin leali. Fil-fatt, għal eluf taʼ snin, Jehovah “issaporta b’sabar kbir l-oġġetti tal-korla lesti għall-qerda.” Għala? “Biex imbagħad jgħarraf l-għana tal-glorja tiegħu għall-oġġetti tal-ħniena, li hu ħejja għall-glorja minn qabel.” (Rumani 9: 22, 23) Dawn l-“oġġetti tal-ħniena” huma wħud b’attitudni xierqa li huma midlukin bl-ispirtu qaddis biex ikunu werrieta flimkien ma’ Kristu fis-Saltna tiegħu. (Mattew 19:28) Billi fetaħ it-triq tas-salvazzjoni għal dawn l-oġġetti tal-ħniena, Jehovah baqaʼ leali lejn Abraham, li miegħu kien għamel din il-wegħda bħala patt: “Jitbierku b’nislek il-ġnus kollha taʼ l-art talli smajt minn kelmti.”—Ġenesi 22:18.

Minħabba l-lealtà ta’ Jehovah, il-qaddejja leali kollha tiegħu għandhom tama soda għall-futur

21. (a) Jehovah kif juri lealtà ma’ folla kbira li għandha l-prospett li tgħaddi mit-tribulazzjoni l-kbira? (b) Il-lealtà taʼ Jehovah xi tqanqlek tagħmel?

21 Jehovah juri lealtà simili ma’ folla kbira li għandha l-prospett li tgħaddi mit-tribulazzjoni l-kbira u tgħix għal dejjem fuq art magħmula ġenna. (Apokalissi 7:9, 10, 14) Għalkemm il-qaddejja tiegħu huma imperfetti, Jehovah b’mod leali jagħtihom l-opportunità li jgħixu għal dejjem fuq art magħmula ġenna. Dan kif jagħmlu? Permezz tal-fidwa—l-akbar turija tal-lealtà taʼ Jehovah. (Ġwanni 3:16; Rumani 5:8) Il-lealtà taʼ Jehovah tiġbed lil dawk li, f’qalbhom, jixxennqu għas-sewwa. (Ġeremija 31:3, NW ) Ma tħossokx iktar qrib Jehovah minħabba l-lealtà profonda li wera u li għad juri? Ladarba hija x-xewqa tagħna li nersqu qrib lejn Alla, jalla nwieġbu għall-imħabba tiegħu billi nsaħħu d-determinazzjoni tagħna li naqduh bil-lealtà.

^ par. 3 Ta’ interess, il-kelma tradotta ‘tjieba’ fit-2 Samwel 22:26, fin-New World Translation of the Holy Scriptures tiġi tradotta “lealtà” u f’versi oħra tiġi tradotta “qalb tajba bl-imħabba” jew “imħabba leali.”